32000R2494



Official Journal L 288 , 15/11/2000 P. 0006 - 0010


Ir-Regolament (KE) Nru 2494/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tas-7 ta' Novembru 2000

dwar miżuri biex tiġi promossa l-konservazzjoni u l-immaniġġjar sostenibbli tal-foresti tropikali u foresti oħrajn f'pajjiżi li qed jiżviluppaw

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 175 u 179 tiegħu,

Wara li kkunsidraw l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Wara konsultazzjoni mal-Kumitat tar-Reġjuni,

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3], fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni fis-27 ta' Lulju 2000.

Billi:

(1) Il-foresti għandhom varjetà ta' funzjonijiet u valuri għall-bniedem u jistgħu jikkontribwixxu għat-twettiq ta' l-iżvilupp u l-miri ambjentali tal-Komunità bħall-kampanja kontra l-faqar, l-iżvilupp sostenibbli ekonomiku u soċjali u l-protezzjoni ta' l-ambjent.

(2) F'ħafna riżoluzzonijiet, il-Parlament Ewropew stqarr l-inkwiet tiegħu dwar il-qerda tal-foresti u l-konsegwenzi għan-nies li jiddependu mill-foresti, b'mod partikolari l-popli indiġeni.

(3) B'risposta għal din it-talba tal-Parlament Ewropew fir-Riżoluzzjoni tagħha dwar l-istrateġija ta' l-Unjoni Ewropea dwar studju fuq foresti [4] il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni "Foresti u Żvilupp: kif tħares lejn dawn il-KE" li tistabbilixxi strateġija għal azzjoni tal-Komunità dwar il-promozzjoni tal-konservazzjoni u l-amministrazzjoni sostenibbli tal-foresti f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw.

(4) L-għanijiet ta' din l-istrateġija għandhom jiġu segwiti fil-kuntest tal-mira iktar wiesgħa tal-Komunità li tippromwovi l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-foresti, f' kull żona ġeografika jew żona klimatika li fiha jistgħu jinsabu.

(5) Il-Komunità u l-Istati Membri tagħha huma firmatarji tad-Dikjarazzjoni ta' Rio u l-programm ta' azzjoni Aġenda 21 u impenjaw ruħhom fir-Riżoluzzjoni tas-Sessjoni Speċjali ta' l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (UNgass) "Programm għall-implimentazzjoni aktar ta' Aġenda 21".

(6) Il-Komunità u l-Istati Membri tagħha huma membri ta' l-Organizazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (World Trade Organization) u partijiet għall-Ftehim Ambjentali Multilaterali, partikolarment il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, il-Konvenzjoni Qafas dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Konvenzjoni biex tiġi Miġġielda d-Deżertifikazzjoni; Huma għalhekk impenjati li jieħdu f'konsiderazzjoni r-responsabbiltajiet differenzjati imma komuni tal-partiijiet żviluppati u l-partijiet li qed jiżviluppaw f'dawn is-suġġetti.

(7) Fis-Sezzjoni Speċjali tagħha ta' l-1997, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti ikkonfermat il-proposti ta' azzjoni formulati fil-qafas tal-Panel Intergovernattiv dwar il-Foresti (PIF). Il-Komunità u l-Istati Membri tagħha huma impenjati bis-sħiħ fl-implimentazzjoni ta' dawn il-proposti.

(8) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3062/95 ta' l-20 ta' Diċembru 1995 dwar ħidmiet għall-avanz tal-foresti tropikali [5] stabbilixxew il-qafas għal assistenza Komunitarja f'dan il-qasam. Ir-Regolament (KE) Nru 3062/95 kien applikabbli sal-31 ta' Diċembru 1999. L-esperjenza miksuba matul l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 3062/95 għandha tkun riflessa f'dan ir-Regolament.

(9) Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' Novembru 1998, il-Kunsill jagħraf ir-rwol li popli indiġeni għandhom fl-immaniġġjar ta' l-ambjent, b'mod partikolari fejn għandhom x'jaqsmu l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-foresti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

(10) L-istrumenti finanzjarji disponibbli għall-Komunità biex tappoġġja l-konservazzjoni u l-iżvilupp sostenibbli tal-foresti għandhom jiġu supplimentati.

