32000R0978



Official Journal L 113 , 12/05/2000 P. 0001 - 0024


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 978/2000

tat-8 ta' Mejju 2000

li jimponi taxxa kompensatorja definittiva fuq l-importazzjoni ta' fibri sintetiċi ta' poliester li joriġinaw fl-Awstralja, fl-Indonesja u fit-Tajwan u li jiġbor b'mod definittiv it-taxxa provviżorja imposta

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 2026/97 tas-6 ta' Ottubru 1997 dwar il-protezzjoni kontra l-importi sussidjati minn pajjiżi mhux Membri tal-Komunità Ewropea [1], u b'mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mogħtija mill-Kummissjoni wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A. PROĊEDURA

1. MIŻURI PROVVIŻORJI U TMIEM

(1) Bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru. 123/2000 [2] (hawnhekk iżjed ‘il quddiem imsejjaħ "ir-Regolament tat-taxxa provviżorja") taxxi kompensatorji provviżorji kienu imposti fuq importazzjoni fil-Komunità ta' fibri ta' poliester mhux maħdum (hawnhekk iżjed ‘il quddiem "PSF") li jaqgħu taħt il-kodiċi NK 55032000 u li joriġinaw fl-Awstralja u fit-Tajwan, u kienet mitmuma l-proċedura li tkopri l-istess prodott li joriġina fir-Repubblika tal-Korea u fit-Tajlandja.

Fin-nuqqas ta' evidenza konklussiva ta' sussidju, ma ġewx imposti miżuri ta' taxxi kompensatorji provviżorji fuq importazzjoni ta' PSF li joriġinaw mill-Indonesja. Madanakollu, kien deċiż li għandha titkompla l-investigazzjoni fuq l-importazzjoni minn dak il-pajjiż, b'mod partikolari fir-rigward tat-trattament ta' kumpanniji li ma jikkoperawx u l-istabbiliment tal-marġni ta' sussidju nazzjonali.

(2) B'riżultat ta' investigazzjoni anti-dumping parallela ġew imposti bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru. 124/2000 [3] taxxi anti-dumping provviżorji fuq importazzjoni fil-Komunità ta' PSF li joriġinaw fl-Awstralja, fl-Indonesja u fit-Tajlandja.

2. PROĊEDURI SUSSEGWENTI

(3) Wara l-imposizzjoni ta' taxxi kompensatorji provviżorji, diversi partijiet taw il-kummenti tagħhom bil-miktub. Skond id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 11(5) tar-Regolament (KE) Nru. 2026/97 (hawnhekk iżjed 'il quddiem imsejjaħ ir-"Regolament bażiku"), il-partijiet kollha interessati li talbu seduta kisbuha.

(4) Il-Kummissjoni baqgħet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha meqjusa neċessarja għall-konklużjonijiet definittivi tagħha.

(5) Il-partijiet kollha kienu nformati bil-fatti u bil-konsiderazzjonijiet essenzali skond il-bażi ta' liema hu maħsub li tkun rakkomandata l-imposizzjoni ta' taxxi kompensatorji definittivi fuq l-importazzjoni ta' PSF li joriġinaw mill-Awstralja, mit-Tajwan u mill-Indonesja.

Ġie ffisat ukoll perijodu li fih jistgħu jagħmlu rappreżentazzjonijiet sussegwenti għal din in-notifika.

(6) Il-kummenti ppreżentati oralment u bil-miktub mill-partijiet interessati ġew ikkunsidrati u, fejn meqjus xieraq, ikkunsidrati għall-konklużjonijiet definittivi.

B. PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

(7) Il-prodott ikkonċernat hu fibri sintetiċi ta' poliester mhux maħduma, mhux mimxuta, lanqas ippetnati jew ipproċessati mod ieħor għal dawran, attwalment klassifikati taħt il-kodiċi NK 55032000, komunament imsejjħa bħala fibri tal-poliester mhux maħduma (PSF).

(8) L-ebda kumment ma kien riċevut wara n-notifika ta' konklużjonijiet provviżorji fir-rigward tad-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat u l-prodott simili, il-konklużjonijiet tal-premessi 10 sa' 12 tar-Regolament ta' taxxa provviżorja huma hawnhekk ikkonfermati.

Ċ. SUSSIDJI

(9) Il-konklużjonijiet li saru fir-Regolament ta' taxxa provviżorja dwar is-sussidji kompensatorji miksuba mill-produtturi esportaturi huma definittivament ikkonfermati, sakemm ma jkunx espress mod ieħor f'dan ir-Regolament.

I. AWSTRALJA

1. INTRODUZZJONI

(10) Wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament ta' taxxa provviżorja, il-Gvern Awstraljan issottometta fis-17 ta' Jannar 2000, bil-miktub, il-kummenti tiegħu dwar id-dokument ta' notifika li fih id-dettalji li jsejjsu l-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzali skond il-bażi li bihom ġew imposti miżuri provviżorji. Il-kummenti mill-uniku esportatur li kkopera kienu riċevuti fl-14 ta' Jannar 2000. Fuq talba tiegħu, il-Gvern Awstraljan kien mismugħ mis-servizzi tal-Kummissjoni nhar l-4 ta' Frar 2000.

2. KWISTJONIJIET LI JIKKONĊERNAW IS-SUSSIDJU

2.1. Sottomissjonijiet ġenerali

(11) Il-Gvern Awstraljan sostna li d-dokumenti ta' notifika ma stabbilixxewx "id-dettalji li jsejjsu l-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzali li fuqhom ġew imposti miżuri provviżorji" skond l-Artikolu 30 tar-Regolament bażiku. Peress li l-Gvern Awstraljan ma rċiviex il-metodoloġija ta' kalkolu jew il-metodu ta' imposizzjoni ta' miżuri provviżorji, id-dokument ta' notifika ma kienx komplet. B'mod partikolari ma kinietx ipprovduta l-metodoloġija fir-rigward ta' sussidji mhux rikorrenti għal spiża kapitali/assi fissi.

