32000R1334



Official Journal L 159 , 30/06/2000 P. 0001 - 0215


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1334/2000

tat-22 ta' Ġunju 2000

li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' oġġetti u teknoloġiji b'użu doppju

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 133 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Filwaqt li:

(1) Oġġetti ta' użu doppju (inklużi s-"software" u t-teknoloġija) għandhom ikunu soġġetti għall-kontroll effettiv meta huma esportati mill-Komunità.

(2) Sistema komuni effettiva ta' kontrolli ta' l-esportazzjoni fuq oġġetti b'użu doppju hija neċessarja biex tassigura li l-impennji u r-responsabbiltajiet internazzjonali ta' l-Istati Membri, speċjalment li għandhom x'jaqsmu man- non-proliferazzjoni, u ta' l-Unjoni Ewropea, huma meqjusa.

(3) L-eżistenza ta' sistema komuni ta' kontroll u politika armonizzata għall-infurzar u l-"monitoring" fl-Istati Membri kollha hija prerekwiżizzjoni għall-istabilizzazzjoni ta' moviment ħieles ta' l-oġġetti ta' użu doppju fil-Komunità.

(4) Ir-reġim kurrenti tal-kontroll ta' l-esportazzjonijiet fuq oġġetti ta' użu doppju stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 3381/94 [2], u d-Deċiżjoni 94/942/CFSP [3], għandu jkun armonizzat aktar sabiex titkompla l-garanzija ta' l-applikazzjoni effettiva tal-kontrolli.

(5) Listi komuni ta' l-oġġetti ta' użu doppju, id-destinazzjonijiet u l-linji gwida huma elementi essenzjali għal sistema effettiva ta' kontroll ta' l-esportazzjoni; listi bħal dawn kienu stabbiliti mid-Deċiżjoni 94/942/CFSP u emendamenti sussegwenti u għandhom ikunu nkorporati f'dan ir-Regolament.

(6) Ir-responsabbilta għad-deċiżjoni fuq l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet t'esportazzjoni hija f'idejn l-awtoritajiet nazzjonali. Proviżjonijiet u deċiżjonijiet nazzjonali li jeffettwaw l-esportazzjonijiet ta' oġġetti ta' użu doppju għandhom jittieħdu fil-qafas tal-politika kummerċjali komuni, u b'mod partikulari r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2603/69 ta' l-20 ta' Diċembru 1969 li jistabilixxi regoli komuni għall-esportazzjonijiet [4].

(7) Deċiżjonijiet biex ikunu aġġornati l-listi komuni ta' oġġetti ta' użu doppju għandhom ikunu f'konformità sħiħa ma' l-obbligazzjonijiet u l-l-impennji li kull Stat Membru aċċetta bħala membru tar-reġimi internazzjonali ta' non-proliferazzjoni rilevanti u arranġamenti ta' kontroll ta' l-esportazzjoni, jew permezz ta' ratifikazzjoni tat-trattati internazzjonali rilevanti.

(8) It-Trasmissjoni ta' "software" u teknoloġija permezz ta' medja elettronika, fax jew telefon għad-destinazzjonijiet barra l-Komunità għandha wkoll tkun ikkontrollata.

(9) Attenzjoni partikulari għandha tingħata lil kwistjonijiet ta' esportazzjoni mill-ġdid u użu aħħari.

(10) Fit-22 ta' Settembru 1998 rappreżentanti ta' l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea ffirmaw Protokolli addizzjonali għall-ftehim ta' difiża rispettivi bejn l-Istati Membri, il-Komunità t'Enerġija Atomika Ewropeja u l-Aġenzija t'Enerġija Atomika Internazzjonali, li, qalb miżuri oħra, jobbligaw l-Istati Membri li jipprovdu informazzjoni fuq tagħmir speċifiku u materjal mhux nukleari.

(11) Il-Komunità addottat korp ta' regoli tad-dwana, li jinsabu fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 t' Ottubru 1992 li jistabilixxi l-Kodiċi Komunitarji tad-Dwana [5] u r-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 [6] li jimplimenta r-Regolament (KEE) Nru 2913/92 li jqiegħdu, fost affarijiet oħra, proviżjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-esportazzjoni u l-esportazzjoni mill-ġdid tal-merkanzija. M'hemm xejn f'dan ir-Regolament li jżomm kwalunkwe poteri taħt u skond il-Kodiċi Komunitarju tad-Dwana u l-proviżjonijiet t'implimentazzjoni tiegħu.

(12) Skond u fil-limiti ta' l-Artikolu 30 tat-Trattat u sakemm isseħħ grad akbar ta' armonizzazzjoni, l-Istati Membri għandhom iżommu d-dritt li jwettqu kontrolli fuq trasferimenti ta' xi oġġetti ta' użu doppju fi ħdan il-Komunità Ewropea sabiex tkun salvagwardjata l-politika pubblika jew is-sigurtà pubblika. Fejn dawn il-kontrolli huma marbuta ma' l-effettività tal-kontrolli fuq l-esportazzjonijiet mill-Komunità, għandhom ikunu perjodikalment riveduti mill-Kunsill.

(13) Sabiex ikun assigurat li dan ir-Regolament huwa applikat kif suppost, kull Stat Membru għandu jieħu miżuri li jagħtu poteri xierqa lill-awtoritajiet kompetenti.

