32000R2040



Official Journal L 244 , 29/09/2000 P. 0027 - 0032


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2040/2000

tas-26 ta' Settembru 2000

dwar dixxiplina tal-budget

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 37, 279 u 308 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2];

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti ta' l-Awdituri [3],

Billi:

(1) Il-Kunsill Ewropew fil-laqgħa f'Berlin fl-24 u 25 ta' Marzu 1999 qabel li n-nefqa ta' l-Unjoni għandha tirrispetta kemm id-dixxiplina urġenti tal-budget kif ukoll nefqa effiċjenti.

(2) Fis-6 ta' Mejju 1999 il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni kkonkludew Ftehim Interistituzzjonali dwar dixxiplina tal-budget u titjib fil-proċedura tal-budget [4]. Dan il-Ftehim Interistituzzjonali, li d-disposizzjonijiet kollha tiegħu japplikaw b'mod komplet, jenfasizza li d-dixxiplina tal-budget tkopri n-nefqa kollha u torbot lill-istituzzjonijiet kollha involuti fl-implimentazzjoni tiegħu. Huwa jistabbilixxi perspettiva finanzjarja intiża biex tiżgura li, fit-terminu medju, in-nefqa ta' l-Unjoni Ewropea, imqassma f'kategoriji wiesa', tiżviluppa b'mod ordnat u ġewwa l-limiti ta' riżorsi proprji:

(3) L-istituzzjonijiet qablu li l-kalkulazzjoni tal-linja gwida agrikola għandhom jibqgħu bla bidla. Madankollu, bil-ħsieb ta' simplifikazzjoni, bażi reċenti ta' referenza għandha tkun adottata u konċetti statistiċi għandhom ikunu konsistenti ma' dawk li hu previst li jkunu adottati fid-Deċiżjoni tal-Kunsill futura, dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej.

(4) Il-Kunsill Ewropew ikkonkluda li l-linja gwida agrikola tkun minn issa tkopri n-nefqa taħt il-politika agrikola komuni rriformata, il-miżuri ġodda dwar żvilupp rurali, miżuri veterinarji u tas-saħħa tal-pjanti, nefqa f'konnessjoni ma' l-istrument agrikoli ta' qabel l-adeżjoni u l-ammonti disponibbli għall-adeżjoni.

(5) Il-mekkaniżmi għad-deprezzament tal-ħażniet ifformati matul is-sena tal-budget għandhom jinżammu.

(6) Il-Kunsill Ewropew, fil-laqgħa f'Berlin fl-24 u 25 ta' Marzu 1999, filwaqt li qies il-livelli attwali tan-nefqa u mmira biex jistabbilizza n-nefqa agrikola f'termini reali matul il-perjodu 2000 sa 2006, ikkunsidra li l-politika agrikola komuni rriformata setgħet tkun implimentata ġewwa qafas finanzjarju li hu jkun iddetermina. Huwa talab lill-Kummissjoni u lill-Kunsill isegwu (jiġru wara) tifdil addizzjonali biex jiżguraw li n-nefqa totali, esklużi l-iżvilupp rurali u l-miżuri veterinarji, fil-perjodu 2000 sa 2006 ma' jaqbżux l-ammont medju annwali li jkun stabbilixxa. Fid-dawl tad-deċiżjonijiet tiegħu, huwa kkunsidra li l-ammonti li għandhom ikunu rreġistrati fit-titlu (intestatura) 1 tal-perspettiva finanzjarja m'għandhomx jeċċedu ċerti livelli annwali, li dwarhom il-Parlament Ewropew, il-Kunsill l-Kummissjoni ikunu qablu permezz tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-6 ta' Mejju 1999.

(7) Il-limiti għas-subtitoli "Politika agrikola komuni" u "Żvilupp rurali u miżuri magħhom" huma stabbiliti fil-perspettiva finanzjarja li tifforma parti integrali mill-Ftehim Interistituzzjonali tas-6 ta' Mejju 1999. Huma jistgħu jkunu rriveduti biss b'deċiżjoni konġunta taż-żewġ dirgħajn ta' l-awtorita tal-budget, li taġixxi wara proposta mill-Kummissjoni, skond id-disposizzjonijiet relevanti tal-Ftehim Interistituzzjonali.