(11) Għandha ssir dispożizzjoni biex jinħolqu fondi għall-atttivitajiet imsemmija f'dan ir-Regolament. Riżorsi finanzjarji konsiderevoli huma meħtieġa għal kontribuzzjoni sinnifikanti għall-protezzjoni ta' foresti tropikali u oħrajn f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, fejn id-deforestazzjoni wasslet, jew qed thedded li twassal, għal diżastri ambjentali bħall-għargħar jew it-tniġġis ta' l-arja.

(12) Dan ir-Regolament jippreskrivi, għat-tul kollu tal-programm li jistabbilixxi, qafas finanzjarju li jikkostitwixxi r-referenza primarja, fis-sens tal-punt 33 tal-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 1999, dwar id-dixxiplina u t-titjib dwar il-proċedura ta' budget [6], għall-awtorità tal-budget matul il-proċedura annwali ta' budget.

(13) Regoli dettaljati għall-implimentazzjoni għandhom jiġu preskritti, b'mod partikolari l-forma ta' l-azzjoni, is-soċji f'ko-operazzjoni u l-proċedura dwar tehid ta'deċiżjonijiet.

(14) Il-miżuri mehtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tippreskrivi l-proċeduri għall-eżerċizzju ta' l-implimentazzjoni tal-poteri mogħtija lill-Kummissjoni [7].

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-Komunità għandha tipprovdi assistenza finanzjarja u l-ħila esperta xierqa biex tippromwovi l-konservazzjoni u l-immaniġġjar sostenibbli ta' foresti tropikali u foresti oħrajn fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, sabiex jintlaħqu d-domandi ekonomiċi, soċjali u ambjentali mqiegħda fuq il-foresti f'livelli lokali, nazzjonali u globali.

L-assistenza u l-hila esperta mogħtija skond dan ir-Regolament għandhom jikkumplimentaw u jsaħħu dawk mogħtija permezz ta' strumenti oħra ta' ko-operazzjoni għall-iżvilupp.

Artikolu 2

Għall-għanijiett ta' dan ir-Regolament:

1. "Foresti tropikali u foresti oħrajn", minn hawn 'il quddiem magħrufa bħala "foresti", tfisser ekosistemi ta' foresti naturali u semi-naturali, sew jekk primarji sew sekondarji, kemm jekk foresti fil-magħluq u kemm fil-miftuħ, f'żoni niexfa, nofshom niexfa u umdi.

2. "Konservazzjoni" tfisser l-attivitajiet kollha biex jiġu priżervati u riabilitati l-foresti, b'mod partikolari attivitajiet immirati biex jipproteġu jew iġeddu d-diversità bijoloġika u l-funzjonijiet ekoloġiċi tas-sistema tal-foresti, filwaqt li jiżguraw sakemm hu possibbli il-valur tagħhom ta' issa u tal-ġejjieni għall-bniedem u b'mod partikolari għan-nies li jiddependu mill-foresti.

3. "Maniġġjar sostenibbli ta' foresti" tfisser il-maniġġjar u l-użu ta' foresti u boskijiet b'mod, u b'rata, li żżomm id-diversità bijoloġika tagħhom, il-produttività, il-kapaċità ta' ri-ġenerazzjoni, il-vitalità u l-potenzjal tagħhom li jwettqu, issa u fil-ġejjieni, funzjonijiet rilevanti ekoloġiċi, ekonomiċi u soċjali, f'livelli lokali, nazzjonali u globali, mingħajr ma jikkawżaw danni lil ekosistemi oħrajn.

4. "Żvilupp sostenibbli" tfisser it-titjib tal-livell ta' għixien u l-ġid tal-popolazzjonijiet rilevanti fil-limiti tal-kapaċità ta' l-eko sistemi permezz taż-żamma ta' l-assi naturali u d-diversità bijoloġika tagħhom għall-benefiċċju tal-ġenerazzjonijiet preżenti u tal-ġejjieni.

5. "Nies li jiddependu mill-Foresti" tfisser indiġeni li jgħixu fil-foresta jew li jagħmluha d-dar tradizzjonali tagħhom u dawk kollha li jgħixu fil-foresta jew qrib tagħha u li tradizzjonalment b'mod dirett u fil-biċċa l-kbira jiddependu mill-foresta.