(14) Kull Stat Membru għandu jiddetermina il-penalitajiet applikabbli fil-każ ta' ksur tal-proviżjonijiet ta' dan ir-Regolament.

(15) Il-Parlament Ewropew esprima l-opinjonijiet tiegħu fir-reżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' April 1999 [7].

(16) B'relazzjoni ma' dak imsemmi hawn aktar qabel, ir-Regolament (KE) Nru 3381/94 għandu jitħassar,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

Suġġett u definizzjonijiet

Artikolu 1

Dan ir-Regolament iwaqqaf sistema Komunitarja ta' kontrolli ta' l-esportazzjonijiet għal oġġetti ta' użu doppju.

Artikolu 2

Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament:

(a) "oġġetti ta' użu doppju" għandhom ifissru oġġetti, inklużi s-"software" u t-teknoloġija, li jistgħu jintużaw kemm għal skopijiet ċivili u dawk militari, u għandhom jinkludu l-merkanzija kollha li tista' tintuża kemm għal użu mhux esplożiv kemm għal asssistenza f'kwalunkwe mod fil-fabbrikazzjoni ta' armi nukleari jew mezzi esplożivi nukleari oħrajn;

(b) "esportazzjoni" għandha tfisser:

(i) proċedura ta' esportazzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 161 tal-Kodiċi Komunitarja tad-Dwana;

(ii) esportazzjoni mill-ġdid fis-sens ta' l-Artikolu 182 ta' dak il-Kodiċi, u

(iii) t-trasmissjoni ta' "software" jew teknoloġija permezz ta' medja elettronika, fax, jew telefon għal destinazzjoni barra l-Komunità; dan japplika għat-trasmissjoni orali ta' teknoloġija permezz tat-telefon biss fejn it-teknoloġija hi miżmuma f'dokument li l-parti rilevanti tiegħu jinqara fuq it-telefon, jew huwa deskritt fuq it-telefon b'tali mod li jinkiseb sostanzjalment l-istess riżultat;

(ċ) "esportatur" għandu jfisser kwalunkwe persuna legali jew naturali li għaliha dikjarazzjoni ta' l-esportazzjoni hija magħmula, jiġifieri l-persuna li, fil-ħin meta d-dikjarazzjoni hi aċċettata, żżomm il-kuntratt ma' min jirċievi l-kunsinja fil-pajjiż terz u għandu l-poter li jiddetermina l-kunsinja ta' l-oġġett barra t-territorju Komunitarju tad-dwana. Jekk l-ebda kuntratt ta' l-esportazzjoni ma jkun konkluż jew jekk il-persuna fil-pussess ma taġġixxix għan-nom tiegħu, il-poter għad-determinazzjoni tal-kunsinja ta' oġġett barra t-territorju Komunitarju tad-dwana għandu jkun deċiżiv;

"esportatur" għandu wkoll ifisser kwalunkwe persuna naturali jew legali li tiddeċiedi li tittrasmetti software' jew teknoloġija permezz ta' medja elettronika, fax jew telefon għal destinazzjoni barra l-Komunità;

Fejn il-benefiċċju ta' dritt li jiddisponi minn oġġetti ta' użu doppju jappartjeni lil persuna stabbilita barra l-Komunità skond il-kuntratt li fuqu hija bbażata l-esportazzjoni, l-esportatur għandu jkun ikkunsidrat bħala l-Parti Kuntrattwali stabbilita fil-Komunità.

(d) "dikjarazzjoni ta' l-esportazzjoni" għandha tfisser l-att fejn persuna tindika fil-forma u l-manjiera preskritta x-xewqa li tqiegħed oġġetti ta' użu doppju taħt proċedura ta' esportazzjoni.

KAPITOLU II

L-Iskop

Artikolu 3

1. Għandha tkun meħtieġa awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni ta' l-oġġetti ta' użu doppju mniżżla fl-Anness I.

2. Skond l-Artikolu 4 jew 5, awtorizzazzjoni tista' wkoll tinħtieġ għall-esportazzjoni lejn id-destinazzjonijiet kollha jew xi wħud minnhom, ta' xi oġġetti ta' użu doppju mhux imniżżla fl-Anness I.

3. Dan ir-Regolament m'għandux japplika għall-forniment ta' servizzi jew it-trasmissjoni tat-teknoloġija jekk dik il-fornitura jew it-trasmissjoni tinvolvi moviment ta' persuni naturali minn fruntiera għall-oħra.

4. Dan ir-Regolament m'għandux japplika għal oġġetti ta' użu doppju li jgħaddu biss mit-territorju tal-Komunità, jiġifieri dawk li ma ngħatawx trattment jew użu tad-dwana approvat ta' xort' oħra għajr mill-proċedura ta' transizzjoni esterna jew li kemm huma mqiegħda f'żona libera jew maħżen ħieles u fejn m'għandu jinżamm l-ebda reġistrazzjoni tagħhom f'rekord tal-materjal approvat.