(12) F'dan ir-rigward, hu kkunsidrat li d-dokument ta' notifika mibgħut lill-Gvern Awstraljan, anke jekk ma talbux, fih analiżi ddettalljata dwar is-sussidju, dwar l-inġurja, dwar il-kawżar u dwar l-interess tal-Komunità. Għalhekk, l-imsemmi dokument ta' notifka fil-fatt stabbilixxa d-dettalji li jsejjsu l-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzali li fuqhom ġew imposti miżuri provviżorji. Spjegazzjoni tal-metodoloġija użata għall-kalkolu ta' l-ammont sussidjarju kienet ipprovduta fid-dokument ta' notifika dwar il-programmi kollha ta' sussidju li għalihom il-benefiċċji kienu kkumpensati, u l-ispjegazzjoni għal sussidju mhux rikorrenti kienet repetuta fir-Regolament ta' taxxa provviżorja fil-premessi 30 sa' 32.

(13) Mhux ikkunsidrat li hu meħtieġ bl-Artikolu 30 tar-Regolament bażiku li gvern ikun ipprovdut bil-kalkolazzjonijiet attwali għall-ammont ta' sussidju speċifikati għal kumpanniji, b'mod partikolari fid-dawl ta' l-Artikolu 29 tar-Regolament bażiku u r-regoli dwar it-trattament ta' informazzjoni konfidenzali li jinsabu fih. Informazzjoni bħal din kienet ipprovduta lill-esportatur li kkopera fid-dokument ta' notifika provviżorju. B'addizzjoni, skond l-Artikolu 2 tar-Regolament ta' taxxa provviżorja, il-partijiet ikkonċernati setgħu ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub dwar il-kontenut ta' dak ir-Regolament, inkluż il-livell ta' taxxi kompensatorji.

2.2. Skemi individwali

2.2.1. Skema ta' sussidju għall-iżvilupp tas-suq ta' l-esportazzjoni (EMDG)

(14) Il-Gvern Awstraljan argumenta li t-"test għad-dħul fis-sussidju" applikat fl-iskema EMDG, li hi deskritta fil-premessi 14 sa' 17 tar-Regolament ta' taxxa provviżorja, ma jorbotx is-sussidju mad-dħul ta' esportazzjoni programmata peress li l-iskop tat-test hu li jiżgura l-prospettivà ta' suċċess ta' l-intrapriża billi jobbligalha li jkollha pjan finanzjarju u amministrattiv adegwat.

(15) Kien stabbilit li skond dan it-test, l-applikant għandu juri li pprogramma dħul mill-esportazzjoni li l-valur tiegħu mhux impossibli li jkun miskub. Peress li ma kienx hemm oġġezzjoni f'dan ir-rigward mill-Gvern Awstraljan kien konkluż li m'għandhomx jingħataw sussidji taħt l-iskema EMDG kemm-il darba ma jkunx antiċipat li d-dħul se jkun mill-esportazzjoni. Għalhekk, is-sussidju hu kkunsidrat li hu kkondizzjonat fil-fatt fuq ir-ruultati ta' l-esportazzjoni peress li l-fatti vverifikati fl-investigazzjoni wrew li l-awtorizzazzjoni tas-sussidju hi fil-fatt marbuta ma' dħul antiċipat mill-esportazzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 3(4)(a) tar-Regolament bażiku, irrespettivament mill-"ħsieb" tat-test.

(16) Barra dan, wieħed għandu jinnota li l-Gvern Awstraljan u l-produttur esportatur irrifjutaw li jipprovdu kopji tad-dokumenti li jirrigwardjaw is-sussidju attwali riċevut mill-kumpanniji, waqt li kkwotaw ħtiġiet ta' "riservatezza kummerċjali". Għalhekk, ma setax jiġi vverifikat jekk il-kumpannija fil-fatt ipprovdietx lill-awtoritajiet li jawtorizzaw is-sussidji l-figuri rilevanti għad-dħul minn esportazzjoni programmata. Matul iż-żjara ta' verifikazzjoni, kemm il-kumpannija kif ukoll il-Gvern Awstraljan ġew infurmati li dan it-tiċħid jista' jwassal biex il-konklużjonijiet finali jsiru skond il-bażi tal-fatti disponibbli skond l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku. Għalhekk, peress li ma ġiex ikkontestat l-fatt li għat-"test għad-dħul fis-sussidju" jeħtieġ li tkun ipprovduta l-informazzjoni dwar dħul minn esportazzjoni programmata, hu kkunsidrat li s-sussidju ngħata skond il-bażi ta' dan l-imsemmi dħul.

(17) Il-Gvern Awstraljan iddikjara li l-iskema EMDG mhiex ikkondizzjonata mir-riżultati ta' l-esportazzjoni peress li s-sussidju hu kkalkolat bħala rimborż ta' perċentaġġ ta' l-ispejjeż promozzjonali li mhumiex marbutin mal-bejgħ tal-prodott. B'addizzjoni, l-iskema mhiex speċifika peress li mhiex limitata għal esportaturi u l-eliġibilità hi bbażata fuq kriterji oġġettivi.

(18) Peress li l-eliġibilità għal sussidji taħt din l-iskema hi fil-fatt marbuta ma' dħul minn esportazzjoni programmata, is-sussidju hu kkondizzjonat fil-fatt fuq ir-riżultati ta' l-esportazzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 3(4)(a) tar-Regolament bażiku, irrispettivament tal-kalkolazzjoni attwali ta' l-ammont tas-sussidju. Dawn is-sussidji għall-esportazzjoni huma meqjusa bħala li huma speċifiċi fi kwistjoni tal-liġi skond l-Artikolu 3(4) tar-Regolament bażiku.

(19) Il-Gvern Awstraljan jafferma li l-iskema EMDG ma tiffavorixxiex merkanzija domestika minn merkanzija importata peress li l-leġislazzjoni tħalli l-promozzjoni ta' merkanzija magħmula kemm fl-Awstralja kif ukoll barra mill-Awstralja.