Artikolu 3

L-attivitajiet li għandhom jitwettqu taħt dan ir-Regolament għandhom jimmiraw lejn:

- li jogħla l-istatus tal-foresti fil-politika nazzjonali u l-integrazzjoni tal-politika dwar il-foresti bbażata fuq maniġġjar sostenibbli tal-foresti fl-ippjanar ta' l-iżvilupp;

- il-promozzjoni tal-produzzjoni u l-użu ta' prodotti ta' l-injam u dawk mhux ta' l-injam tal-foresti minn riżorsi maniġġjati b'mod sostenibbli;

- il-kontribut għall-valutazzjoni xierqa ta' riżorsi u servizzi tal-foresti;

- l-assigurazzjoni ta' parteċipazzjoni attiva min-nies u komunitajiet lokali li jiddependu mill-foresti fl-iżvilupp ta' politika nazzjonali dwar il-foresti u fl-ippjanar ta' l-iżvilupp;

- it-titjib tal-ko-ordinazzjoni u l-bdil ta' informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-proġetti ta' l-Istati Membri sabiex jithaddmu azzjonijiet koerenti f'dik iż-żona.

Artikolu 4

1. L-attivitajiet li għandhom jitwettqu taħt dan ir-Regolament għandhom jindirizzaw b'mod partikolari:

(a) l-iżvilupp ta' oqfsa ta' politika xierqa nazzjonali u internazzjonali ibbażat fuq valutazzjoni realistika tal-foresti, li jinkludu ippjanar dwar l-użu ta' l-art, negozju ġust fi prodotti tal-foresti prodotti b'mod sostenibbli, miżuri legali u fiskali, bini ta' istituzzjonijiet, appoġġ għas-settur privat u appoġġ għal nies li jiddependu mill-foresti biex jiżviluppaw lilhom infushom halli jkunu jistgħu jiffurmaw l-iżvilupp soċjali, ekonomiku u kulturali tagħhom. Dawn għandhom iqisu l-politika ta' setturi oħra li jkollha impatt fuq il-foresti u l-interessi u d-drittijiet imdorrijin bihom tan-nies li jiddependu mill-foresti;

(b) il-konservazzjoni u t-tiġdid tal-foresti kkunsidrati ta' importanza minħabba l-valur ekoloġiku għoli tagħhom, b'mod partikolari il-valur tagħhom għall-priservazzjoni tal-bijodiversità, jew minħabba l-impatti lokali u globali tagħhom, bħall-protezzjoni ta' baċini idrografiċi, il-prevenzjoni ta' tgħawwir tal-ħamrija, jew tat-tibdil fil-klima;

(ċ) l-immaniġġjar u l-użu sostenibbli tal-foresti biex jinħolqu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u ambjentali li jinkludu, fost oħrajn, iċ-ċertifikazzjoni tal-foresti, waqt li jitqiesu l-kondizzjonijiet differenti ta' maniġġjar għal żoni żgħar u kbar ta' foresti - u l-ħsad ambjentali għaqli ta' prodotti ta' l-injam u mhux ta' l-injam tal-foresti u t-tiġdid naturali u megħjun tal-foresti;

(d) il-vijabilità ekonomika ta' l-immaniġġjar sostenibbli tal-foresti permezz ta' utilizzazzjoni iktar effiċjenti ta' prodotti tal-foresti u t-titjib tekniku ta' attivitajiet fix-xmajjar li għandhom x'jaqsmu mas-settur tal-foresti bħall-ipproċessar u l-marketing, fuq skala żgħira jew ikbar, ta' prodotti tal-foresti ta' l-injam u mhux ta' l-injam, ta' l-użu sostenibbli ta' l-injam bħala sors ta' enerġija u tal-promozzjoni ta' alternattivi għal drawwiet agrikoli ibbażati fuq it-tindif tal-foresti;

(e) it-tiġdid u l-immaniġġjar ta' tagħrif u informazzjoni li għandhom x'jaqsmu mas-servizzi u l-prodotti tal-foresti, sabiex joholqu bażi xjentifika tajba għall-attivitajiet elenkati f'(a) sa (d).

