32000R2311



Official Journal L 265 , 19/10/2000 P. 0010 - 0011


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2311/2000

tat-18 ta' Ottubru 2000

li jistabbilixxi l-lista tal-miżuri li għalihom ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4045/89 ma jgħoddx u li jħassar id-Deċiżjoni 96/284/KE

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4045/89 tal-21 ta' Diċembru 1989 dwar l-iskrutinju mill-Istati Membri tat-tranżazzjonijiet li jiffurmaw parti mis-sistema ta'l-iffinanzjar tas-Sezzjoni ta' Garanzija tal-Gwida Agrikola Ewropea u l-Fond tal-Garanzija u li jirrevoka d-Direttiva 77/435/KEE [1] kif l-aħħar emendata bir-Regolament (KE) Nru 3235/94 [2], u b'mod partikolari l-Artikolu 1(4) tiegħu,

Billi:

(1) L-Artikolu 1(4) tar-Regolament (KEE) Nru 4045/89 jipprovdi espressament li l-Kummissjoni għandha tħejji lista ta' miżuri li għalihom ir-Regolament ma jgħoddx. Huwa approprjat li jiġu inklużi f'dik il-lista miżuri li huma min-natura tagħhom mhux adattati għall-kontroll posterjuri bħala skrutinju ta' dokumenti kummerċjali.

(2) Għandhom jiqiesu l-miżuri taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/2000 tas-17 ta' Mejju 1999 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Gwida Agrikola Ewropea u l-Fond tal-Garanzija (FAEGG) u li jemenda u jħassar ċerti Regolamenti [3].

(3) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/284/KE tat-12 ta' April 1996 li twaqqaf il-lista ta' miżuri li għalihom ir-Regolament (KEE) Nru 4045/89 tal-Kunsill ma jgħoddx [4] għandha tiġi revokata biex tirrifletti ċerti bidliet fil-leġislazzjoni Komunitarja.

(4) Il-miżuri previsti minn dan ir-Regolament huma konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat tal-Fond,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-sistema ta' skrutinji stabbilita bir-Regolament (KEE) Nru 4045/89 ma' tgħoddx għall-miżuri elenkati fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni Nru 96/284/KE qed tiġi b'dan revokata.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ mill-1 ta' Novembru 2000.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jgħodd direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, fit-18 ta' Ottubru 2000.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 388, tat-30.12.1989, p. 18.

[2] ĠU L 338, tat-28.12.1994, p. 16.

[3] ĠU L 160, tas-26.6.1999, p. 80.

[4] ĠU L 107, tat-30.4.1996, p. 17.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

MIŻURI LI GĦALIHOM IS-SISTEMA TA' SKRUTINJU SKOND IR-REGOLAMENT (KEE) Nru 4045/89 MA TGĦODDX

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1308/70 tad-29 ta' Ġunju 1970 dwar l-orgnizzazzjoni komuni tas-suq fil-kittien u l-qanneb (ĠU L 146, ta' l-4.7.1970, p. 1):

il-miżuri msemmija fl-Artikolu 2, safejn l-għajnuna titħallas lill-produttur.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1442/88 ta'l-24 ta' Mejju 1988 dwar l-għoti, għas-snin ta' l-inbid 1988/89 sa 1998/99, ta' preiums permanenti tat-tħollija rigward żoni tat-tkabbir ta' l-inbid (ĠU L 132, tat-28.5.1988, p. 3).

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 tas-17 ta' Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fl-inbid (ĠU L 179, ta' l-14.07.99, p. 1) għall-għajnuniet li ġejjin:

- Titolu II, Kapitolu II – Premiums tat-tħollija,

- Titolu II, Kapitolu III – Ristrutturar u konverzjoni.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2078/92 tat-30 ta' Ġunju 1992 dwar metodi ta' produzzjoni agrikola kompatibbli mal-ħtiġiet tal-protezzjoni ta'l-ambjent u l-ħarsien tal-kampanja (ĠU L 215, tat-30.7.1992, p. 85).

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2079/92 tad-29 ta' Ġunju 1992 li jistabbilixxi skema ta' għajnuna Komunitarja għall-irtirar kmieni mill-biedja (ĠU L 215, tat-30.07.92, p. 91).

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2080/92 tad-29 ta' Ġunju 1992 li jistabbilixxi skema ta'għajnuna Komunitarja għall-miżuri ta' afforestazzjoni fl-agrikoltura (ĠU L 215, tat-30.07.92, p. 96).

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 tas-17 ta' Mejju 1999, dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Gwida Agrikola Ewropea u l-Fond tal-Garanzija (FAEGG) u li jemenda u jħassar ċerti regolamenti (ĠU L 160, tas-26.6.1999, p. 80):

il-kapitoli li ġejjin

Il-Kapitolu IV | –L-irtirar kmieni |

Il-Kapitolu V | –Żoni anqas aġevolati u żoni b'restrizzjonijiet ambjentali |

Il-Kapitolu VI | –Agri-ambjentali |

Il-Kapitolu VIII | –Afforestazzjoni |

--------------------------------------------------