(20) B'risposta għal dan l-argument, referenza hi magħmula għat-taqsima 24 ta' Parti 4 ta' l-Att EMDG ta' l-1997 skond liema "prodotti magħmula fl-Awstralja huma prodotti eliġibbli jekk għandhom 50 % kontenut Awstraljan" u "prodotti magħmula barra l-Awstralja huma eliġibbli jekk għandhom 75 % kontenut Awstraljan". Is-sottosezzjonijiet 3 u 4 ta' din it-taqsima jawtorizzaw deroga għar-regola tal-kontenut Awstraljan, imma dan jiddependi mill-Kummissjoni Awstraljana għall-Kummerċ (Austrade) biex tiddeċiedi jekk "il-kontenut Awstraljan ta' dawn il-prodotti hux (…) suffiċjenti biex jiżgura li l-Awstralja se tiġbor benefiċċju net sinjifikanti mill-esportazzjoni tagħhom". Dan juri biċ-ċar li merkanzija magħmula fl-Awstralja jew barra mill-Awstralja trid tilħaq il-ħtieġa tal-kontenut Awstraljan. Is-sussidju hu kkondizzjonat għall-użu preferenzali ta' merkanzija domestika fir-rigward ta' merkanzija importata kif stabbilit fl-Artikolu 3(4)(b) tar-Regolament bażiku. B'addizzjoni, il-fatt li jiddependi mill-Austrade biex tistabbilixxi jekk il-kontenut Awstraljan hux suffiċjenti biex jiggarantixxi benefiċċji netti sinjifikanti mill-esportazzjoni tagħhom jikkondizzjona fil-fatt lill-iskema għad-dħul minn esportazzjoni programmata fis-sens ta' l-Artikolu 3(4)(a) tar-Regolament bażiku.

(21) Il-Gvern Awstraljan u l-produttur esportatur iddikjaraw li ma ġie riċevut l-ebda ħlas ieħor minħabba li l-kumpannija mhiex eliġibbli aktar għal aktar sussidji. Barra minn hekk, il-produttur esportatur żied jgħid li s-sussidju riċevut matul il-perijodu ta' l-investigazzjoni m'għandux ikun ikkumpensat peress li jirrigwarda l-ispejjeż li intefqu qabel il-bidu ta' dan il-perijodu.

(22) Hu kkunsidrat li anke jekk il-kumpannija ma rċivietx sussidji rikorrenti wara s-sussidju in kwistjoni minħabba l-fatt li ma laħqitx il-kriterja ta' l-eliġibilità wara dik id-data minħabba li qabżet il-limitu tad-dħul, il-kumpannija ma tilfitx definittivament id-dritt li tibbenefika mis-sussidju. L-iżviluppi kummerċjali biss jiddeterminaw jekk id-dħul tal-kumpannija jilħaqx jew le livell li hu taħt il-livell rilevanti stabbilit fl-iskema EMDG. Dan ma jiġġustifikax deroga mill-prinċipji ġenerali li l-ammont ta' taxxi kompensatorji jiġi kkalkolat skond il-benefiċċji konferiti fuq ir-reċipjent matul il-perijodu ta' l-investigazzjoni kif preskritt fl-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku.

(23) Bħala regola ġenerali, l-approprjazzjoni ta' sussidju mal-perijodu ta' investigazzjoni hu detereminat miż-żmien meta l-kumpannija tirċievi l-benefiċċju. F'dan il-każ, peress li s-sussidju tħallas lill-kumpannija matul il-perijodu ta' investigazzjoni, il-benefiċċju kien ikkonferit għall-kumpannija fl-istess data.

(24) Għalhekk, it-talbiet magħmula mill-Gvern Awstraljan u mill-produttur esportatur dwar l-iskema EMDG mhumiex milqugħa u l-konklużjonijiet provviżorji huma kkonfermati.

(25) Il-produttur esportatur li jikkopera bbenefika minn din l-iskema matul il-perijodu ta' investigazzjoni u kiseb sussidji ta' 0.03 %.

2.2.2. Skema ta' kreditu għall-importazzjoni (ICS)

(26) Il-Gvern Awstraljan u l-produttur esportatur isostnu li l-PSF mhux prodott eliġibbli skond l-iskema, li hi deskritta fil-premessi 33 sa' 35 tar-Regolament dwar taxxa provviżorja, u l-ebda ħlas jew benefiċċju ma kien riċevut mill-kumpannija fir-rigward ta' PSF. Benefiċċji taħt l-ICS jirrelataw ma' prodotti oħra u ġew użati minn dawn il-prodotti. Ma kien hemm l-ebda prova ta' sussidji inkroċjati bejn il-prodotti differenti. Il-Kummissjoni kkonkludiet b'mod żbaljat li l-prodotti kollha esportati bbenefikaw mill-fondi miksuba mill-bejgħ tal-krediti ta' l-importazzjoni, peress li l-użu tal-flus ma kienx marbut ma' prodott partikolari. Kien ukoll inkorrett li jkun konkluż li l-esportazzjoni ta' PSF ibbenefikat mill-bejgħ tal-krediti ta' l-importazzjoni peress li ħafna mill-PSF ġew mibjugħa fis-swieq ta' l-esportazzjoni. Il-fatti, madankollu, ma jsostnux din il-konklużjoni, speċjalment jekk ikun ikkunsidrat il-bejgħ sostanzjali tal-kumpannija fis-suq intern.