(8) Meta l-Kunsill jemenda leġislazzjoni agrikola u kull meta hi tqis meħtieġ, il-Kummissjoni għandha għalhekk tgħamilha ċara lill-Kunsill, jekk xieraq, li hemm riskju konsiderevoli li n-nefqa li tkun ikkawżata, fl-opinjoni tagħha, mill-applikazzjoni ta' leġislazzjoni agrikola, tista' teċċedi l-limiti għas-subintestatura 1 tal-perspettiva finanzjarja.

(9) Mingħajr preġudizzju għall-punt 19 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-6 ta' Mejju 1999, billi nefqa eċċessiva tali ma tistax titqies f'ebda proposta għal reviżjoni tal-limitu għas-subintestatura 1a tal-perspettiva finanzjarja, huwa meħtieġ għall-Kunsill li jingħata l-opportunità jaġġusta l-leġislazzjoni agrikola kmieni biżżejjed biex jiżgura li l-limitu jkun osservat.

(10) Id-dixxiplina tal-budget tirrikjedi li l-miżuri leġislattivi kollha proposti u, jekk xieraq, adottati, u, matul il-proċedura tal-budget u meta l-budget ikun qed jiġi implimentat, l-approprjazzjonijiet mitluba, awtorizzati jew implimentati josservaw l-ammonti preskritti fil-perspettiva finanzjarja għan-nefqa għall-politika agrikola komuni eskluż żvilupp rurali, li tikkostitwixxi nefqa obligatorja, u għan-nefqa għal żvilupp rurali u miżuri miegħu.

(11) Huwa possibbli li jista' jkollu jsir tifdil fit-terminu qasir biex tkun żgurata l-osservanza tal-limiti preskritti għas-subintestatura 1. Biex ikun osservat il-prinċipju tal-protezzjoni ta' fiduċja leġittima, huwa meħtieġ li l-partijiet ikkonċernati jkunu mwissija biex issir possibbli għalihom li jaġġustaw l-aspettazzjonijiet leġittimi tagħhom biex jiffaċċjaw din il-kontinġenza. Miżuri bħal dawn għandhom jittieħdu suffiċjentement bil-quddiem u jistgħu jidħlu fis-seħħ biss mill-bidu tas-sena tas-suq ta' wara f'kull wieħed mis-setturi kkonċernati.

(12) Barra minn hekk, minħabba l-ħtieġa li jkunu rrispettati l-aspettazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati, tali miżuri li jistgħu jinstabu meħtieġa għandhom jittieħdu suffiċjentement kmieni u, għal dan il-għan, is-sitwazzjoni tal-budget tat-terminu medju għandha tkun eżaminata ta' kull sena fid-dawl tal-previżjonijiet li jkunu qegħdin jitjiebu b'mod kostanti.

(13) Jekk dan l-eżami jindika li hemm riskju konsiderevoli li l-ammonti rreġistrati taħt l-intestatura 1 tal-perspettiva finanzjarja se jkunu eċċeduti, il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri xierqa biex tirrimedja s-sitwazzjoni taħt il-poteri ta' maniġment għad-disposizzjoni tagħha u, jekk ma tistax tieħu miżuri suffiċjenti, hija għandha tipproponi miżuri oħra lill-Kunsill li, billi s-sena tas-suq ta' diversi organizzazzjonijiet tas-suq komuni tibda fl-1 ta' Lulju, għandu jaġixxi qabel dik id-data. Jekk il-Kummissjoni sussegwentement tikkunsidra li għad hemm riskju konsiderevoli u hija ma tistax tieħu miżuri suffiċjenti taħt il-poteri ta' maniġment għad-disposizzjoni tagħha, hija għandha ma' l-ewwel opportunità tipproponi miżuri oħra lill-Kunsill, li għandu jaġixxi kemm jista' jkun malajr.

(14) Meta tkun timplimenta l-budget, il-Kummissjoni għandha timplimenta sistema ta' twissija kmieni u mmonitorjar għal kull kapitolu li jinvolvi nefqa agrikola, biex, jekk hemm riskju li l-limitu tas-subintestatura 1a ikun eċċedut, il-Kummissjoni tista' ma' l-ewwel opportunità tieħu miżuri xierqa taħt il-poteri ta' maniġment għad-disposizzjoni tagħha, u mbagħad, jekk dawn il-miżuri juru li huma insuffiċjenti, tipproponi miżuri oħra lill-Kunsill, li għandu jaġixxi kemm jista' jkun malajr.