2. L-attivitajiet eliġibbli għall-finanzjament għandhom jinkludu proġetti piloti fis-settur, programmi innovattivi, studji u riċerki, li r-riżultati tagħhom, barra mill-għanijiet speċifiċi tagħhom, jikkontribwixxu għall-iżvilupp, l-aġġustament u l-implimentazzjoni aħjar tal-politika dwar il-foresti tal-Komunità u l-pajjiżi soċji.

3. Attenzjoni partikolari għandha tingħata lil:

- inkoraġġiment ta' l-intrapriża privata responsabbli għall-ambjent u għas-soċjetà fil-katina tal-prodotti tal-foresti li jipproċessaw u li jqeigħdu fis-suq, fil-kuntest ta' politika miftiehma għall-iżvilupp tas-settur privat u f'konsiderazzjoni tas-sistemi soċjali eżistenti u l-attivitajiet ibbażati fuq komunità;

- l-inkoraġġiment ta' parteċipazzjoni diretta ta' soċji ta' ko-operazzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u fl-istess ħin l-assigurazzjoni ta' skala xierqa ta' interventi u l-adattament ta' proċeduri amministrattivi għall-kapaċità amministrattiva lokali;

- l-għoti ta' informazzjoni minn qabel u l-assigurazzjoni tal-parteċipazzjoni ta' nies li jiddependu mill-foresti u tal-komunitajiet lokali f'attivitajiet imwettqa taħt dan ir-Regolament, f'konsiderazzjoni tal-prijoritajiet ta' l-iżvilupp tagħhom u d-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali, fost oħrajn, permezz ta' bini li jogħqodhom, sabiex tiġi assigurata l-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom fil-proċessi kollha ta' teħid ta' deċiżjonijiet;

- is-sostenibilità ta' kull attività proposta, soċjali, ekonomika kif ukoll ambjentali;

- il-ko-ordinazzjoni u l-bdil xieraq ta' informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex tiġi assigurata koerenza fl-attivitajiet fir-reġjuni konċernati;

- rwoli speċifiċi għall-ġeneru, tagħrif, perspettivi u kontribuzzjonijiet ta' nisa/bniet u rġiel/subien fl-immaniġjar u l-użu tal-foresti.

4. Il-prijoritajiet għandhom jiġu determinati skond:

- il-bżonnijiet ta' kull pajjiż kif riflessi fl-iżvilupp reġjonali u nazzjonali u l-politika ambjentali li għandha x'taqsam ma' foresti, f'konsiderazzjoni ta' pjanijiet nazzjonali dwar foresti u bżonnijiet lokali, u

- għanijiet ta' ko-operazzjoni fil-Komunità kif stabbiliti mill-Kummissjoni f'dokumenti miftiehma ta' strateġija tal-pajjiżi.

5. L-attivitajiet imwettqa taħt dan ir-Regolament għandhom ikunu preċeduti minn stimi ta' impatt ambjentali u soċjo-kulturali, inkluża stima tal-kongruwenza tal-hidmiet maħsuba mal-prijoritajiet ta' l-iżvilupp tan-nies li jiddependu mill-foresti u tal-komunitajiet lokali konċernati, kif ukoll l-analiżi tal-probabiltajiet finanzjarji u ekonomiċi. Dawn l-attivitajiet għandhom ukoll jiġu preċeduti minn tpartit trasparenti ta' informazzjoni man-nies u l-komunitajiet lokali li jiddependu mill-foresti u jkunu taht il-kondizzjoni ta' l-appoġġ tagħhom.

6. L-attivitajiet imwettqa skond dan ir-Regolament għandhom ikunu ko-ordinati ma', u jistgħu jagħtu appoġġ lil, programmi u attivitajiet nazzjonali u internazzjonali dwar il-konservazzjoni u l-immaniġġjar sostenibbli tal-foresti, b'mod partikolari l-proposti għal azzjoni formolati mill-proċess tal-'Panel Intergovernattiv dwar il-Foresti/Forum Intergovernattiv għall-Foresti (IPP/IFF).