Artikolu 4

3. Għandha tkun meħtieġa awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni ta' oġġetti ta' użu doppju mhux imniżżla fl-Anness I jekk l-esportatur ikun infurmat mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru li fih hu stabbilit li l-affarijiet in kwistjoni huma jew jistgħu jkunu maħsuba, fis-sħiħ jew parzjalment, għall-użu f'konnessjoni ma' l-iżvilupp, il-produzzjoni, l-immaniġġar, l-operazzjoni, il-manteniment, l-irfigħ, it-tiftix, l-identifikazzjoni jew id-disseminazzjoni ta' armi kimiċi, bioloġiċi jew nukleari jew mezzi esplożivi nukleari oħra jew l-iżvilupp, il-produzzjoni, il-manteniment jew l-irfigħ ta' missili kapaċi li jwasslu armi bħal dawn.

2. Għandha wkoll tkun meħtieġa awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni ta' oġġetti ta' użu doppju mhux imniżżla fl-Anness I jekk il-pajjiż tax-xiri jew il-pajjiż tad-destinazzjoni huwa soġġett għal "embargo" ta' l-armi deċiż minn pożizzjoni komuni jew azzjoni konġunta adottata mill-Kunsill jew deċiżjoni ta' l-OSCE jew "embargo" ta' l-armi imposta minn reżoluzzjoni li torbot tal-Kunsill tas-Sigurta tan-Nazzjonalitajiet Uniti u jekk l-esoportatur ikun infurmat mill-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 1 li l-oġġetti in kwistjoni huma, jew jistgħu jkunu maħsuba, fis-sħiħ jew parzjalment, għal użu aħħari militari. Għall-iskopijiet ta' dan il-paragrafu, "użu aħħari militari" għandu jfisser:

(a) l-inkorporazzjoni fl-affarijiet militari mniżżla fil-lista militari ta' l-Istati Membri;

(b) l-użu għalhekk ta' tagħmir u komponenti ta' produzzjoni-, test- jew analiżi, għall-iżvilupp, il-produzzjoni jew il-manteniment ta' affarijiet militari mniżżla fil-lista msemmija hawn fuq;

(ċ) l-użu ta' kwalunkwe prodotti mhux lesti f'impjanti għall-produzzjoni ta' affarijiet militari mniżżla fil-lista msemmija hawn fuq.

3. Għandha tkun meħtieġa awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni ta' affarijiet ta' użu doppju mhux imniżżla fl-Anness I jekk l-esportatur ikun infurmat mill-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 1 li l-affarijiet in kwistjoni huma jew jistgħu jkunu maħsuba, fis-sħiħ jew parzjalment, għall-użu bħala partijiet jew komponenti ta' affarijiet militari mniżżla fil-lista militari nazzjonali li kienu esportati mit-territorju ta' dak l-Istat Membru mingħajr awtorizzazzjoni jew f'vjolazzjoni ta' awtorizzazzjoni preskritta minn leġislazzjoni nazzjonali ta' dak l-Istat Membru.

4. Jekk esportatur huwa konxju li l-oġġetti ta' użu doppju li hu jipproponi li jesporta, li mhux imniżżla fl-Anness I, huma maħsuba, fis-sħiħ jew parzjalment, għal kwalunkwe użu msemmi fil-paragrafi 1, 2 u 3, għandu javża l-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 1, li jiddeċiedu jekk huwiex spjedjenti jew le li l-esportazzjoni kkonċernata tkun soġġetta għall-awtorizzazzjoni.

5. Stat Membru jista' jaddotta jew iżomm leġislazzjoni nazzjonali li timponi ħtieġa ta' awtorizzazzjoni fuq l-esportazzjoni ta' oġġetti ta' użu doppju mhux imniżżla fl-Anness I jekk l-esportatur għandu raġunijiet li jissuspetta li dawk l-oġġetti huma jew jistgħu jkunu maħsuba, fis-sħiħ jew parzjalment, għal kwalunkwe użu msemmi fil-paragrafu 1.

6. Stat Membru li jimponi ħtieġa ta' awtorizzazzjoni, fl-applikazzjoni tal-paragrafi 1 sa 5, fuq l-esportazzjoni ta' oġġett ta' użu doppju mhux imniżżel fl-Anness I, għandu, fejn xieraq, jgħarraf l-Istati Membri l-oħra u l-Kummissjoni. L-Istati Membri l-oħra għandhom jagħtu l-kunsiderazzjoni dovuta lil din l-informazzjoni u għandhom jgħarrfu, sa l-limitu possibbli, l-uffiċċji tad-dwana u awtoritajiet nazzjonali rilevanti oħra.

7. Il-proviżżjonijiet ta' l-Artikolu 9(2) u (3) għandhom japplikaw għall-każijiet li jikkonċernaw oġetti ta' użu doppju mhux imniżżla fl-Anness I.

8. Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' l-Istati Membri li jieħdu miżuri nazzjonali taħt l-Artikolu 11 tar-Regolament (KEE) Nru 2603/69.

Artikolu 5

1. Stat Membru jista' jipprojbixxi jew jimponi ħtieġa ta' awtorizzazzjoni fuq l-esportazzjoni ta' oġġetti ta' użu doppju mhux imniżżla fl-Anness I għal raġunijiet ta' sigurta pubblika jew kunsiderazzjonijiet ta' drittijiet umani.

2. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu kwalunkwe miżuri addottati skond paragrafu 1 lill-Kummissjoni immedjatament wara l-adozzjoni tagħhom u jindikaw ir-raġunijiet preċiżi għal dawn il-miżuri.

3. L-Istati Membri għandhom ukoll jgħarrfu lill-Kummissjoni immedjatament b'kwalunkwe modifikazzjonijiet lill-miżuri addottati skond il-paragrafu 1.

4. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-miżuri mgħarrfa lilha skond il-paragrafi 2 u 3 fis-serje tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropei.

KAPITOLU III

L-awtorizzazzjoni fuq l-esportazzjoni

Artikolu 6

1. Awtorizzazzjoni ta' esportazzjoni Komunitarja ġenerali għal xi esportazzjonijiet imwaqqfa fl-Anness II hija stabbilita permezz ta' dan ir-Regolament.

2. Għall-esportazzjonijiet kollha l-oħra li għalihom hi meħtieġa awtorizzazzjoni taħt dan ir-Regolament, awtorizzazzjoni bħal din għandha tingħata mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru fejn l-esportatur huwa stabbilit. Bla ħsara għar-restrizzjoni speċifikata fil-paragrafu 3, din l-awtorizzazzjoni tista' tkun awtorizzazzjoni individwali, globali jew ġenerali.

L-awtorizzazzjoni għandha tkun valida matul il-Komunità.

L-awtorizzazzjoni tista' tkun suġġetta, jekk xieraq, għal xi ħtiġijiet u kondizzjonijiet, bħall-obligazzjoni li tkun ipprovduta dikjarazzjoni ta' l-użu aħħari.

3. L-Affarijiet imniżżla fil-Parti 2 ta' l-Anness II m'għandhomx ikunu nklużi f'awtorizzazzjoni ġenerali.

4. L-Istati Membri għandhom jindikaw f'awtorizzazzjonijiet ġenerali li dawn ma jistgħux jintużaw jekk l-esportatur ikun infurmat mill-awtoritajiet tiegħu li l-oġġetti in kwistjoni huma jew jistgħu jkunu maħsuba, fis-sħiħ jew parzjalment, għal kwalunkwe użu msemmi fil-paragrafi 1, 2 u 3 ta' l-Artikolu 4, jew jekk l-esportatur huwa konxju li l-oġġetti huma maħsuba għall-użi msemmija hawn fuq.

5. L-Istati Membri għandhom iżommu jew jintroduċu fil-leġislazzjoni nazzjonali rispettiva tagħhom il-possibiltà ta' l-għotja ta' awtorizzazzjoni globali lil esportatur speċifiku fejn għandhom x'jaqsmu tip jew kategorija ta' oġġett ta' użu doppju li jista' jkun validu għall-esportazzjonijiet f'wieħed jew aktar pajjiżi speċifikati.

6. L-Istati Membri għandhom ifornu lill-Kummissjoni b'lista ta' l-awtoritajiet b'poter li jagħtu awtorizzazzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta' oġġetti ta' użu doppju.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista ta' dawn l-awtoritajiet fis-serje ¬ tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropei.

Artikolu 7

1. Jekk l-oġġetti ta' użu doppju li għalihom kienet magħmula applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ndividwali fuq l-esportazzjoni lejn destinazzjoni mhux imniżżla fl-Anness II jew lejn kwalunkwe destinazzjoni fil-każ ta' oġġetti ta' użu doppju mniżżla fl-Anness IV huma jew ser jinstabu f'wieħed jew aktar Stati Membri differenti minn dik fejn saret l-applikazzjoni, dak il-fatt għandu jkun indikat fl-applikazzjoni. L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru li lilhom l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni saret għandhom jikkonsultaw immedjatament lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat jew l-Istati Membri in kwistjonio u jipprovdu l-informazzjoni rilevanti. L-Istat jew l-Istati Membri kkonsultati għandhom jgħarrfu fi żmien 10 jiem xogħol kwalunkwe oġġezzjonijiet li huma jista' jkollhom għall-għoti ta' awtorizzazzjoni bħal din, li għandha torbot l-Istat Membru fejn saret l-applikazzjoni.

Jekk ma jkun hemm l-ebda oġġezzjoni fi żmien 10 jiem xogħol, l-Istat jew Stati Membri kkonsultati għandhom jitqiesu bħala li m'għandhom ebda oġġezzjoni.

F'każijiet eċċezzjonali, kwalunkwe Stat Membru kkonsultat jista' jitlob l-estensjoni tal-perjodu ta' 10 jiem. Madanakollu, l-estensjoni ma tistax taqbeż it-30 ġurnata xogħol.

2. Jekk esportazzjoni tista' tippreġudika l-interessi essenzjali tas-sigurtà tagħha, Stat Membru jista' jitlob lil Stat Membru ieħor li ma jagħtix awtorizzazzjoni fuq l-esportazzjoni jew, jekk awtorizzazzjoni bħal din ingħatat, jitlob l-annullament, is-sospensjoni, il-modifikazzjoni jew ir-revokazzjoni tagħha. L-Istat Membru li jirċievi talba bħal din għandu immedjatament jidħol f'konsultazzjonijiet ta' xorta li ma jorbtux ma' l-Istat Membru li jagħmel it-talba, li għandhom jintemmu fi żmien 10 jiem xogħol.