(15) Ir-rata tal-kambju użata mill-Kummissjoni fil-preparazzjoni ta' dokumenti tal-budget li hija tissottometti lill-Kunsill għandha, filwaqt li tingħata konċessjoni għall-perjodu rekwiżit bejn il-preparazzjoni u s-sottomissjoni mill-Kummissjoni ta' dawn id-dokumenti, tirrifletti l-aħħar informazzjoni possibbli.

(16) Huwa meħtieġ li d-disposizzjonijiet li jirregolaw ir-riservi monetarji jinġiebu jaqblu mal-Ftehim Interistituzzjonali tas-6 ta' Mejju 1999. Ma' l-implimentazzjoni gradwali tar-riforma tal-politika agrikola komuni, in-nefqa aktarx tkun inqas sensittiva għall-bidliet fir-rata tal-eurodollar u r-riservi monetarji jistgħu għalhekk gradwalment jitħallew imutu.

(17) Għandu jsir provvediment għall-possibilità li jitnaqqas jew temporanjament ikun sospiż is-self ta' kull xahar meta l-informazzjoni ikkomunikata mill-Istati Membri ma tagħmilhiex possibbli għall-Kummissjoni li tikkonferma li r-regoli Komunitarji applikabbli kienu osservati u tindika użu ħażin ċar tal-fondi Komunitarji.

(18) L-istituzzjonijiet qablu li riżerva konnessa ma' self u garanziji ta' self lill-pajjiżi mhux membri u f'dawk il-pajjiżi għandu jkun irreġistrat fil-budget fil-għamla ta' approprjazzjonijiet provviżorji biex il-Fond ta' Garanziji għal azzjonijiet esterni mwaqqaf bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2728/94 [5], jista' jkun iffinanzjat u kull sejħa għal granziji li teċċedi l-ammont disponibbli taħt il-Fond tista' tkun issodisfatta.

(19) L-istituzzjonijiet qablu li riżerva għandha tkun irreġistrata fil-budget fil-għamla ta' approprjazzjonijiet provviżorji biex tippermetti tweġiba (reazzjoni) rapida għal rekwiżiti speċifiċi għal għajnuna b'emerġenza f'pajjiżi mhux membri li jirriżultaw minn avvenimenti imprevedibbli, bi prijoritaà tingħata lil operazzjonijiet umanitarji.

(20) L-istituzzjonijiet qablu li l-kondizzjonijiet għal talba u mobilizzazzjoni ta' fondi għandhom ikunu l-istess għar-riżerva monetarja, ir-riżerva konnessa ma garanziji ta' self u r-riżerva għal għajnuna ta' emerġenza, skond ir-regoli ddettaljati li l-istituzzjonijiet ippreskrivew fil-Ftehim Interistituzzjonali tas-6 ta' Mejju 1999.

(21) Għal raġuniet ta' ċarezza, id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 94/729/KE tal-31 ta' Ottubru 1994 dwar id-dixxiplina tal-budget għandha tkun irrevokata u ssostitwita b'dan ir-Regolament [6],

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-dixxiplina tal-budget għandha tapplika għan-nefqa kollha. Dixxiplina tali għand tkun applikata, kif xieraq, mir-Regolamenti Finanzjarji, dan ir-Regolament u l-Ftehim Interistituzzjonali tas-6 ta' Mejju 1999.

I. Nefqa tat-Taqsima dwar il-Garanziji tal-FEGGA

Artikolu 2

Il-linja gwida agrikola, li tikkostitwixxi għal kull sena tal-budget il-limitu dwar nefqa agrikola ddefinita fl-Artikolu 4(1), għandha tkun irrispettata ta' kull sena. Għal kull sena tal-budget, il-Kummissjoni għandha tissottometti l-linja gwida agrikola fl-istess żmien ta' l-abbozz preliminari tal-budget.

Artikolu 3

1. Il-bażi ta' referenza li fuqha (minnha) l-linja gwida agrikola għandha tkun ikkalkolata għandha tkun ugwali għal EUR 36394 miljun għall-1995, jiġifieri t-total li jikkorrispondi mal-kalkulazzjoni magħmula fuq il-bażi preċedenti għall-1988.

