32000R1659



Official Journal L 192 , 28/07/2000 P. 0019 - 0020


Ir-Regolament tal-Kummisssjoni (KEE) Nru 1659/2000

tas-26 ta’ Lulju 2000

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1445/95 dwar ir-regoli ta’ l-applikazzjoni tal-liċenzi ta’ l-importazzjoni u l-esportazzjoni fis-settur taċ-ċanga u l-vitella

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1254/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq taċ-ċanga u l-vitella [1], u b’mod partikolari l-Artikoli 29(2) u 33(12) tiegħu,

Billi:

(1) L-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1445/95 tas-26 ta’ Ġunju 1995 dwar ir-regoli ta’ l-applikazzjoni għal liċenzi ta’ l-importazzjoni u l-esportazzjoni fis-settur taċ-ċanga u l-vitella [2], skond l-aħħar emendi permezz tar-Regolament (KE) Nru 1439/2000 [3], jidderoga mill-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3719/88 tas-16 ta’ Novembru 1988 li jistabbilixxi regoli dettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema tal-liċenzi ta’ l-importazzjoni u l-esportazzjoni u ċ-ċertifikati għall-iffissar bil-quddiem ta’ prodotti agrikoli [4], skond l-aħħar emendi permezz tar-Regolament (KE) Nru 1127/1999 [5], billi jistabbilixxi bħala 60 Euro l-ammont li anqas minnu l-ebda liċenza ma tkun meħtieġa għal prodotti li għalihom ma tkun intalbet l-ebda rifużjoni. Għall-fini tas-sempliċità jeħtieġ li wieħed jikkonverti l-ammont fi rjus ta’ bovini ħajjin u f’tunellati fil-każ ta’prodotti oħra.

(2) L-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 1445/95 jistabbilixxi perjodu ta’ validità ta’ 75 jum għal liċenzi ta’ l-esportazzjoni bl-iffissar bil-quddiem tar-rifużjoni għal bhejjem tar-refgħa ta’ razza pura koperti bil-kodiċi MN 0102 10 u perjodu ta’ erba’ xhur kif ukoll ix-xahar kurrenti għal liċenzi maħruġa skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 44 tar-Regolament (KEE) Nru 3719/88. L-esperjenza wriet li dawn il-perjodi huma qosra ħafna u li dawn għandhom ikunu estiżi għal ħames xhur flimkien max-xahar kurrenti. Fl-istess ħin, għandu jkun hemm għaldaqshekk deroga li żżid minn 21 għal 90 jum il-limitu taż-żmien imsemmi fl-Artikolu 44(5) tar-Regolament (KEE) Nru 3719/88 li matulu l-esportatur għandu jinforma lill-aġenzija li toħroġ il-liċenza bir-riżultat tal-proċedura ta’ l-offerti miftuħa f’pajjiż terz.

(3) Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat tal-Ġestjoni taċ-Ċanga u l-Vitella,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1445/95 qed jiġi emendat kif ġej:

1. Fl-Artikolu 7, it-tieni paragrafu qed jinbidel b’dan li ġej:

"Madankollu, minkejja r-raba’ inċiż ta’ l-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KEE) Nru 3719/88, l-ebda liċenza ta’ l-esportazzjoni m’għandha tkun meħtieġa għal prodotti koperti bit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 8(2) fi kwantitajiet li ma jeċċedux disa’ rjus fil-każ ta’ prodotti li jkunu koperti bil-kodiċi MN 0102 u li ma jeċċedux żewġ tunellati fil-każ ta’ prodotti oħra."

2. L-Artikolu 8(1) qed jiġi sostitwit b’dan li ġej:

"1. Il-perjodu tal-validità tal-liċenzi għall-esportazzjoni ta’ prodotti li għalihom tkun mitluba rifużjoni u li jkunu soġġetti għall-ħruġ ta’ liċenza ta’ l-esportazzjoni bl-iffissar bil-quddiem tar-rifużjoni għandu jkun:

- ħames xhur flimkien max-xahar kurrenti għal prodotti koperti bil-kodiċi MN 010210 u 75 jum għal prodotti li jkunu koperti bil-kodiċi MN 010290 u 1602,

- 30 jum għal prodotti oħra,

mid-data tal-ħruġ skond is-sens ta’ l-Artikolu 21(2) tar-Regolament (KEE) Nru 3719/88.

Il-validità ta’ liċenzi għall-esportazzjoni taċ-ċanga u l-vitella maħruġa skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 44 tar-Regolament (KEE) Nru 3719/88 għandha, madankollu, tiskadi mat-tmiem

- tal-ħames xahar fil-każ ta’ prodotti koperti bil-kodiċi MN 010210,

- tar-raba’ xahar għal prodotti oħra

li jiġi wara d-data tal-ħruġ fis-sens ta’ l-Artikolu 21(2) ta’ dak ir-Regolament.

B’deroga mill-Artikolu 44(5) tar-Regolament (KEE) Nru 3719/88, iż-żmien stipulat ta’ 21 jum għal prodotti koperti mill-kodiċi MN 010210 qed jinbidel b’90 jum."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum li jiġi wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fis-26 ta’ Lulju 2000.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 160, tas-26.6.1999, p. 21.

[2] ĠU L 143, tas-27.6.1995, p. 35.

[3] ĠU L 161, ta’ l-1.7.2000, p. 67.

[4] ĠU L 331, tat-2.12.1988, p. 1.

[5] ĠU L 135, tad-29.5.1999, p. 48.

--------------------------------------------------