Artikolu 8

F'deċiżjoni ta' jekk għandiex tingħata jew le awtorizzazzjoni fuq l-esportazzjoni taħt dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont tal-kunsiderazzjonijiet rilevanti kollha inklużi:

(a) l-obbligazzjonijiet u l-impennji li kull wieħed minnhom aċċetta bħala membru tar-reġimi internazzjonali ta' non-proliferazzjoni rilevanti u l-arranġamenti tal-kontroll fuq l-esportazzjoni, jew b'ratifikazzjoni tat-trattati internazzjonali rilevanti;

(b) l-obbligazzjonijiet tagħhom taħt sanzjonijiet imposti minn pożizzjoni komuni jew azzjoni mwaħħda addottati mill-Kunsill jew b'deċiżjoni ta' l-OSCE jew b'reżoluzzjoni li torbot tal-Kunsill Tas-Sigurta tan-Nazzjonalitajiet Uniti;

(ċ) kunsiderazzjonijiet ta' nazzjonalita barranija u polza tas-sigurta, inklużi dawk koperti mill-kodiċi ta' l-Kondotta fuq l-esportazzjonijiet ta' l-armi ta' l-Unjoni Ewropea

(d) kunsiderazzjonijiet dwar użu aħħari maħsub u r-riskju tad-diverżjoni.

Artikolu 9

1. L-Esportaturi għandhom ifornu l-awtoritajiet kompetenti bl-informazzjoni rilevanti kollha meħtieġa għall-applikazzjonijiet tagħhom għall-awtorizzazzjoni fuq l-esportazzjoni.

2. L-awtoritajiet kompetenti, li jaġixxu skond dan ir-Regolament, jistgħu jirrifjutaw li jagħtu awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni u jistgħu jħassru, jissospendu, jimmodifikaw jew jirrevokaw awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni li huma diġa taw. Fejn jirrifjutaw, jannullaw, jissospendu, jillimitaw sostanzjalment jew jirrevokaw awtorizzazzjoni, għandhom jinfurmaw b'dan l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri l-oħra u l-Kummissjoni u jsir skambju ta' l-informazzjoni rilevanti ma' l-Istati Membri l-oħra u l-Kummissjoni, filwaqt li jikkonformaw mal-proviżjonijiet ta' l-Artikolu 15(3) li jikkonċerna l-kunfidenzjalità ta' informazzjoni bħal din.

3. Qabel ma kwalunkwe Stat Membru jagħti awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni li kienet miċħuda minn Stat jew Stati Membri oħra għal tranżazzjoni essenzjalmnt identika fi żmien it-tliet snin ta' qabel, l-ewwel jikkonsulta l-Istat jew l-Istati Membri li ħarġu ċ-ċaħda(iet). Jekk wara l-konsultazzjonijiet, l-Istat Membru madanakollu jiddeċiedi li jagħti awtorizzazzjoni, għandu jinforma l-Istati Membri l-oħra u l-Kummissjoni, bl-għotja ta' l-informazzjoni kollha rilevanti biex jispjega d-deċiżjoni.

Artikolu 10

1. L-awtorizzazzjonijiet kollha individwali u globali għall-esportazzjoni għandhom jinħarġu fuq formoli konsistenti mal-mudell imwaqqaf fl-Anness IIIa.

2. Fuq it-talba ta' l-esportaturi, l-awtorizzazzjonijiet globali għall-esportazzjoni li għandhom limitazzjonijiet kwantitattivi għandhom jinqassmu.

3. Awtorizzazzjonijiet ġenerali għall-esportazzjoni mogħtija taħt l-Artikolu 6(2) għandhom ikunu ppublikati skond il-liġijiet u d-drawwiet nazzjonali. Għandhom jinħarġu skond l-indikazzjonijiet imwaqqfa fl-Anness IIIb.

KAPITOLU IV

Aġġornar tal-lista ta' oġġetti ta' użu doppju

Artikolu 11

Il-listi ta' affarijiet ta' użu doppju mwaqqfa fl-Anness I u l-Anness IV għandhom ikunu aġġornati f'konformità ma' l-obbligazzjonijiet u l-impennji rilevanti, u kwalunkwe modifikazzjoni hemmhekk, li kull Stat Membru aċċetta bħala membru tar-reġimi internazzjonali ta' non-proliferazzjoni u arranġamenti fuq kontroll ta' l-esportazzjoni, jew permezz ta' ratifikazzjoni tat-trattati internazzjonali rilevanti.

KAPITOLU V

Proċeduri tad-Dwana

Artikolu 12

1. Fit-tkomplija tal-formalitajiet għall-esportazzjoni ta' oġġetti ta' użu doppju fl-uffiċju tad-dwana responsabbli għall-immaniġġar tad-dikjarazzjoni ta' l-esportazzjoni, l-esportatur għandu jforni prova li kiseb kwalunkwe awtorizzazzjoni ta' esportazzjoni neċessarja.

2. L-esportatur jista jintalab traduzzjoni ta' kwalunkwe dokumenti forniti bħala prova f'lingwa uffiċjali ta' l-Istat Membru fejn id-dikjarazzjoni ta' l-esportazzjoni hi ppreżentata.

3. Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe poteri mogħtija lilu taħt, u skond, il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, Stat Membru jista' wkoll, għal perjodu li ma jaqbiżx il-perjodi msemmija fil-paragrafu 4, jissospendi l-proċess ta' esportazzjoni mit-territorju tiegħu, jew, jekk meħtieġ, f'każ ieħor iwaqqaf l-użu doppju ta' l-oġġetti mniżżla fl-Anness I li huma koperti minn awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni valida milli joħorġu mill-Komunità mit-territorju tiegħu, fejn għandu raġunijiet għal suspetti li:

(a) ma ttieħedx kont ta' informazzjoni rilevanti meta ngħatat l-awtorizzazzjoni jew

(b) iċ-ċirkustanzi tbiddlu materjalment minn meta ngħatat l-awtorizzazzjoni.

4. Fil-każ imsemmi fil-paragrafu 3, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru li taw l-awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni għandhom ikunu kkonsultati minnufih sabiex ikunu jistgħu jieħdu azzjoni skond l-Artikolu 9(2). Jekk awtoritajiet kompetenti bħal dawn jiddeċiedu li jżommu l-awtorizzazzjoni, għandhom jagħtu risposta fi żmien 10 jiem xogħol, li, fuq it-talba tagħhom, jistgħu ikunu estiżi għal 20 ġurnata xogħol f'ċirkustanzi eċċezzjonali. F'każ bħal dan, jew jekk ebda risposta ma hi rċevuta fi żmien 10 jew 30 ġurnata, kif jista' jagħti l-każ, l-oġġetti ta' użu doppju għandhom ikunu rilaxxati immedjatament. L-Istat Membru li ta l-awtorizzazzjoni għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni.

Artikolu 13

1. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-formalitajiet tad-dwana għall-esportazzjoni ta' l-oġġetti ta' użu doppju jistgħu jitkomplew biss f'uffiċji tad-dwana mogħtija s-setgħa għal dak il-għan aħħari.

2. L-Istati Membri li jagħmlu użu mill-għażla mqiegħda fil-paragrafu 1 għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-uffiċji tad-dwana b'dan il-poter xieraq. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-informazzjoni fis-serje ¬ tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropei.

Artikolu 14

Il-proviżjonijiet ta' l-Artikoli 463 sa 470 u 843 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 għandhom japplikaw għar-restrizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-esportazzjoni, l-esportazzjoni mill-ġdid u l-ħruġ mit-territorju tad-dwana ta' oġġetti ta' użu doppju għall-esportazzjoni li għaliha hi meħtieġa awtorizzazzjoni taħt dan ir-Regolament.

KAPITOLU VI

Kooperazzjoni amministrattiva

Artikolu 15

1. F'azzjoni b'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa għall-istabilizzazzjoni ta' kooperazzjoni diretta u skambju ta' nformazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti, b'mod partikulari biex ikun eliminat ir-riskju li differenzi possibbli fl-applikazzjoni ta' kontrolli fuq l-esportazzjoni għal oġġetti ta' użu doppju jistgħu jwasslu għal varjazzjoni fin-negozju, li jista' joħloq diffikulatjiet għal wieħed jew aktar Stati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa għall-istabilizzazzjoni ta' kooperazzjoni diretta u tpartit ta' l-informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti fuq dawk sensittivi f'użu aħħari bil-għan li jkun ipprovdut livell konsistenti ta' tmexxija għall-esportaturi kkonċernati minn dan ir-Regolament.

3. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 tat-13 ta' Marzu 1997 dwar l-assistenza miż-żewġ naħat bejn l-awtoritajiet ammnistrattivi ta' l-Istati Membri u l-kooperazzjoni bejn dawn ta' l-aħħar u l-Kummissjoni biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta tal-liġi fuq il-kwistjonijiet tad-dwana u l-agrikultura [8], u b'mod partikulari l-proviżjonijiet dwar il-kunfidenzjalità ta' l-informazzjoni, għandhom japplikaw mutatis mutandis, mingħajr preġudizzju għal l-Artikolu 18 ta' dan ir-Regolament.

KAPITOLU VII

Miżuri ta' kontroll

Artikolu 16

1. L-Esportaturi għandhom iżommu reġistri dettaljati jew rekordijiet ta' l-esportazzjonijiet tagħhom, skond id-drawwa nfurzata fl-Istati Membri rispettivi. Reġistri u rekordijiet bħal dawn għandhom jinkludu b'mod partikulari dokumenti kummerċjali bħal fatturi, avviżi u dokumenti ta' trasport u kunsinja li jżommu informazzjoni biżżejjed li jippermettu l-identifikazzjoni ta' dawn li ġejjin:

(a) id-deskrizzjoni ta' l-affarijiet ta' użu doppju;

(b) il-kwantita ta' affarijiet ta' użu doppju;

(ċ) l-isem u l-indirizz ta' l-esportatur u ta' dak li jirċievi l-kunsinja;

(d) fejn magħruf, l-użu aħħari u l-persuna li qed tagħmel użu aħħari ta' l-affarijiet ta' użu doppju.