2. Il-linja gwida agrikola għal sena speċifika għandha tkun ugwali għall-bażi ta' referenza preskritta fil-paragrafu 1 b'żieda:

(a) il-bażi mmultiplikata bil-prodott ta':

- 74 % tar-rata taż-żieda tal-PGN bejn l-1995 (sena bażi) u s-sena in kwistjoni, u

- id-deflazzjoni (il-kawża tad-deflazzjoni) tal-PGN stmat mill-Kummissjoni għall-istess perjodu;

(b) tbassir tan-nefqa fis-sena in kwistjoni għad-disposizzjoni taz-zokkor ACP, rifużjonijiet fuq għajnuna ta' ikel, pagamenti minn produtturi fir-rigward ta' imposti (levies) pprovduti għall-organizzazzjoni komuni tas-suq taz-zokkor u kull dħul (introjtu) ieħor oriġinat mis-settur agrikolu fil-futur.

3. Il-bażi statistika għall-PGN għandha tkun kif iddefinita fid-Direttiva tal-Kunsill 89/130/KEE, Euratom, tat-13 ta' Frar 1989 dwar l-armonizzazzjoni tal-kumpilazzjoni tal-prodott gross nazzjonali fi prezzijiet tas-suq [7].

4. Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament il-PGN għandu jkun iddefinit bħala d-dħul (introjtu) gross nazzjonali (GNI) għas-sena fi prezzijiet tas-suq, kif iddeterminat mill-Kummissjoni skond l-ESA 95, skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2223/96 tal-25 ta' Ġunju 1996 dwar is-sistema Ewropea ta' kontijiet nazzjonali u reġjonali fil-Komunità [8].

Artikolu 4

1. Il-linja gwida agrikola għandha tkopri s-somma ta':

- l-ammonti li għandhom ikunu rreġistrati taħt it-Titoli 1 sa 4 tas-subtaqsima B1 tat-Taqsima III tal-budget skond in nomenklatura adottata fil-budget ta' l-2000,

- l-ammonti li hemm provvediment għalihom rigward l-istrument agrikolu ta' qabel l-adeżjoni taħt l-intestatura 7 tal-perspettiva finanzjarja,

- l-ammonti konnessi ma' l-agrikoltura li huma disponibbli għal adeżjoni taħt il-perspettiva finanzjarja.

2. Ta' kull sena t-Titoli 1 u 2 tas-subtaqsima B1 tal-budget għandu jkun fihom l-approprjazzjonijiet meħtieġa għall-iffinanzjar ta' l-ispejjeż kollha konnessi mad-deprezzament ta' ħażniet ifformati matul is-sena tal-budget.

Artikolu 5

1. Il-miżuri leġiżlattivi kollha proposti mill-Kummissjoni jew adottati mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni taħt il-politika agrikola komuni għandhom josservaw l-ammonti preskritti fil-perspettiva finanzjarja taħt is-subintestatura ta' nefqa fuq il-politika agrikola komuni (subintestatura 1a) u taħt is-subintestatura għal żvilupp rurali u miżuri magħhom (subintestatura 1b).

2. Matul il-proċedura tal-budget u meta l-budget ikun qed jiġi implimentat l-approprjazzjonijiet għall-politika agrikola komuni għandhon jaqgħu ġewwa l-ammont stabbilit għas-subintestatura 1a u l-approprjazzjonijiet konnessi ma' l-iżvilupp rurali u l-miżuri magħhom għandhom jaqgħu ġewwa l-ammont stabbilit għas-subintestatura 1b.

3. Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jużaw il-poteri (setgħat) rispettivi tagħhom b'tali mod li josservaw dawn il-limiti ta' nefqa annwali matul kull proċedura annwali tal-budget u meta jkun qed jiġi implimentat il-budget għas-sena kkonċernata.

4. Bill-ħsieb li jkun żgurat li l-ammonti stabbiliti għas-subintestatura 1a jkunu osservati, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 37 tat-Trattat, jista' jiddeċiedi fi żmien kmieni li jaġġusta l-livell tal-miżuri ta' appoġġ applikabbli sa mill-bidu tas-sena tas-suq ta' wara f'kull wieħed mis-setturi kkonċernati.