7. Meta xieraq, l-attivitajiet għandhom jitwettqu fi ħdan il-qafas ta' organizzazzjonijiet reġjonali u programmi internazzjonali ta' ko-operazzjoni u għandhom ikunu ta' appoġġ għall-iżvilupp ta' politika globali dwar il-konservazzjoni u l-immaniġġjar sostenibbli tal-foresti fejn il-politika tal-Komunità tista' tiġi integrata.

Artikolu 5

Soċji ko-operattivi li jistgħu jirċievu assistenza skond dan ir-Regolament għandhom jinkludu organizzazzjonijiet internazzjonali, Stati, reġjuni u entitajiet reġjonali, dipartimenti deċentralizzati, aġenziji pubbliċi, operaturi u industriji privati, ko-operattivi, komunitajiet lokali, organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet mhux governattivi li jirrappreżentaw nies lokali, b'mod partikolari nies li jiddependu mill-foresti.

Artikolu 6

1. Il-finanzjament mill-Komunitàjista' jkopri studji, assistenza teknika, edukazzjoni, stħarriġ jew servizzi oħra, fornituri u xogħolijiet, fondi minn għotjiet żgħar kif ukoll stimi, verifiki u missjonijiet ta' valutazzjoni u monitoraġġ. Jista' jkopri, fil-limitu stabbilit kull sena mill-awtorità tal-budget, spejjeż ta' assistenza teknika u amministrattiva, għall-benefiċċju tal-Kummissjoni u l-benefiċjarju, li għandhom x'jaqsmu ma' operazzjonijiet ta' xort'oħra mix-xogħolijiet permanenti ta' l-amministrrazzjoni pubblika, marbuta ma' l-identifikazzjoni, il-preparazzjoni, l-immaniġġjar, il-monitoraġġ, il-verifika u l-kontroll ta' programmi jew proġetti.

Il-finanzjament tal-Komunitàjista' jkopri kemm l-investiment, marbut ma' attività speċifika, bl-eċċezzjoni tax-xiri ta' beni immobbli, u kemm infiq rikorrenti (inkluż l-infiq għall-amministrazzjoni, għall-manutenzjoni u għax-xogħolijiet.

B'eċċezzjoni għal programmi ta' stħarriġ, edukazzjoni u riċerka, l-infiq rikorrenti jista' normalment jiġi kopert biss matul il-fażi tal-bidu u fuq bażi li jonqos ftit ftit.

2. Kontribuzzjoni mis-soċji ko-operattivi definiti fl-Artikolu 5 tkun mistennija għal kull attività ta' ko-operazzjoni. Il-kontribuzzjoni tagħhom għandha tiġi mitluba skond il-meżżi tagħhom u x-xorta ta' l-attività konċernata.

3. Jistgħu jiġu mfittxa opportunitajiet għal ko-finanzjament ma' donaturi oħra, speċjalment ma' l-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet internazzjonali konċernati. F'dan il-każ, għandha tiġi mfittxa ko-ordinazzjoni mal-miżuri meħuda minn donaturi oħra.

4. Il-miżuri meħtieġa għandhom jittieħdu biex jiġi emfasizzat il-karattru Komunitarju ta' l-assistenza mogħtija skond dan ir-Regolament.

5. Sabiex jiġu miksuba l-għanijiet ta' konsistenza u kumplimentarjetà preskritti fit-Trattat, u bil-ħsieb ta' garanzija ta' l-aħjar effiċjenza għal dawn l-attivitajiet kollha, il-Kummissjoni għandha, flimkien ma' l-Istati Membri, tieħu l-miżuri kollha ta' ko-ordinazzjoni mehtieġa, inklużi b'mod partikolari:

(a) it-tpartit sistematiku u l-analiżi ta' informazzjoni dwar l-attivitajiet finanzjati jew li qed jiġu kkunsidrati għal finanzjament mill-Komunità u l-Istati Membri;

(b) il-ko-ordinazzjoni fuq il-post ta' dawn l-attivitajiet permezz ta' laqgħat regolari u t-tpartit ta' informazzjoni bejn ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni u l-Istati Membri fil-pajjiżi benefiċjarji.

