Official Journal L 244 , 29/09/2000 P. 0026 - 0026
Ir-Regolament (KE) Nru 2039/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Settembru 2000 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2037/2000 dwar is-sustanzi li jnaqqsu s-saff ta' l-ożonu, rigward is-sena bażika għall-allokazzjoni tal-kwoti tal-hydrochlorofluorocarbons IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 175(1) tiegħu, Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [1], Wara li kkunsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni, Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [2], Billi: (1) Ir-Regolament (KE) Nru 2037/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' Ġunju 2000 dwar is-sustanzi li jnaqqsu s-saff ta' l-ożonu [3], jieħu s-sena 1996 bħala s-sena bażi sabiex jiġu allokati l-kwoti tal-hydrochlorofluorocarbons (HCFCijiet). Mis-sena 1996 is-suq tal-HCFC inbidel konsiderevolment f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-importaturi, u ż-żamma tas-sena 1996 tirriżulta li numru kbir ta' importaturi jiġu mċaħħda mill-kwota tagħhom ta' l-importazzjoni. Bħala regola ġenerali, il-kwoti għandhom ikunu bbażati fuq iċ-ċifri rappreżentattivi disponibbli l-aktar riċentement, f'dan il-każ dawk tas-sena 1999, u għahekk iż-żamma tas-sena 1996 tista tiġi meqjusa bħala arbitrarja u tista' wkoll toħloq ksur tal-prinċipji tan-non-diskriminazzjoni u ta' l-ispettazzjonijiet leġittimi. (2) Ir-Regolament (KE) Nru 2037/2000 għandu għalhekk jiġi emendat kif xieraq, ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT: L-Artikolu 1 Fl-Artikolu 4(3)(i)(h) tar-Regolament (KE) Nru 2037/2000 il-kliem "il-perċentwali tiegħu fis-sehem tas-suq tiegħu fl-1996" għandu jinbidel bi "is-sehem tal-perċentwali assenjat lilu fl-1999". L-Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, fit-28 ta' Settembru 2000. Għall-Parlament Ewropew Il-President N. Fontaine Għall-Kunsill Il-President P. Moscovici [1] L-opinjoni mogħtija fil-20 ta' Settembru 2000 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). [2] L-opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Settembru 2000 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Settembru 2000. [3] Ara l-paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2038/2000 (ara l-paġna 25 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali). --------------------------------------------------