Artikolu 6

1. Il-Kummissjoni għandha teżamina s-sitwazzjoni tal-budget fit-terminu medju meta l-abbozz preliminari tal-budget ikun stabbilit għal kull sena. Hija għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, flimkien ma' l-abbozz preliminari tal-budget għas-sena finanzjarja N, il-previżjoni tagħha għal kull prodott għas-snin finanzjarji N-1, N u N + 1. Fl-istess ħin, hija għandha tissottometti analiżi tad-differenzi bejn il-previżjonijiet inizjali u n-nefqa annwali għas-snin finanzjarji N-2 u N-3 u l-miżuri meħuda biex titjieb il-kwalità tal-previżjonijiet (tbassir).

2. Jekk, meta l-abbozz preliminari tal-budget ikun stabbilit għal sena finanzjarja N jidher li l-ammonti għas-subtitoli 1a jew 1b tal-perspettiva finanzjarja għas-sena finanzjarja N jistgħu jkunu eċċeduti, il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri xierqa biex tirrimedja s-sitwazzjoni taħt il-poteri ta' maniġment għad-disposizzjoni tagħha.

3. Jekk hija ma tkunx kapaċi tieħu miżuri suffiċjenti, il-Kummissjoni għandha tipproponi miżuri oħra lill-Kunsill, jekk xieraq meta tkun qed tistabbilixxi l-livelli ta' miżuri t'appoġġ, biex ikun żgurat li l-ammonti li jirreferi għalihom l-Artikolu 5(2) ikunu osservati. Il-Kunsill għandu jieħu deċiżjoni dwar il-miżuri meħtieġa, skond il-proċedura u taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 5(4), sa l-1 ta' Lulju tas-sena finanzjarja N-1. Il-Parlament Ewropew għandu jagħti l-opinjoni tiegħu kmieni biżżejjed biex il-Kunsill jieħu nota tagħha u jaġixxi ġewwa l-limitu ta' żmien stabbilit.

4. Jekk il-Kummissjoni sussegwentement tikkunsidra li hemm riskju li l-ammonti għas-subtitoli 1a jew 1b tal-perspettiva finanzjarja għas-snin finanzjarji N jew N + 1 se jkunu eċċeduti u jekk ma tistax tieħu miżuri suffiċjenti biex tirrimedja s-sitwazzjoni taħt il-poteri ta' maniġment għad-disposizzjoni tagħha, hija għandha tipproponi miżuri oħra lill-Kunsill biex tiżgura li l-ammonti li jirreferi għalihom Artikolu 5 (2) ikunu osservati. Il-Kunsill għandu jieħu Deċiżjoni dwar il-miżuri meħtieġa għas-sena finanzjarja N, skond il-proċedura u taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 5(4), fi żmien xahrejn li jirċievi l-proposti mill-Kummissjoni. Il-Parlament Ewropew għandu jagħti l-opinjoni tiegħu kmieni biżżejjed biex il-Kunsill jieħu nota tagħha u jaġixxi fil-limitu ta' żmien stabbilit.

Artikolu 7

1. Biex ikun żgurat li l-limiti għas-subtitoli 1a u 1b tal-perspettiva finanzjarja ma jkunux eċċeduti, il-Kummissjoni għandha timplimenta sistema ta' twissija minn kmieni u mmonitorjar ta' kull xahar għal kull kapitolu li jinvolvi nefqa tat-tip li jirreferu għaliha t-Titoli 1 sa 4 tas-subtaqsima B1 tal-budget.

2. Qabel il-bidu ta' kull sena finanzjarja l-Kummissjoni għandha tiddefinixxi għal dan il-għan profili tan-nefqa ta' kull xahar (mensili) għal kull kapitolu tal-budget, ibbażati, fejn xieraq, fuq in-nefqa medja ta' kull xhar (mensili) tat-tliet snin preċedenti.

3. Biex nefqa tkun immonitorjata taħt it-Titolu 4 tas-subtaqsima B1, il-Kummissjoni għandha wkoll twettaq kontroll biex tiżgura l-osservanza ma' l-ammont li jirreferi għalih l-Artikolu 5(2), kif iddefinit fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1750/1999 tat-23 ta' Lulju 1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Ewropew għall-Gwida u l-Garanzija Agrikoli (FEGGA) [9].