6. Sabiex jiġi miksub l-akbar impatt possibbli ta' l-attivitajiet f'livelli globali, nazzjonali u lokali, il-Kummissjoni, flimkien ma' l-Istati Membri, tista' tieħu kull inizjattiva mehtieġa sabiex tassigura ko-ordinazzjoni xierqa u kollaborazzjoni mill-qrib, speċjalment dwar it-tpartit ta' l-informazzjoni, mas-soċji ta' ko-operazzjoni, donaturi u organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn involuti, b'mod partikolari dawk li jagħmlu parti mis-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti.

Artikolu 7

L-assistenza finanzjarja skond dan ir-Regolament għandha tieħu l-forma ta' għotjiet.

Artikolu 8

Il-qafas finanzjarju għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament matul il-perjodu 2000 sa l-2006 għandu jkun ta' EUR 249 miljuni.

L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-awtorità tal-budget fil-limiti tal-perspettiva finanzjarja.

Artikolu 9

1. Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-istima, it-tehid ta' deċiżjonijiet għall-finanzjament u l-amministrazzjoni ta' l-attivitajiet koperti minn dan ir-Regolament skond il-proċeduri tal-budget u proċeduri oħrajn fis-seħħ, u b'mod partikolari dawk preskritti fir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej.

2. Kull tieni sena, il-Kummissjoni għandha tadotta, skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 10(2), linji ta' gwida u prijoritajiet strateġiċi għall-implimentazzjoni ta' l-attivitajiet li għandhom jitwettqu fis-snin ta' wara. Għandha tinforma b'dan lill-Parlament Ewropew.

3. Deċiżjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' għotjiet ta' EUR 3,5 miljuni jew iktar għal attivitajiet individwali finanzjati skond dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 10(2).

4. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 10(1) fil-qosor b'kull deċiżjonijiet ta' finanzjament li taħseb li se tkun ser tieħu fejn għandhom x'jaqsmu għotjiet ta' inqas minn EUR 3,5 miljuni għal attivitajiet koperti b'dan ir-Regolament. L-informazzjoni għandha tkun disponibbli mhux iktar tard minn ġimgħa qabel tiitiehed id-deċiżjoni.

5. Il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata biex tapprova kull impenn extra biex tkun koperta kull spiża żejda mistennija jew attwali jew ħtiġijiet addizzjonali konnessi ma' l-attivitajiet, sakemm iż-żieda jew il-ħtieġa addizzjonali tkun inqas minn jew ekwivalenti għal 20 % ta' l-impenn finanzjarju inizjali ffissat mid-deċiżjoni tal-finanzjament.

6. Il-finanzjamenti kollha ta' ftehim jew kuntratti konklużi skond dan ir-Regolament għandhom jiddisponu li l-Kummissjoni u l-Qorti ta' l-Awdituri jagħmlu tfittxijiet fuq il-post skond il-proċeduri normali preskritti mill-Kummissjoni skond ir-regoli fis-sehh, b'mod partikolari dawk tar-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej.

7. Meta xogħolijiet ikunu s-suġġett ta' ftehim finanzjarju bejn il-Komunità u l-pajjiż li jirċievi, ftehim bħal dan għandu jistipula li l-ħlas tat-taxxi, dazji jew kull spejjeż oħra m'għandhiex tagħmel tajjeb għalihom il-Komunità.

8. Il-parteċipazzjoni f'sejhiet għal xogħolijiet bl-appalt u l-għoti ta' kuntratti għandha tkun miftuħa fuq termini ta' l-istess kondizzjonijiet għall-persuni kollha naturali u legali ta' l-Istati Membri u l-pajjiż li jkun jirċievi. Tista' tiġi estiża għall-pajjiżi oħra li qed jiżviluppaw u, f'każijiet eċċezzjonali li huma kompletament ġustifikati, għall-pajjiżi terzi oħra.

9. Il-fornituri għandhom joriġinaw fl-Istati Membri, fil-pajjiż li jirċievi jew f'pajjiżi oħra li qed jiżviluppaw. F'każijiet eċċezzjonali, fejn iċ-ċirkostanzi jiġġustifikaw, il-fornituri jistgħu joriġinaw f'pajjiżi oħra.