(27) Hu kkunsidrat li l-kwistjoni ta' sussidju inkroċjat ma tinħoloqx f'dan il-każ. Il-benefiċċji fil-qafas ta' l-ICS m'humiex limitati għal prodott partikolari. Il-kumpannija tirċievi krediti li hi tista' liberalment taqlibhom fi flus. M'hemm l-ebda ħtieġa li l-flus għandhom jintużaw għall-esportazzjoni, għall-bejgħ jew għall-produzzjoni tal-prodott għal liema kien ikkalkolat l-ammont ta' kreditu. Għalhekk, peress li l-benefiċċji tas-sussidji m'humiex marbuta ma' prodott partikolari li mhux suġġett għall-investigazzjoni, huma kkunsidrati li jkunu ta' benefiċċju għall-bejgħ kollu għall-esportazzjoni, inkluż dawk ta' PSF. Addizzjonalment, m'hemmx provi ta' sostenn għad-dikjarazzjoni li l-krediti għall-importazzjoni kienu "użati għal dawn il-prodotti (oħrajn)". Fil-fatt kien aċċertat li l-krediti għall-importazzjoni kollha miksuba matul il-perijodu ta' investigazzjoni ġew maqluba fi flus mill-kumpannija. Għandu jkun ukoll innotat li l-Kummissjoni Ewropea qatt ma kkonkludiet li peress li l-maġġoranza tal-PSF hi esportata, l-esportazzjoni tal-PSF ibbenefikat mis-sussidju. Il-fatt jekk il-maġġoranza tal-PSF humiex mibjugħa jew le fis-swieq ta' l-esportazzjoni mhiex rilevanti mal-possibilità li l-esportazzjoni kollha, inkluża dik tal-PSF, ibbenefikat mill-ħlas fil-qafas ta' l-ICS.

(28) Il-Gvern Awstraljan saħaq wkoll li peress li l-ICS se tintemm fit-30 ta' Ġunju 2000, il-kontinwazzjoni tas-sussidju fil-kalkulazzjoni tat-taxxa kompensatorja mhiex ġustifikata fid-dawl ta' l-Artikolu 19(4) tal-Ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar Sussidji u Miżuri ta' Taxxi Kompensatorji.

(29) Skond l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku, l-ammont ta' sussidji kompensatorji hu kkalkolat skond il-benefiċċju konferit fuq ir-reċipjent matul il-perijodu ta' l-investigazzjoni fuq is-sussidju. Peress li l-benefiċċji fil-qafas ta' l-ICS inkisbu fil-perijodu ta' l-investigazzjoni, dawn ġew ikkunsidrati fil-kalkolu ta' l-ammont ta' sussidji kompensatorji. Informazzjoni fuq tibdil possibli relatat ma' programmi ta' sussidji li jistgħu jseħħu wara l-perijodu ta' investigazzjoni mhiex normalment ikkunsidrata fl-investigazzjoni fuq is-sussidju skond l-Artikolu 11 tar-Regolament bażiku. F'dan il-kuntest għandu jkun innotat li l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku jawtorizza d-dritt li jkun mitlub reviżjoni interim li fih l-Kummissjoni tista' tikkunsidra, fost ħwejjeġ oħra, jekk iċ-ċirkustanzi fir-rigward ta' sussidju tbiddlux b'mod sinjifikanti. L-argument tal-Gvern Awstraljan hu għalhekk miċħud.

Kalkolu ta' l-ammont tas-sussidju

(30) Il-Gvern Awstraljan sostna li l-ammont tas-sussidju ma kienx ikkalkolat kif suppost peress li mhux korrett li "is-sussidju inkroċjat" japplika biss għall-esportazzjoni. Għalhekk, id-denominatur korrett għandu jkun il-bejgħ totali u mhux il-bejgħ għall-esportazzjoni.

(31) B'risposta għal dan l-argument issir referenza għar-raġunijiet għat-tiċħid ta' pretensjoni simili li tikkonċerna d-denominatur għal sussidji mhux rikorrenti għal spiżi kapitali/assi fissi kif stabbilit hawn taħt għall-Inċentivi għal programm ta' Kompetittività Internazzjonali (Incentives for International Competitiveness programme) (IICP) u l-Programm ta' Inċentivi għall-Investiment (Investiment Attraction Programme) (IAP). Peress, kif muri hawn fuq, is-sussidju hu sussidju għall-esportazzjoni, hu kkunsidrat li jibbenefikaw minn dan il-bejgħ għall-esportazzjoni. Għalhekk, is-sussidju għandu jkun ikkalkolat billi jkun allokat l-ammont fuq bejgħ għall-esportazzjoni.

(32) Matul il-perijodu ta' investigazzjoni, il-produttur esportatur li kkopera bbenifika minn din l-iskema u kiseb sussidji ta' 3.48 %.

2.2.3. Programm ta' Inċentivi għall-Investiment (IAP) u programm ta' Kompetittività Internazzjonali (IICP)

(33) Il-Gvern Awstraljan sostna li ma kien hemm l-ebda nuqqas ta' koperazzjoni matul l-investigazzjoni. Anke jekk il-kuntratti ta' sussidji fil-qafas ta' IICS u IAP, li huma deskritti fil-premessi 24 sa' 27 u 38 sa' 41, rispettivament, tar-Regolament dwar taxxa provviżorja, ma setgħux ikunu provduti, l-informazzjoni li tinsab fihom u spjegazzjoni dwar l-għan, dwar il-parametri u dwar il-funzjonament tal-programmi kienet ipprovduta mis-servizzi tal-Kummissjoni. B'addizzjoni, skond l-Artikolu 28(3) tar-Regolament bażiku, l-informazzjoni m'għandhiex tingħata nuqqas ta' attenzjoni jekk, fost ħwejjeġ oħra, il-parti aġġixxiet skond l-aħjar kapaċità tagħha, li kien il-każ hawn hekk. Fl-aħħar, ir-raġunijiet għat-tiċħid ta' evidenza jew informazzjoni bħal din ma kinietx żvelata u ngħatat f'konklużjonijiet ippublikati kif meħtieġ skond l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku.