2. Ir-reġistri jew ir-rekordijiet u d-dokumenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinżammu għal mill-inqas tliet snin mill-aħħar tas-sena li fiha saret l-esportazzjoni. Meta mitluba dawn għandhom jingħataw lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru li fih l-esportatur huwa stabbilit.

Artikolu 17

Sabiex ikun assigurat li dan ir-Regolament huwa applikat kif suppost, kull Stat Membru għandu jieħu kwalunkwe miżuri meħtieġa biex ikun permess lill-awtoritajiet kompetenti:

(a) li jiġbru informazzjoni fuq kwalunkwe ordni jew transazzjoni li tinvolvi l-affarijiet ta' użu doppju;

(b) li jistabilixxu li l-miżuri ta' kontroll fuq l-esportazzjoni huma applikati kif suppost, li jista' jinkludi b'mod partikulari l-poter għad-dħul fil-postijiet ta' persuni b'interess f'transazzjoni ta' esportazzjoni.

KAPITOLU VIII

Proviżjonijiet ġenerali u ta' l-aħħar

Artikolu 18

1. Għandu jitwaqqaf Grupp ta' Koordinazzjoni ppresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni. Kull Stat Membru għandu jaħtar rappreżentant għall-Grupp ta' Koordinazzjoni.

Il-Grupp ta' Koordinazzjoni għandu jeżamina kwalunkwe kwistjoni li għandha x'taqsam ma' l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament li tista' titqajjem jew mill-president jew minn rappreżentant ta' Stat Membru u, inter alia:

(a) il-miżuri li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri biex jinfurmaw l-esportaturi bl-obbligazzjonijiet tagħhom taħt dan ir-Regolament;

(b) it-tmexxija li tikkonċerna l-formoli għall-awtorizzazzjoni fuq l-esportazzjoni.

2. Il-Grupp ta' Koordinazzjoni jista', kull meta jqis li hu neċessarju, jikkonsulta l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi ta' l-esportaturi kkonċernati minn dan ir-Regolament.

Artikolu 19

Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri xierqa biex jassigura l-infurzar xieraq tal-proviżjonijiet kollha ta' dan ir-Regolament. B'mod partikulari, għandu jqiegħed il-penalitajiet applikabbli għall-ksur tal-proviżjonijiet ta' dan ir-Regolament jew ta' dawk addottati għall-implimentazzjoni tiegħu. Dawn il-penalitajiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u li jnaqqsu l-ħajra.

Artikolu 20

Kull Stat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni bil-liġijiet, ir-regolamenti u l-proviżjonijiet amministrattivi addottati fl-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, inklużi l-miżuri msemmija fl-Artikolu 19. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi l-informazzjoni lill-Istati Membri l-oħra. Kull tliet snin il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lil-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. L-Istati Membri għandhom jagħtu lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha xierqa għall-preparazzjoni tar-rapport.

Artikolu 21

1. Għandha tkun meħtieġa awtorizzazzjoni għal trasferimenti intra-Komunitarji ta' oġġetti ta' użu doppju imniżżla fl-Anness IV. L-oġġetti imniżżla fil-Parti 2 ta' l-Anness IV m'għandhomx ikunu koperti minn awtorizzazzjoni ġenerali.

2. (a) Stat Membru jista' jimponi ħtieġa ta' awtorizzazzjoni għat-trasferiment ta' oġġetti ta' użu doppju oħrajn mit-territorju tiegħu għal Stat Membru ieħor f'każijiet fejn fil-ħin tat-trasferiment:

- l-operatur jaf li d-destinazzjoni ta' l-aħħar ta' l-oġġetti kkonċernati hija barra l-Komunità.

- l-esportazzjoni ta' dawk l-oġġetti għad-destinazzjoni ta' l-aħħar hija soġġetta għal ħtieġa ta' awtorizzazzjoni skond l-Artikolu 3, 4 jew 5 fl-Istat Membru li minnu l-oġġetti għandhom ikunu trasferiti, u esportazzjoni ta' dan it-tip dirett mit-territorju tiegħu mhijiex awtorizzata minn awtorizzazzjoni ġenerali jew awtorizzazzjoni globali,

- l-ebda pproċessar jew ħidma kif definit fl-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità m'għandu jitwettaq fuq l-oġġetti fl-Istat Membru li għandhom ikunu trasferiti fih.

(b) L-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tat-trasferiment għandha ssir fl-Istat Membru li minnu l-oġġetti ta' użu doppju għandhom ikunu trasferiti.

(ċ) F'każijiet fejn l-esportazzjoni sussegwenti ta' l-oġġetti ta' użu doppju diġa kienet aċċettata, fil-proċeduri ta' konsultazzjoni mwaqqfa fl-Artikolu 7, mill-Istat Membru li minnu l-oġġetti għandhom ikunu trasferiti, l-awtorizzazzjoni tat-trasferiment għandha tinħareġ lill-operatur immedjatament, sakemm iċ-ċirkustanzi ma nbiddlux sostanzjalment.

(d) Stat Membru li jadotta leġislazzjoni li timponi ħtieġa bħal din għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bil-miżuri li ħa. Il-Kummissjoni għandha tippubblika din l-informazzjoni fis-serje ¬ tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropei.