10. Attenzjoni partikolari għandha tingħata għall:

- it-tfittxija ta' effettività għall-ispejjeż u ta' impatt sostenibbli ta' l-attivitajiet,

- id-definizzjoni ċara u l-monitoraġġ ta' l-għanijiet u l-indikaturi ta' suċċess għall-attivitajiet kollha,

Artikolu 10

1. Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-kumitat indikat li jkun ġeografikament determinat responsabbli għall-iżvilupp, minn hawn 'l hemm magħruf bħala l-"Kumitat".

2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, f'konsiderazzjoni għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu preskritt fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' xahar.

3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu ta' proċedura.

Artikolu 11

1. Sa l-1 ta' Settembru ta' wara kull sena ta' budget, il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jsemmi fil-qosor l-attivitajiet finanzjati matul dik is-sena u jivvaluta l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament matul dak il-perjodu.

Is-sommarju għandu b'mod partikolari jagħti informazzjoni dwar in-numru u x-xorta ta' l-attivitajiet finanzjati, is-soċji ta' ko-operazzjoni u l-pajjiżi konċernati. Ir-rapport għandu wkoll jindika n-numru ta' valutazzjonijiet esterni mwettqa fejn għandhom x'jaqsmu attivitajiet speċifiċi.

2. Il-Kummissjoni għandha regolarment tivvaluta l-attivitajiet finanzjati mill-Kummissjoni bil-għan li tistabbilixxi jekk l-għanijiet immirati minn dawk l-attivitajiet ġewx miksuba u sabiex tohloq linji ta' gwida għat-titjib ta' l-effettività ta' attivitajiet fil-ġejjieni. Il-valutazzjonijiet għandhom iqisu kif jahsbuha l-benefiċjarji, inklużi n-nies u l-komunitajiet lokali li jiddependu mill-foresti. Il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 10(1) ġabra fil-qosor tal-valutazzjonijiet li jkunu saru. Ir-rapporti ta' valutazzjoni għandhom ikunu disponibbli għal kull Stat Membru, għall-Parlament Ewropew u għal partijiet oħra interessati.

3. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri, l-aktar tard xahar wara d-deċiżjoni tagħha, bl-attivitajiet li ġew approvati, filwaqt li ssemmi l-ispiża u x-xorta tagħhom, il-pajjiż konċernat u s-soċji ta' ko-operazzjoni.

4. Gwida ta' finanzjament li tispeċifika l-linji ta' gwida u l-kriterji applikabbli għall-għażla ta' attivitajiet għandha tkun ippubblikata u kkomunikata lill-partijiet interessati mis-servizzi tal-Kummissjoni, inklużi d-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-pajjiżi konċernati.

Artikolu 12

1. Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet ġurnata wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Għandu japplika sal-31 ta' Diċembru 2006.

2. Erba' snin wara li jidhol fis-sehh dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill valutazzjoni globali ta' l-attivitajiet finanzjati mill-Komunità taħt dan ir-Regolament, fil-kuntest ta' ko-operazzjoni totali tal-Komunità għall-iżvilupp, flimkien ma' proposti li għandhom x'jaqsmu mal-ġejjieni ta' dan ir-Regolament, inklużi l-modifikazzjoni jew it-tmiem possibbli tiegħu.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fis-7 ta' Novembru 2000.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

N. Fontaine

Għall-Kunsill

Il-President

L. Fabius

[1] ĠU C 87, tad-29.3.1999, p. 97 uĠU C 248 E, tad-29.8.2000, p. 97.

[2] ĠU C 258, ta' l-10.9.1999, p. 13.

[3] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Mejju 1999 (ĠU C 279, ta' l-1.10.1999, p. 184), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1999 (ĠU C 64, tas-6.3.2000, p. 55) u Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-14 ta' Marzu 2000 (għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali). Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-20 ta' Settembru 2000 u Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2000.

[4] ĠU C 55, ta' l-24.2.1997, p. 22.

[5] ĠU L 327, tat-30.12.1995, p. 9.

[6] ĠU C 172, tat-18.6.1999, p. 1.

[7] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

--------------------------------------------------