32000R1900



Official Journal L 228 , 08/09/2000 P. 0025 - 0027


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1900/2000

tas-7 ta’ Settembru 2000

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2342/1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati sabiex jiġu applikati l-iskemi tal-premiums fis-settur tal-laħam taċ-ċanga u l-vitella

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1254/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-laħam taċ-ċanga u l-vitella [1], u b’mod partikolari Artikolu 11(5), Artikolu 13(5), Artikolu 20 u t-tieni inċiż ta’ Artikolu 50 tiegħu,

Billi:

(1) Għall-għan tal-ħlas għall-estentifikazzjoni provdut f’Artikolu 32 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2342/1999 tat-28 ta’ Ottubru 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1254/1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-laħam taċ-ċanga u l-vitella rigward l-iskemi tal-premiums [2], kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1042/2000 [3], id-densità tal-bhejjem għall-ħażna fuq azjenda trid tiġi stabbilita fuq il-bażi tan-numru tal-bhejjem tal-fart maskili, il-baqar u l-għoġiela li jkunu għadhom ma welldux preżenti fl-azjenda matul is-sena kalendarja interessata. Fil-każ ta’ epiżootika, l-ebda bhima ma tista’ tħalli unità tal-produzzjoni jekk l-awtoritajiet veterinarji kompetenti jiddeċiedu li jipprojbixxu kull moviment mill-unità tal-produzzjoni, għajr bil-għan tal-qtil. Dawn il-bhejjem iridu jitqiesu bil-għan li tiġi stabbilita d-densità tal-bhejjem għall-ħażna fuq l-ażjenda u għalhekk il-produttur ikun jista’ jiġi eskluż milli jkun eliġibbli għall-ħlas għall-estensifikazzjoni. Sabiex ma jiġix ippenalizzat produttur diliġenti għal ċirkostanzi li mhumiex fil-kontroll tiegħu, għandu jiġi applikat koeffiċjenti b’rata fissa ta’ korrezzjoni, minn meta jiġu introdotti l-iskemi l-ġodda tal-premiums, għan-numru ta’ l-unitajiet tal-bhejjem tar-zierzet irreġistrat fuq l-azjenda matul il-perjodu taż-żmien fil-kwistjoni, miżjud b’ċertu numru ta’ ġranet sabiex jiġi permess id-disponiment tal-bhejjem, bl-iskop li tiġi stabbilita d-densità tal-bhejjem għall-ħażna, bil-kondizzjoni li l-produttur iwettaq ċerti obbligi u mingħajr ma jaffettwa l-prinċipju ta’ l-estensifikazzjoni.

(2) Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3950/92 tat-28 ta’ Diċembru 1992 li jistabbilixxi impost addizzjonali fis-settur tal-ħalib u l-prodotti mill-ħalib [4], kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 749/2000 [5], u Artikolu 16(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-ħalib u l-prodotti mill-ħalib [6], kif emendat bir-Regolament (KEE) Nru 1670/2000 [7], isemmu l-kelma ‘disponibbli’ meta jirreferu għall-kwantità individwali tal-ħalib tar-referenza. B’kuntrast ma’ dan, Artikolu 32(8)(a) tar-Regolament (KE) Nru 2342/1999 juża l-kelma "allokat" meta jirreferi għall-istess kriterju. Għall-għanijiet taċ-ċarezza legali għandha dejjem tintuża l-istess kelma meta jiġi riferit l-istess kriterju. Din il-materja dwar kif jingħata l-kliem għandha għalhekk tiġi maqtugħa, sabiex tibda tapplika minn meta jiġu introdotti l-iskemi l-ġodda tal-premiums.

(3) Skond il-premium għall-qatla, il-limitu massimu taż-żmien ta’ sitt xhur sabiex tiġi sottomessa l-applikazzjoni għall-għajnuna għall-‘bhejjem tar-rziezet’ provduta f’Artikolu 35(1) tar-Regolament (KE) Nru 2342/1999 ġiet pruvata inadegwata minħabba problemi fil-maniġġjar tal-miżura fl-ewwel sena ta’ l-applikazzjoni fejn għandha x’taqsam il-ħidma tad-database kompjuterizzat. B’konsegwenza ta’ dan, għall-bhejjem maqtula jew esportati matul l-ewwel ftit xhur tas-sena 2000, l-Istati Membri għandhom jiġu konċessi l-possibbiltà li jestendu dan il-limitu taż-żmien, minn meta jiġu introdotti l-iskemi l-ġodda tal-premiums, u li jiffissaw data finali għal din l-estensjoni.