3. Il-miżuri skond il-paragrafi 1 u 2 m'għandhomx jinvolvu l-applikazzjoni ta' kontrolli ta' fruntieri interni fi ħdan il-Komunità, imma biss kontrolli li huma mwettqa bħala parti mill-proċeduri normali ta' kontroll applikati b'mod mhux diskriminatorju fit-territorju tal-Komunità.

4. L-applikazzjoni tal-miżuri skond il-paragrafi 1 u 2 tista' ma tirriżulta f'ebda każ ta' trasferimenti minn Stat Membru għal ieħor meta soġġett għal kondizzjonijiet iktar restrittivi minn dawk imposti għall-esportazzjonijiet ta' l-istess oġġetti lil Stati mhux Membri.

5. Dokumenti u reġistrazzjoni ta' trasferimenti intra-Komunitarji ta' oġġetti ta' użu doppju mniżżla fl-Anness I għandhom jinżammu għal mill-inqas tliet snin mill-aħħar tas-sena li fiha seħħ it-trasferiment u meta jintalbu, għandhom jingħataw lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru li minnu dawn l-affarijiet kienu trasferiti.

6. Stat Membru jista', permezz ta' leġislazzjoni nazzjonali, jeħtieġ li, għal kwalunkwe trasferiment intra-Komunitarju minn dak l-Istat Membru ta' oġġetti mniżżla fil-Kategorija 5, Parti 2 ta' l-Anness I li mhix imniżżla fl-Anness IV, informazzjoni addizzjonali li tikkonċerna dawk l-affarijiet għandha tingħata lill-awtoritajiet kompetenti ta' dak l-Istat Membru.

7. Id-dokumenti kummerċjali rilevanti li għandhom x'jaqsmu mat-trasferimenti Intra-Komunitarji ta' l-oġġetti ta' użu doppju mniżżla fl-Anness I għandhom juru b'mod ċar li dawk l-oġġetti huma soġġetti għal kontrolli jekk esportati mill-Komunità. Dokumenti kummerċjali rilevanti jinkludu, b'mod partikulari, kwalunkwe kuntratt ta' bejgħ, konfirma ta' ordni, fattura jew nota ta' kunsinja.

Artikolu 22

Dan ir-Regolament ma jaffettwax:

- l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 296 tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropeja,

- l-applikazzjoni tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropeja ta' Enerġija Atomika.

Artikolu 23

Ir-Regolament (KEE) Nru 3381/94 hu hawnhekk imħassar.

Madanakollu, għall-applikazzjonijiet ta' awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni magħmula qabel l-infurzar ta' dan ir-Regolament, il-proviżjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 3381/94 għandhom jibqgħu japplikaw.

Artikolu 24

Dan ir-Regolament għandu jkun infurzat 90 ġurnata wara d-data tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropei.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, fit-22 ta' Ġunju 2000.

Għall-Kunsill

Il-President

J. Sócrates

[1] ĠU C 399, tal-21.12.1998, p. 1.

[2] ĠU L 367, tal-31.12.1994, p. 1. Ir-Regolament kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 837/95 (ĠU L 90, tal-21.4.1995, p.1).

[3] ĠU L 367, tal-31.12.1994, p. 8. Id-Deċiżjoni kif l-aħħar emendata mid-Deċiżjoni 2000/243 CFSP (ĠU L 82, ta' l-1.4.2000, p.1).

[4] ĠU L 324, tas-27.12.1969, p. 25. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KEE) Nru 3918/91 (ĠU L 372, tal-31.12.1991, p.31).

[5] ĠU L 302, tad-19.10.1992, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 955/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 119, tas-7.5.1999, p.1).

[6] ĠU L 253, tal-11.10.1993, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 1662/1999 (ĠU L 197, tad-29.7.1999, p.25).

[7] ĠU C 219, tat-30.7.1999, p. 34.

[8] ĠU L 82, tat-22.3.1997, p. 1.

--------------------------------------------------

ANNESS I

LISTA TA' OĠĠETTI U TEKNOLIĠIJA B'ŻEWĠ UŻI

(imsemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1334/2000)

Ara r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 149/2003, ĠU L 30, 5.2.2003, p. 1

--------------------------------------------------

ANNESS II

AWTORIZAZZJONI ĠENERALI TA' L-ESPORTAZZJONI KOMUNITARJA Nru EU001

(imsemmija fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1334/2000)

Ara r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 149/2003, ĠU L 30, tal-5.2.2003, p.1.

--------------------------------------------------

ANNESS IIIa

(mudell tal-formula) (imsemmija fl-Artikolu 10(1))

Ara r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 149/2003, ĠU L 30, tal-5.2.2003, p.1.

--------------------------------------------------

ANNESS IIIb

ELEMENTI KOMUNI GĦALL-PUBBLIKAZZJONI TA' AWTORIZAZZJONIJIET ĠENERALI FUQ L-ESPORTAZZJONI

(imsemmija fl-Artikolu 10(3))

Ara r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 149/2003, ĠU L 30, tal-5.2.2003, p.1.

--------------------------------------------------

ANNESS IV

(Lista msemmija fl-Artikolu 21(1) tar-Regolament (KE) Nru 1334/2000)

Ara r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 149/2003, ĠU L 30, tal-5.2.2003, p.1.

--------------------------------------------------