4. Ir-rendikonti tan-nefqa ssottomessi lill-Kummissjoni minn l-Istati Membri ta' kull xahar skond l-Artikolu 3(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 296/96 [10]

għandhom jintbagħtu mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għal informazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tisssottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, bħala regola ġenerali fi żmien 30 jum minn meta tirċievi l-informazzjoni, rapporti ta' kull xahar dwar l-iżvilupp tan-nefqa attwali in relazzjoni tal-profili, inkluża valutazzjoni ta' l-implimentazzjoni prevista għas-sena finanzjarja.

5. Jekk hija tikkonkludi mill-eżami li hemm riskju li l-limitu għas-subintestatura 1a stabbilit għas-sena N ikun eċċedut, il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri xierqa biex tikkoreġi s-sitwazzjoni taħt il-poteri (setgħat) ta' maniġment għad-disposizzjoni tagħha. Jekk dawn il-miżuri juru li huma insuffiċjenti, il-Kummissjoni għandha tipproponi miżuri oħra lill-Kunsill biex tiżgura li l-ammonti li jirreferi għalihom l-Artikolu 5(2) jkunu osservati. Il-Kunsill għandu jieħu deċiżjoni dwar il-miżuri meħtieġa, skond il-proċedura u taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 5(4), fi żmien xahrejn minn meta jirċievi l-proposti tal-Kummissjoni. Il-Parlament Ewropew għandu jagħti l-opinjoni tiegħu kmieni biżżejjed biex il-Kunsill jieħu nota tagħha u jaġixxi fil-limitu ta' żmien stabbilit.

Artikolu 8

1. Meta l-Kummissjoni tadotta l-abbozz preliminari tal-budget jew ittra ta' emenda għall-abbozz preliminari tal-budget dwar nefqa agrikola, hija għandha tuża, biex tipprepara l-estimi tal-budget għat-Titoli 1 sa 3 tas-subtaqsima B 1, ir-rata medja fis-suq għall-euro-dollar matul il-perjodu ta' tliet xhur l-aktar reċenti li jispiċċa għall-inqas 20 jum qabel l-adozzjoni mill-Kummissjoni tad-dokument tal-budget.

2. Meta l-Kummissjoni tadotta abbozz preliminari supplimentari u li jemenda l-budget jew ittra ta' emenda għalih, sakemm dawn id-dokumenti jikkonċernaw approprjazzjonijiet taħt it-Titoli 1 sa 3 tas-subtaqsima B1 tal-budget, hija għandha tuża:

- ir-rata tal-kambju tas-suq euro/dollar attwalment irreġistrata fl-1 ta' Awwissu tas-sena finanzjarja preċedenti sa tmiem il-perjodu ta' tliet xhur l-iktar reċenti li jispiċċa għall-inqas 20 jum qabel l-adozzjoni mill-Kummissjoni tad-dokument tal-budget u fil-31 ta' Lulju tas-sena finanzjarja kurrenti l-iktar tard,

- bħala previżjoni għall-bqija tas-sena, ir-rata medja rreġistrata matul il-perjodu ta' tliet xhur l-aktar reċenti li jispiċċa għall-inqas 20 jum qabel l-adozzjoni mill-Kummissjoni tad-dokument tal-budget.

Artikolu 9

1. Is-somma ta' EUR 500 miljun għandha tkun irreġistrata f'riżerva fil-budget ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea, magħrufa bħala "ir-riserva monetarja", bħala provvediment biex ikopri l-iżviluppi kkawżati mill-movimenti tar-rata tas-suq ta' l-eurodollar in relazzjoni mar-rata użata fil-budget li jirreferi għaliha l-Artikolu 10

2. Għas-sena finanzjarja 2002 ir-riserva monetarja għandha titnaqqas għal EUR 250 miljun. Ir-riserva monetarja għandha tkun abolita b'effett mis-sena finanzjarja 2003.

3. Dawn l-approprjazzjonijiet m'għandhomx ikunu koperti mill-linja gwida agrikola u m'għandhomx jiġu taħt is-subintestatura 1a tal-perspettiva finanzjarja.

Artikolu 10

Sa mhux iktar tard mill-aħħar ta' Ottubru ta' kull sena, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-awtorità tal-budget dwar l-impatt tal-movimenti fir-rata medja ta' l-eurodollar fuq in-nefqa taħt it-Titoli 1 sa 3 is-subtaqsima B1 tal-budget.

