32000R2409



Official Journal L 278 , 31/10/2000 P. 0003 - 0004


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2409/2000

tat-30 ta’ Ottubru, 2000,

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1623/2000 li jagħmel regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fl-inbid, dwar il-mekkaniżmi tas-suq

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 tas-17 ta’ Mejju, 1999, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fl-inbid [1], u partikolarment l-Artikoli 33 tiegħu,

Billi:

(1) Artikolu 2(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1623/2000 [2] jipprovdi li operaturi soġġetti għall-miżuri ta’ distillazzjoni obbligatorja jistgħu jibbenefikaw biss mill-miżuri msemmija f’dak ir-Regolament jekk ikunu ħarsu l-obbligazzjonijiet tagħhom. Dawk id-dispożizzjonijiet għandhom ikunu supplimentati għas-sena ta’ l-inbid 2000/01 b’referenza għall-istess miżuri ta’ distillazzjoni obbligatorja li kienu ttieħdu fis-sena ta’ l-inbid ta’ qabel, skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 822/87 [3], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1677/1999 [4].

(2) Artikolu 55(2) tar-Regolament (KE) Nru 1623/2000 jippermetti lil Franza li tibdel il-prezz tax-xiri għal inbid skond il-miżura ta’ distillazzjoni msemmija f’Artikolu 28 tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999. Biex l-impatt ekonomiku ta’ dan fuq id-distillaturi jkun kanċellat, għandu jkun hemm bdil ekwivalenti fl-għajnuna għad-distillazzjoni. Dispożizzjoni bħal dik għandha għalhekk tiddaħħal fl-Artikoli li jiffissaw kemm għandha tingħata għajnuna.

(3) Għad-distillazzjoni msemmija Artikoli 27 u 28 tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999, għandu jkun hemm tolleranza massima fuq il-volumi mibgħuta għad-distillazzjoni obbligatorja. Skond ir-Regolament (KE) Nru 1623/2000, din it-tolleranza hija meħtieġa biss għal Artikolu 48 għad-distillazzjoni ta’ prodotti sekondarji mill-produzzjoni ta’ l-inbid. Dik l-istess dispożizzjoni għandha tiddaħħal f’Artikolu 56 għad-distillazzjoni ta’ nbid magħmul minn varjetà bi klassifikazzjoni doppja.

(4) Artikolu 57 tar-Regolament (KE) Nru 1623/2000 jagħmel regoli speċjali għall-prodott minn distillazzjoni diretta ta’ nbejjed magħmula minn għeneb ta’ varjetajiet klassifikati għall-istess unità amministrattiv kemm bħala varjetajiet ta’ għeneb għall-inbid u kemm bħala varjetajiet maħsuba għall-produzzjoni ta’ spirti mill-inbid. L-għan ta’ dawk ir-regoli huwa li ma titħalliex issir il-produzzjoni ta’ spirti minn inbid soġġett għal miżura ta’ distillazzjoni obbligatorja jew volontarja. Id-dispożizzjoni kienet iddaħħlet bi żball fit-Taqsima II tal-Kapitolu I, li tirreferi biss għal miżura waħda ta’ distillazzjoni obbligatorja. L-Artikolu in kwistjoni għandu għalhekk ikun fil-Kapitolu III dwar dispożizzjonijiet komuni applikabbli għall-miżuri ta’ distillazzjoni.

(5) Il-perjodu ta’ żmien imsemmi f’Artikolu 63(5) tar-Regolament (KE) Nru 1623/2000 biex l-Istati Membri javżaw bil-volum kollu ta’ kuntratti għal distillazzjoni, approvati skond Artikolu 29 tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999, huwa wisq qasir u ma jistgħax jitħares dejjem. Dak il-perjodu ta’ żmien għandu għalhekk jinbidel.

(6) Mhux aktar obbligatorju li tintwera l-qawwa alkoħolika nfisha f’kuntratti tà konsenja għad-distillazzjoni. Iżda, Artikolu 65 tar-Regolament (KE) Nru 1623/2000 għandu jistabbilixxi tolleranza għal dik il-qawwa alkoħolika fejn l-Istati Membri jistabbilixxu li din għandħa tintwera.

(7) Dawn l-emendi għandhom japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1623/2000.

(8) Il-miżuri msemmija f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni ta’ l-Inbid,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KEE) Nru 1623/2000 huwa emendat kif ġej:

1. F’Artikolu 2(2), għandu jiżdied is-supparagrafu li ġej:

"Għas-sena ta’ l-inbid 2000/01, l-obbligazzjonijiet imsemmija fl-ewwel supparagrafu għandhom ikunu dawk imsemmija f’Artikoli 35 u 36 tar-Regolamenti (KEE) Nru 822/87."

2. F’Artikolu 56, għandhom jiżdiedu s-supparagrafi li ġejjin:

"Fejn il-prezz tax-xiri jinbidel kif imsemmi f’Artikolu 55(2), l-għajnuna msemmija fl-ewwel supparagrafu għandha tinbidel bl-istess mod.

M’għandha tkun dovuta ebda għajnuna għal kwantitajiet ta’ nbid mibgħuta għad-distillazzjoni li jkunu jaqbżu b’aktar minn 2 % l-obbligazzjoni tal-produttur, kif imsemmi f’Artikolu 52 ta’ dan ir-Regolament."

3. Artikolu 57 huwa revokat.

4. F’Artikolu 63(5), l-aħħar sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

"L-Istati Membri għandhom javżaw lill-Kummissjoni bil-volum kollu ta’ kuntratti approvati fiż-żmien ta’ l-ewwel avviż skond il-paragrafu 4, wara dik l-approvazzjoni."

5. F’Artikolu 65(10), għandu jiżdied is-supparagrafu li ġej:

"Fejn il-qawwa alkoħolika nfisha bil-volum tintwera fil-kuntratt, għandħa titħalla diskrepanza ta’ 1 % vol bejn is-saħħa murija u dik stabbilita meta ssir il-verifika."

6. Għandu jiżdied Artikolu 65 a li ġej:

"Artikolu 65a

Ħtiġijiet għal alkoħol magħmul mid-distillazzjoni ta’ ċerti nbejjed

Prodott b’qawwa alkoħolika ta’ 92 % vol jew aktar jista’ jinkiseb biss bid-distillazzjoni diretta ta’ nbejjed magħmula minn għeneb ta’ varjetajiet ikklassifikati għall-istess unità amministrattiva kemm bħala varjetajiet ta’ għeneb għall-inbid u kemm bħala varjetajiet maħsuba għall-produzzjoni ta’ spirti mill-inbid."

7. F’Artikolu 69(3), wara t-tielet supparagrafu, għandu jiżdied is-supparagrafu li ġej:

"Fejn il-prezz tax-xiri jinbidel kif imsemmi fl-Artikolu 55(2), l-għajnuna msemmija fit-tieni vers tas-supparagrafu ta’ qabel għandu jinbidel bl-istess mod."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Għandu jkun japplika mill-1 ta’ Awissu, 2000.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-30 ta’ Ottubru, 2000.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 179, ta’ l-14.7.1999, p. 1.

[2] ĠU L 194, tal-31.7.2000, p. 45.

[3] ĠU L 84, tas-27.3.1987, p. 1

[4] ĠU L 199, tat-30.7.1999, p. 8.

--------------------------------------------------