(34) Matul iż-żjara ta' verifikazzjoni, il-Gvern Awstraljan u l-esportatur li kkopera ġew informati ħafna drabi dwar id-disposizzjoni li tinsab fl-Artikolu 28(1) tar-Regolament bażiku li t-tiċħid li jkun ipprovdut aċċess għall-kuntratt ta' sussidju u dokumenti ta' sostenn relatati tista' twassal għal teħid ta' konklużjonijiet magħmula fuq il-bażi tal-fatti disponibbli li jikkonċernaw is-sussidji mogħtija fil-qafas ta' l-IICP u l-IAP. Il-kondizzjonijiet attwali tas-sussidji in kwistjoni qatt ma ġew totalment żvelati lis-servizzi tal-Kummissjoni mill-Gvern Awstraljan u mill-produttur esportatur li jikkopera, lanqas oralment. F'dan ir-rigward għandu jkun innotat li l-informazzjoni mogħtija mill-Gvern Awstraljan u l-produttur esportatur dwar l-għan, dwar il-parametri u dwar il-funzjonament taż-żewġ programmi u l-kondizzjonijiet u l-ammonti tas-sussidji in kwistjoni ma ngħatax nuqqas ta' attenzjoni peress li din l-informazzjoni hi verifikabbli skond l-Artikolu 28(3) tar-Regolament bażiku. Ir-raġunijiet għat-tiċħid tad-dikjarazzjoni mhux verifikabbli magħmula mill-Gvern Awstraljan skond liema s-sussidji mogħtija fil-qafas ta' l-IICP u ta' l-IAP mhumiex ikkondizzjonati mir-riżultati ta' l-esportazzjoni huma ndikati b'mod iddettaljat fid-dokument li fih informazzjoni dwar il-konklużjonijiet provviżorji u fil-premessi 28, 29, 40 u 42 tar-Regolament dwar taxxa provviżorja.

(35) Il-Gvern Awstraljan sostna barra minn dan li l-informazzjoni pprovduta mill-Gvern ta' Victoria fir-rigward ta' ħlas ta' sussidju fil-qafas ta' l-IAP ġew injorati, u li d-dikjarazzjonijiet mill-Kummissjoni Ewropea li l-Gvern ta' Victoria jawtorizza ħlas kkondizjonat mill-esportazzjoni u li l-esportazzjoni hi waħda mill-għanijiet ta' l-Att ta' Żvilupp Ekonomiku ta' l-1981 mhumiex korretti u mhumiex sostnuti bil-fatti.

(36) Il-konklużjonijiet dwar il-kondizzjonijiet tas-sussidju attwali fil-qafas ta' l-IAP kellhom isiru skond il-fatti disponibbli kif spjegat hawn fuq. Dawn il-fatti jinkludu Taqsima 3(1)(ċ) ta' l-Att ta' Żvilupp Ekonomiku ta' l-1981 li jiddikjara li l-funzjonijiet tal-Ministeru għal Żvilupp Ekonomiku għandhom ikunu li jiffaċilita, jinkoraġġixxi, jippromwovi u jwettaq, fost ħwejjet, "l-iżvilupp ta' kapaċitajiet ta' esportazzjoni ta' l-industrija fl-Istat", u r-rapport ta' l-uffiċċji ta' l-awdituri ta' Victoria kkwotati mill-kwelerant li fih referenza għall-espansjoni maħsuba ta' esportazzjoni tal-produttur esportatur li jikkopera.

(37) Id-disposizzjoni korrispondenti għas-sussidju in kwistjoni, fi kliem ieħor it-Taqsima 13(3) ta' l-Att dwar l-Iżvilupp Ekonomiku ta' l-1981 li jistabbilixxi l-għanijiet ta' l-IAP, ma ssemmietx speċifikament l-iżvilupp fil-kapaċità ta' esportazzjoni, imma fiha kondizzjonijiet aktar ġenerali bħal "l-iżvilupp ekonomiku bbilanċjat ta' l-Istat". Madankollu, il-prospett ta' l-1 ta' Settembru "Doing business in Victoria" magħmul mill-Ministru ta' l-Industrija u l-Impieg ta' l-Istat ta' Victora jippreżenta l-IAP billi jindika, fost ħwejjeġ oħra, li "l-proġetti identifikati għal għajnuna għandhom joffru għal Victoria benefiċċji ekonomiċi netti sinjifikanti, partikolarment fit-termini ta' esportazzjoni" u "investimenti għandhom ikunu f'setturi prinċipali għall-industrija b'rilevanza kummerċjali li jagħtu privileġġ lill-kumpanniji kompetittivi ta' l-esportazzjoni jew l-importazzjoni."

(38) Għalhekk, hu kkunsidrat, li l-argumenti mogħtija mill-Gvern Awstraljan dwar l-IAP u l-IICP għandhom ikunu miċħuda u hu kkonfermat li dawn is-sussidji huma kkondizzjonati mir-riżultat ta' l-esportazzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 3(4)(a) tar-Regolament bażiku.

Kalkolu ta' l-ammont tas-sussidju

(39) Il-Gvern Awstraljan sostna li fir-rigward ta' sussidji mogħtija fil-qafas ta' l-IICP u l-IAP, id-denominatur għall-allokazzjoni ta' l-ammont tas-sussidju għandu jkun bejgħ totali u mhux bejgħ ta' l-esportazzjoni peress li s-sussidji kienu marbuta mal-ksib ta' assi fissi u għalhekk ibbenefikat l-intrapriża kollha.

(40) Hi prattika normali li s-sussidji li huma kkondizzjonati mir-riżultati ta' l-esportazzjoni huma allokati fuq bejgħ għall-esportazzjoni, destinati jew le għax-xiri ta' assi fissi. Hu raġonevoli li wieħed jassumi li l-benefiċċji skond il-programmi ta' sussidji li huma maħsuba biex jibbenefikaw l-esportazzjoni huma wkoll marbuta ma' din l-esportazzjoni u li għalhekk għandhom jiġu kkalkolati fuq il-bażi ta' bejgħ għall-esportazzjoni. Dan l-approċċ hu wkoll konformi mal-linji ta' gwida tal-Komunità għall-kalkolu ta' l-ammont ta' sussidju f'investigazzjonijiet dwar taxxa kompensatorja.

(41) Il-produttur esportatur li jikkopera bbenefika mill-IICP u mill-IAP matul il-perijodu ta' investigazzjoni u kiseb sussidji ta' 1.92 % u 0.64 %, rispettivament.