(4) Għall-premiums speċjali għall-baqar li jreddgħu u għall-qatla, Artikolu 41 tar-Regolament (KE) Nru 2342/1999 jipprovdi l-possibbiltà illi l-produtturi jitħallsu bil-quddiem b’ċertu perċentwal ta’ l-ammont tal-għajnuna. Din il-possibbiltà mhix disponibbli għall-ħlasijiet addizzjonali referiti f’Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 1254/1999. Sabiex tiġi faċilitata l-amministrazzjoni korretta tal-ħlas ta’ dawn l-ammonti l-Istati Membri għandhom jitħallew iħallsu l-ħlas bil-quddiem massimu tal-ħlasijiet addizzjonali.

(5) Artikolu 43 tar-Regolament (KE) Nru 2342/1999 jistabbilixxi ir-regola li tapplika għall-kambju fil-munita nazzjonali ta’ l-ammonti tal-premiums u tal-ħlasijiet għall-estensifikazzjoni. Għar-raġunijiet taċ-ċarezza u l-konsistenza fil-prenotazzjoni tal-ħlasijiet addizzjonali fl-estimi finanzjarji, din ir-regola għandha tiġi applikata għalihom ukoll.

(6) In-numru tal-baqar tal-ħalib eliġibbli għall-ħlas għall-estensifikazzjoni favur il-produtturi li l-azjendi tagħhom jinsabu f’żoni muntanjużi kif provdut f’Artikolu 13(4) tar-Regolament (KE) Nru 1254/1999 huwa ffissat f’Artikolu 32(8) tar-Regolament (KE) Nru 2342/1999. Skond dan l-Artikolu, dan in-numru huwa ekwivalenti għan-numru tal-baqar tal-ħalib meħtieġ sabiex jipproduċi l-kwantità individwali tal-ħalib tar-referenza allokat lill-produttur fil-31 ta’ Marzu li jiġi qabel il-bidu tal-perjodu taż-żmien ta’ 12-il xahar għall-applikazzjoni ta’ l-iskema ta’ l-impost addizzjonali li tibda fis-sena kalendarja interessata. Il-produtturi li jinsabu fiż-żoni muntanjużi li għandhom kemm baqar tal-ħalib eliġibbli għall-ħlas għall-estensifikazzjoni u kemm bhejjem eliġibbli għal ħlasijiet diretti oħra jistgħu jiġu sfurzati li jirreferu għal żewġ dati differenti sabiex jistabbilixxu l-kwantitajiet tagħhom individwali tal-ħalib tar-referena. F’dan il-każ, għandhom jiġu stabbiliti miżuri speċjali, skond Artikolu 50 tar-Regolament (KE) Nru 1254/1999, għalbiex jissimplifikaw l-amministrazzjoni ta’ din l-iskema u l-applikazzjoni tagħha minn dawn il-produtturi. L-Istati Membri interessati għandhom jingħataw il-possibbiltà, diġà provduta f’Artikolu 44a tar-Regolament (KE) Nru 2342/1999 taħt ċirkostanzi oħra, sabiex jagħmlu l-1 ta’April id-data tar-referenza għan-numru tal-baqar tal-ħalib meħtieġa li jipproduċu l-kwantità individwati tal-ħalib tar-referenza allokata lill-produttur. Din il-miżura tapplika, mis-sena 2001 sa l-aħħar tas-sena 2004, id-data attwali għall-applikazzjoni tal-ħlasijiet diretti fis-settur tal-ħalib u l-prodotti mill-ħalib.

(7) Il-mizuri pprovvduti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Maniġerjali tal-Laħam taċ-Ċanga u l-Vitella,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 2342/1999 huwa hawnhekk emendat kif ġej:

1. F’Artikolu 32:

1. Fil-paragrafu 8 (a), il-kelmiet "allokat/a/i" jiġu mibdula bil-kelma "disponibbli".

2. Jiġi miżjud il-paragrafu li ġej:

"11. Fil-każ illi l-awtoritajiet veterinarji kompetenti jiddeċiedu illi l-ebda bhima ma tista’ tħalli l-unità tal-produzzjoni għajr għall-iskop tal-qatla, in-numru ta’ l-unitajiet tal-bhejjem tar-rziezet irreġistrat fuq l-azjenda għandu jiġi mmoltiplikati bil-koeffiċjent ta’ 0,8 bil-għan li jiġi applikat dan l-Artikolu.