Artikolu 11

1. Tifdil jew spejjeż addizzjonali li jirriżultaw minn movimenti tar-rata ta' l-eurodollar għandhom ikunu ttrattati b'manjiera simmetrika. Fejn id-dollaru jissaħħaħ kontra l-euro kkomparat (imqabbel) mar-rata użata fil-budget, it-tifdil fit-Taqsima ta' Garanziji sa EUR 500 miljun għall-2000 u 2001 u EUR 250 miljun fl-2002 għandu jkun ittrasferit għar-riserva monetarja. Fejn spejjeż tal-budget addizzjonali jitnisslu minħabba waqgħa fid-dollaru kontra l-euro kkomparat (imqabbel) mar-rata tal-budget, ir-riserva monetarja għandha tintuża u trasferimenti għandhom isiru għat-titoli (intestaturi) tat-Taqsima ta' Garanziji tal-FEGGA milquta bil-waqgħa fid-dollaru. Fejn meħtieġ, dawn it-trasferimenti għandhom ikunu proposti fl-istess ħin tar-rapport li jirreferi għalih l-Artikolu 10.

2. Għandu jkun hemm marġini newtrali ta' EUR 200 miljun. Tifdil jew spejjeż addizzjonali taħt dan l-ammont ikkaġunati mill-movimenti li jirreferi għalihom il-paragrafu 1 ma jkunux jinħtieġu trasferimenti għal jew minn ir-riserva monetarja. Tifdil jew spejjeż addizzjonali ‘il fuq minn dan l-ammont għandhom jitħallsu fi, jew jitħallsu minn, ir-riserva monetarja. Il-marġini newtrali għandu jitnaqqas għal EUR 100 miljun mill-2002.

Artikolu 12

1. Il-fondi għandhom jittieħdu mir-riżerva biss jekk l-ispejjeż addizzjonali ma jkunux jistgħu jitħallsu mill-approprjazzjonijiet tal-budget intiżi biex ikopru n-nefqa li tirreferi għaliha s-subintestatura 1 a tal-perspettiva finanzjarja għas-sena in kwistjoni.

2. Ir-riżorsi proprji meħtieġa għandhom jintużaw, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/728/KE, Euratom tal-31 ta' Ottubru 1994 dwar is-sitema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej [11] u d-disposizzjonijiet adottati skontha, biex jiffinanzjaw in-nefqa korrispondenti.

3. Kull tifdil magħmul fit-Taqsima dwar Garanziji tal-FEGGA li kien ittrasferit għar-riserva monetarja skond l-Artikolu 11(1) u li jibqgħu fir-riserva monetarja fi tmiem is-sena finanzjarja għandu jitħassar u jidħol bħala introjtu fil-budget għas-sena li tkun ġejja permezz ta' ittra ta' emenda għall-abbozz preliminari tal-budget għas-sena ta' wara.

Artikolu 13

L-Artikolu 9 sa 12 għandhom japplikaw biss sa u inkluża s-sena finanzjarja 2002.

Artikolu 14

1. Pagament tas-self ta' kull xahar tat-Taqsima tal-Garanziji tal-FEGGA mill-Kummissjoni għandu jsir fuq il-bażi ta' l-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri rigward in-nefqa f'kull kapitolu.

2. Jekk id-dikjarazzjoni tan-nefqa jew l-informazzjoni sottomessa mill-Istati Membri ma jagħmluhiex possibbli għall-Kummissjoni tistabbilixxi jekk it-twarrib ta' fondi huwiex skond ir-regoli Komunitarji relevanti, il-Kummissjoni għandha titlob lill-Istati Membri biex jagħtu iktar informazzjoni fi żmien perjodu li għandha tiddetermina skond is-serjeta tal-problema u li normalment ma jistax ikun ta' inqas minn tletin jum.

3. Fil-każ ta' tweġiba li titqies mhix sodisfaċenti jew li tindika non-osservanza ċara tar-regoli u użu ħażin ċar ta' fondi Komunitarji, il-Kummissjoni tista' tnaqqas jew tissospendi provviżorjament is-self ta' kull xahar lill-Istati Membri.

4. Tnaqqis u sospensjonijiet tali għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet li jkollhom jittieħdu in konnessjoni ma' l-ikklerjar tal-kontijiet.

5. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Istati Membri kkonċernati qabel ma tieħu d-deċiżjoni tagħha. L-Istat Membru għandu jgħarraf il-posizzjoni tiegħu fi żmien ġimagħtejn. Il-deċiżjoni tal-Kummissjoni, filwaqt li tagħti r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata, għandha tittieħed wara li l-Kumitat tal-FEGGA kien ikkonsultat u għandha tkun taqbel mal-prinċipju ta' proporzjonalità.

II. Riżervi għal operazzjoniet esterni

1. Riżervi konnessi ma' self u garanziji ta' self

Artikolu 15

1. Ta' kull sena għandha tkun irreġistrata riżerva fil-budget ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea bħala provvediment intiż li jkopri:

(a) ir-rekwiżiti tal-Fond ta' Garanziji għal azzjonijiet esterni;

(b) fejn meħtieġ, garanziji attivati li jeċċedu l-ammont disponibbli fil-Fond biex dawn l-ammonti jkunu jistgħu jitħallsu mill-budget.

2. L-ammont ta' dik ir-riżerva għandu jkun l-istess bħal dak tal-perspettiva finanzjarja li tifforma parti tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-6 ta' Mejju 1999. L-arranġamenti biex tintuża din ir-riżerva huma dawk miġjuba f'dak il-Ftehim Interistituzzjonali.

2. Riżerva għal għajnuna ta' emerġenza

Artikolu 16

1. Riżerva għal għajnuna ta' emerġenza lill-pajjiżi mhux membri għandha tkun irreġistrata ta' kull sena fil-budget ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea bħala provvediment. L-għan ta' din ir-riżerva għandu jkun li tippermetti tweġiba (reazzjoni) rapida għal rekwiżiti speċifiċi għal għajnuna ta' emerġenza f'pajjiżi mhux membri li tirriżulta minn avvenimenti mhux prevvisti, bi prijorità għandha tingħata lill- operazzjonijiet umanitarji.

2. L-ammont ta' dik ir-riżerva għandu jkun l-istess bħal dak adottat fil-perspettiva finanzjarja li qiegħda fil-Ftehim Interistituzzjonali tas-6 ta' Mejju 1999. Ir-regoli ddettaljati għall-użu tar-riżerva għandhom ikunu preskritti fl-imsemmi Ftehim Interistituzzjonali.

3. Disposizzjonijiet komuni

Artikolu 17

Ir-riżervi għandhom jintużaw permezz ta' trasferimenti għat-titoli (intestaturi) kkonċernati tal-budget skond id-disposizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 18

Ir-riżorsi proprji meħtieġa għall-iffinanzjar tar-riżervi m'għandhomx jintalbu mill-Istati Membri sakemm (qabel?) ir-riżervi jkunu użati skond l-Artikolu 17. Ir-riżorsi proprji meħtieġa għandhom ikunu disponibbli għall-Kummissjoni kif ipprovdut fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1150/2000 tat-22 ta' Mejju 2000 li jimplimenta d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi proprji Komunitarji [12].

III. Disposizzjonijiet finali

Artikolu 19

Id-Deċiżjoni 94/729/KE hija b'dan irrevokata.

Artikolu 20

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Huwa japplika mill-1 ta' Ottubru 2000.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fis-26 ta' Settembru 2000.

Għall-Kunsill

Il-President

C. Tasca

[1] ĠU K 21 E, 25.01.00, p. 37.

[2] ĠU C 189, 07.07.00, p. 80.

[3] ĠU C 334, 23.11.99, p. 1.

[4] ĠU C 172, 18.06.99, p. 1.

[5] ĠU C 293, tat-12.11.1994, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1149/1999 (ĠU L 139, tat-2.6.1999, p. 1.)

[6] ĠU L 293, tat-12.11.1994, p. 14.

[7] OJ L 49, tal-21.2.1989, p. 26.

[8] ĠU L 310, 30.11.96, p. 1.

[9] ĠU L 214, 13.08.99, p. 31.

[10] Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 296/96 tas-16 ta' Frar 1996 dwar data li għandhom jintbagħtu lill-Istati Membri u r-reġistrazzjoni ta' kull xahar tan-nefqa ffinanzjata taħt it-Taqsima ta' Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG) u u jirrevoka r-Regolament (KEE) Nru 2776/88. ĠU L 39, tas-17.2.1996, p. 5.

[11] ĠU L 293, 12.11.94, p. 9.

[12] ĠU L 130, 31.05.00, p. 1.

--------------------------------------------------