3. AMMONT TA' SUSSIDJI KOMPENSATORJI

(42) L-ammont ta' sussidji għall-esportazzjoni kompensatorji skond id-disposizzjonijiet tar-Regolament bażiku, expressi

ad valorem

, għall-esportatur li qed jiġi investigat hu kif ġej.

| EMDGS | IICP | ICS | IAP | Totali |

Sintetiċi minn ta' quddiem | 0.03 % | 1.92 % | 3.48 % | 0.64 % | 6.07 % |

(43) Peress li l-produttur esportatur li qed jiġi nvestigat irrappreżenta prattikament l-importazzjoni kollha tal-prodott ikkonċernat fil-Komunità li joriġina fl-Awstralja, il-marġni nazzjonali ta' sussidju medju ppeżat hu ogħla mill-marġni minimu applikabbli għas-sussidju ta' 1 %.

II. L-INDONESJA

1. INTRODUZZJONI

(44) Wara n-notifika dettaljata tal-konklużjonijiet u l-pubblikazzjoni tar-Regolament dwar taxxa provviżorja, l-ebda osservazzjoni jew kummenti ma kienu riċevuti fiż-żmien applikabbli.

(45) Skond il-prattika stabbilita u l-politika li tikkonċerna l-pajjiżi li jaqgħu taħt l-Anness VII tal-Ftehim ta' l-ODK dwar Sussidji, hu kkunsidrat li l-ebda benefiċċju m'hu konferit mis-sussidji inferjuri għal 0.3 %. Din ir-regola tapplika biss għal produtturi esportaturi li jikkoperaw li jirċievu trattament individwali.

2. KAMPJUNAĠĠ

(46) Sabiex is-servizzi tal-Kummissjoni jkunu jistgħu jagħżlu kampjun, skond l-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku, produtturi esportaturi kienu mitluba li jidentifikaw lilhom infushom fi żmien 15-il ġurnata mill-ftuħ tal-proċedura u jipprovdu informazzjoni bażika dwar l-esportazzjoni u l-bejgħ tagħhom fi swieq interni, dwar l-attivitajiet preċiżi taghom fir-rigward tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat u dwar l-ismijiet u l-attivitajiet tal-kumpannijiet relatati tagħhom fis-settur tal-PSF. L-awtoritajiet Indonesjani u l-assoċjazzjoni Indonesjana tal-produtturi esportaturi kienu wkoll informati mill-Kummissjoni b'dan ir-rigward.

(a) Selezzjoni minn qabel ta' kumpanniji li kkoperaw

(47) Seba' kumpanniji fl-Indonesja identifikaw lilhom infushom u pprovdew l-informazzjoni mitluba fiż-żmien stipulat. Dawn il-kumpanniji kienu inizjalment ikkunsidrati bħala li kkoperaw u ttieħdu f'kunsiderazzjoni fl-għażla tal-kampjun.

Il-kumpanniji li identifikaw lilhom infushom fiż-żmien stipulat irrappreżentaw prattikament it-totalità ta' importazzjoni fil-Komunità ta' prodotti li joriġinaw fl-Indonesja.

(48) Il-kumpanniji li kkoperaw li finalment ma nżammux fil-kampjun ġew informati li kwalunkwe taxxa kompensatorja ta' l-esportazzjoni tagħhom se tkun ikkalkolata skond id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 15(3) tar-Regolament bażiku.

(49) Il-kumpanniji, jekk hemm, li ma identifikawx lilhom infushom fiż-żmien stipulat ġew ikkunsidrati bħala kumpanniji li ma kkoperawx.

(b) Għażla tal-kampjun

(50) Inizjalment, tliet kumpanniji Indonesjani ntgħażlu biex jagħmlu parti mill-kampjun f'konsultazzjoni ma' l-assoċjazzjoni Indonesjana ta' produtturi esportaturi. L-assoċjazzjoni Indonesjana ta' produtturi esportaturi pproponew s-sostituzzjoni ta' żewġ kumpanniji li ntgħażlu inizjalment ma' tnejn oħra li, madankollu, ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala aktar rappreżentattivi minn dawk li ntgħażlu fil-bidu. Il-partijiet kollha kkonċernati ġew informati b'dan.

(51) Intbagħtu kwistjonarji lit-tliet kumpanniji li ntgħażlu inizjalment għall-kampjunaġġ. Sussegwentament, waħda minn dawn il-kumpanniji pprovdiet risposta mhux kompluta, li kienet barra minn dan kontradittorja għall-informazzjoni bażika li hi kienet ipprovdiet qabel għall-eżerċizzju ta' kampjunaġġ. It-tieni kumpannija ma pprovdietx risposta kompleta u li tagħmel sens u naqset milli tinforma korrettament lis-servizzi tal-Kummissjoni dwar ir-relazzjoni tagħha ma' kumpannija oħra Indonesjana. Għandu jkun innotat li ż-żewġ kumpanniji rċievew ħafna talbiet li jispeċifikaw preċiżament in-natura ta' l-informazzjoni meħtieġa u ngħataw termini perentorji estiżi biex jissottomettu din l-informazzjoni. B'konsegwenza, dawn iż-żewġ kumpanniji ġew informati fid-dettall dwar ir-raġunijiet għaliex ma baqgħux ikkunsidrati li qed jikkoperaw ma' l-investigazzjoni u li r-riżultat ta' l-investigazzjoni jista' jkun anqas favorevoli għalihom milli kieku kkoperaw.

(52) Minħabba n-nuqqas ta' koperazzjoni minn kumpanniji inizjalment magħżula fil-kampjun, is-servizzi tal-Kummissjoni ddeċiedew li jagħżlu kampjun ġdid skond l-Artikolu 27(4) tar-Regolament bażiku. Għal dan il-għan ġew miżjuda mal-kampjun żewġ kumpanniji Indonesjani li kkoperaw li rrispondew il-kwistjonarju b'mod komplet u eżatt, bil-għan li jiksbu eżami individwali. L-assoċjazzjoni Indonesjana ta' produtturi esportaturi, il-kumpanniji kkonċernati u l-awtoritajiet Indonesjani ġew informati b'dan u ma qajmu l-ebda oġġezzjoni.

(53) It-tliet kumpanniji li finalment ikkostitwixxu l-kampjun u li kkoperaw bi sħiħ ma' l-investigazzjoni ġew attribwiti marġni ta' sussidju speċifiku u rati individwali ta' taxxa.