Din il-miżura għandha tiġi ristretta għall-perjodu taż-żmien, b’20 jum miżjud, li fih tapplika d-deċiżjoni msemmija hawn fuq, sakemm il-produttur ikun għarraf lill-awtorità kompetenti, bil-kitba fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol mid-deċiżjoni, bil-preżenza tal-bhejjem interessati u jkun ħa l-miżuri kollha meħtieġa għalbiex jipprevjieni u/jew jillimita l-okkorrenza ta’ l-epiżootika."

2. Dan li ġej jiżdied fl-aħħar tat-tieni subparagrafu ta’ Artikolu 35(1):

"Għas-sena 2000, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu rigward il-bhejjem maqtula jew esportati matul l-ewwel kwart tas-sena illi l-limitu taż-żmien iffissat għas-sottomissjoni ta’ l-applikazzjonijiet għall-għajnuna jiġi estiż l-aktar tard sat-30 ta’ Settemrbu 2000."

3. F’Artikolu 41:

1. Fil-paragrafu 1, jiġi miżjud it-tielet subparagrafu li ġej:

"B’żieda ma’ dan, fuq il-bażi ta’ l-ispezzjonijiet amministrattivi u fuq il-post, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jħallsu lill-produtturi bil-quddiem massimu ta’ 60 % ta’ l-ammont tal-ħlasijiet addizzjonali referiti f’Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 1254/1999."

2. Fil-paragrafu 1, l-aħħar subparagrafu jiġu mibdul b’dan li ġej:

"Il-ħlas bil-quddiem jista’ ma’ jiġix imħallas qabel is-16 ta’ Ottubru tas-sena kalendarja rigward dak il-premium applikat għalih u jiġi konċess il-ħlas addizzjonali."

3. Il-paragrafu 2 jiġi mibdul b’dan li ġej:

"2. Il-ħlas definittiv tal-premium jew tal-ħlas addizzjonali għandu jkun ammont egwali għad-differenza bejn il-ħlas bil-quddiem u l-ammont tal-premium jew il-ħlas addizzjonali li l-produttur huwa intitolat għalih."

4. Artikolu 43 jiġi mibdul b’dan li ġej:

"Artikolu 43

Il-Kambju fil-munita nazzjonali

Il-kambju fil-munita nazzjonali ta’ l-ammonti tal-premiums, tal-ħlas għall-estensifikazzjoni u għall-ħlasijiet addizzjonali għandhom isiru skond il-medja pro rata temporis, tar-rati tal-kambju li kienu japplikaw fix-xhar ta’ Diċembru ta’ qabel is-sena ta’ l-allokazzjoni stabbilita f’Artikolu 42."

5. F’Artikolu 44a:

1. Il-frażi

"u 31 (2) (a)"

, tiġi mibdula b’dan li ġej:

"31 (2) (a) u 32 (8) (a)."

2. Jiġi miżjud it-tielet inċiż li ġej:

"— in-numru tal-baqar tal-ħalib bil-ħsieb li jingħata l-ħlas għall-estensifikazzjoni għall- baqar tal-ħalib miżmuma fuq l-azjendi li jinsabu fiż-żoni muntanjużi."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej

Għandu jibda japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ. Iżda:

- Artikolu 1(1) u (2) għandu jibda japplika mill-1 ta Jannar 2000. Madankollu, rigward l-obbligu tat-tagħrif referit fit-tieni punt ta’ Artikolu 1(1), fejn ikunu ġraw każijiet qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament il-limitu taż-żmien ta’ għaxart ijiem għandu jibda mad-dħul fis-seħħ,

- Artikolu 1(5) għandu jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 2001.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fis-7 ta’ Settembru 2000.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 160, tat-28.2.1998, p. 21.

[2] ĠU L 281, tat-30.12.1997, p. 30.

[3] ĠU L 118, tat-22.1.1999, p. 4.

[4] ĠU L 405, tas-7.5.1997, p. 1.

[5] ĠU L 90, tat-22.1.1999, p. 4.

[6] ĠU L 160, tat-28.2.1998, p. 48.

[7] ĠU L 193, tas-7.5.1997, p. 10.

--------------------------------------------------