3. PROGRAMMI TA' SUSSIDJU UŻAT MILL-ESPORTATURI LI KKOPERAW

Skemi BKPM

(54) Il-Bord għall-Kordinazzjoni ta' Investiment (Badan Kordinasi Penanaman Modal - BKPM) hu aġenzija tal-Gvern li jservi direttament taħt l-awtorità tal-President tar-Repubblika ta' l-Indonesja. Il-funzjoni tal-BKPM hi li jassisti lill-President fl-elaborazzjoni ta' politika tal-gvern fir-rigward ta' investiment, u hu responsabbli mill-pjanar u l-promozzjoni ta' l-investiment, kif ukoll mill-proċessar ta' approvazzjonijiet u liċenzi ta' investiment u mis-superviżjoni ta' l-implimentazzjoni ta' l-investiment. Il-BKPM għandu rwol ċentrali fil-kordinazzjoni ta' attivitajiet ta' investiment ma' aġenziji oħra tal-gvern. Il-BKPM hu ugwalment involut fl-iżvilupp reġjonali kif ukoll fil-kumpilazzjoni u fl-amministrazzjoni tal-lista negattiva ta' investiment (Daftar Negative Investasi - DNI), li jkun fiha s-setturi li jkunu magħluqa għal investimenti kif ukoll dawk li huma regolati.

(55) Il-BKPM japprova investimenti kemm barranin (Penanaman Modal Asing - PMA) kif ukoll nazzjonali (PMDN). Kumpanniji li huma approvati mill-BKPM bħala kumpanniji PMA jew PMDN se jingħataw eżenzjoni jew solliev minn taxxa fuq l-importazzjoni u taxxi fuq l-importazzjoni ta' beni kapitali, bħal makkinarju, tagħmir, il-partijiet ta' tibdil u tagħmir awżiljarju, kif ukoll fuq l-importazzjoni ta' materja prima għall-iskop ta' produzzjoni sħiħa għal sentejn.

(56) Investiment barrani (PMA) hu regolat primarjament mil-Liġi Nru. 1 ta' l-1967 dwar Investiment ta' Kapital Barrani, kif emendata bil-Liġi Nru. 11 ta' l-1970.

(57) Investiment nazzjonali (PMDN) hu regolat mil-Liġi Nru. 6/1968 dwar investiment ta' kapital nazzjonali kif emendata bil-Liġi Nru. 12/1971.

(58) B'addizzjoni, kumpanniji PMA kif ukoll kumpanniji oħra huma bla ħsara għal politika settorali applikata mill-awtoritajiet tal-gvern relatati bħal dawk stipulati fil-Liġi Nru. 5/1984 dwar l-Industrija, Liġi Nru. 5/1967 dwar ix-Xjenza tal-Foresti, u Liġi Nru. 12/1992 dwar l-Agrikoltura.

(59) Il-bażi ġuridika għall-eżenzjoni mit-taxxa fuq l-importazzjoni jew strumenti ta' solliev tinsab f'numru ta' Digrieti tal-Ministru tal-Finanzi (Nru. 297/KMK.01/1997, Nru. 545/KMK.01/1997, Nru. 546/KMK.01/1997 u Nru. 252/KMK.04/1998).

(a) Eliġibilità

(60) Jibbenefikaw minn dawn il-faċilitajiet il-proġetti ta' investiment li huma approvati mill-BKPM, il-proġetti PMA kif ukoll il-proġetti PMDN, inklużi kumpannijiet eżistenti PMA u PMDN li qed jespandu l-proġetti tagħhom biex jipproduċu prodotti simili billi jużaw aktar mit-30 % tal-kapaċità installata jew jiddiversifikaw il-prodotti tagħhom.

(61) Il-kriterji għall-eliġibilità huma stabbiliti mill-BKPM u jidhru li huma aġġornati frekwentament. Dawn il-kriterji jinkludu ċerti restrizzjonijiet għal investiment barrani, notevolment obbligu biex tinħoloq joint venture ma' kumpannija Indonesjana meta jsir investiment f'ċerti setturi.

(62) L-investimenti fis-setturi indikati fil-lista negattiva ta' investiment, bħal ċerti industriji kimiċi bħall-produzzjoni ta' cyclamate u ta' saccharine, ma jistgħux jibbenefikaw minn din l-iskema. Investimenti fit-12-il settur l-ieħor huma eliġibbli biss jekk jaderixxu ma' ċerti kriterji addizzjonali. Dawn is-setturi huma elenkati fil-"Manwal tekniku - implimentazzjoni ta' investiment kapitali, 1998" ippublikat mill-BKPM u li fih, fost ħwejjeġ oħra, il-produzzjoni tal-melħ jodat, ta' l-alkoħol etiliku u tal-fertilizzant.

(63) Fir-rigward tal-mod kif hu amministrat il-programm, kien ippreċiżat li l-kumpanniji kienu bla ħsara għall-politika settorali jew industrijali applikata mill-Ministri korrispondenti.

(b) Implimentazzjoni prattika

(64) Bħala l-ewwel pass, il-BKPM jivvaluta l-kompatibilità ta' l-applikazzjonijiet riċevuti mal-politika settorjali, mat-teknoloġija, mas-suq, mal-finanzi, etċ. Fil-każ ta' approvazzjoni, il-BKPM imbagħad jassisti wkoll lill-kumpanniji fil-ksib tal-permessi l-oħra neċessarji, bħal liċenzi għall-bini, titoli agrarji u permessi ta' xogħol.

(65) Il-faċilitajiet fir-rigward ta' taxxa fuq l-importazzjoni jinkisbu aktar tard. Għal dan il-għan, lista prinċipali li tiddenomina beni kapitali u materja prima li se jiġu mportati għandha tiġi ppreżentata permezz tal-PT. Sucofindo, agenzija ta' spezzjoni teknika, li tivvaluta l-lista u mbagħad tgħaddiha lill-BKPM wara approvazzjoni. Il-BKPM imbagħad joħroġ ittra ta' approvazzjoni u liċenza għall-importazzjoni.

(ċ) Konklużjoni dwar l-applikabilità ta' taxxi kompensatorji

(66) L-iskemi BKPM jikkostitwixxu sussidju minħabba li l-kontribut finanzjarju mill-Gvern ta' l-Indonesja fil-forma ta' dazji mhux imħallsa jikkonferixxi benefiċċju dirett fuq ir-reċipjent.

(67) L-iskemi ma jikkwalifikawx bħala skemi ta' restituzzjoni tad-dazju skond id-disposizzjonijiet ta' l-Annessi I sa' III tar-Regolament bażiku, speress li beni kapitali ma jiġux ikkonsmati matul il-proċess ta' produzzjoni, u m'hemm l-ebda obbligu li l-prodott lest li fih materja prima jkun esportat.

(68) L-iskemi BKPM mhumiex ikkondizzjonati mil-liġi fuq ir-riżultat ta' l-esportazzjoni u lanqas mill-użu ta' merkanzija nazzjonali minflok merkanzija importata.

(69) Filwaqt li dawn l-iskemi jidhru li huma disponibbli għal marġni wiesgħa ta' investimenti, espliċitament jillimitaw aċċess għas-sussidju għal ċerti intrapriżi li ma joperawx f'ċerti setturi. Addizzjonalment, in-numru u l-kwalità tar-restrizzjonijiet applikabbli għal ċerti setturi, notevolment dawk li jirrestrinġu eliġibilità jew lil ċerti tipi ta' impriżi jew lil żoni ġeografiċi, jew jeskludu kompletament ċerti setturi, m'humiex konformi mal-kondizzjonijiet ta' l-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament bażiku, li jistipula li l-awtorità li tawtorizza għandha tistabbilixxi kriterji oġġettivi li huma newtrali, ma jiffavorixxux ċerti impriżi flok oħrajn, u li huma ekonomiċi fin-natura u orizzontali fl-applikazzjoni. Għalhekk, dawn il-programmi huma kkunsidrati li huma speċifiċi fis-sens ta' l-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament bażiku peress li jillimitaw espliċitament l-aċċess għas-sussidju lill-ċerti impriżi.

(70) Anke jekk m'hemm l-ebda speċifiċità ta' dritt skond l-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament bażiku, l-iskema tkun de facto speċifika skond l-Artikolu 3(2)(ċ) tar-Regolament bażiku, peress lil ma ntweriex li l-eliġibilità hi awtomatika, imma aktar ibbażata fuq deċiżjoni li tittieħed skond il-każ fejn ċertu numru ta' awtoritajiet tal-gvern huma nvoluti li jsegwu politika settorali jew industrijali applikata mill-Ministri korrispondenti. L-ebda informazzjoni ma kienet ipprovduta dwar l-użu attwali tal-programm ta' sussidju u l-mod li bih ġiet eżerċitata d-diskrezzjoni mill-awtoritajiet li jawtorizzaw. Għalhekk hu konkluż li l-iskemi BKPM huma, alternattivament, ukoll ikkunsidrati bħala speċifiċi skond l-Artikolu 3(2)(ċ) tar-Regolament bażiku u għalhekk kompensatorji.

(d) Kalkoli ta' l-ammont ta' sussidju

(71) Id-determinazzjoni tal-benefiċċju miksub kienet ibbażata fuq l-ammont ta' dazji mhux imħallsa matul il-perijodu ta' investigazzjoni sa' fejn huma kkonċernati materja prima u partijiet ta' tibdil, u fuq il-perijodu mill-1 ta' Jannar 1988 sa' l-aħħar tal-perijodu ta' investigazzjoni għal beni kapitali, għal liema ġie applikat perijodu ta' deprezzament normali f'dik l-industrija ta' 17-il-sena. Peress li l-iskemi mhumiex ikkondizzjoniati mir-riżultati ta' l-esportazzjoni, il-benefiċċji totali ġew allokati lill-valur tal-bejgħ totali. L-ammont miksub kien imbagħad aġġustat bir-rata ta' interessi kummerċjali għal self mill-bank matul il-perijodu ta' l-investigazzjoni, li kienet ugwali għal 24.61 %.

(72) Żewġ produtturi esportaturi utilizzaw dawn l-iskemi, imma ma kisbu l-ebda benefiċċju taħt dawn l-iskemi skond il-politika spjegata hawn fuq.

Skemi Bapeksta

(73) Iċ-Ċentru għall-amministrazzjoni, għall-eżenzjoni u għar-restituzzjoni tad-dazju fuq l-importazzjoni (Bapeksta) jista' jawtorizza, fuq applikazzjoni, l-eżenzjoni jew ir-restituzzjoni tad-dazju fuq l-importazzjoni kif ukoll in-nuqqas ta' applikazzjoni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (PPN) u it-taxxa fuq il-bejgħ ta' merkanzija ta' lussu (PPnBM) fuq l-importazzjoni ta' merkanzija destinata għal aktar proċess għall-esportazzjoni.

(74) L-iskema ta' eżenzjoni tkopri dazji fuq l-importazzjoni li se sseħħ fil-futur, filwaqt li l-iskema ta' restituzzjoni tapplika għal inputs importati li diġà ġew użati fi prodott esportat.

(75) Il-bażi ġuridika hi d-Digriet tal-Ministru tal-Finanzi Nru. 615/KMK.01/1997 ta' l-1 ta' Diċembru 1997.

(a) Eliġibilità

(76) L-iskemi Bapeksta huma disponibbli għall-produtturi esportaturi fl-Indonesja ma' l-applikazzjoni għal Bapeksta.

(77) Biex tikseb il-faċilitajiet ta' eżenzjoni, kumpannija hi meħtieġa li tagħmel riesportazzjoni ta' 100 % tal-materjal importat fil-forma ta' merkanzija lesta, f'perijodu ta' 12-il xahar li jibda mid-data ta' l-importazzjoni, sakemm il-perijodu ta' produzzjoni mhux itwal minn 12-il xahar. F'dan il-każ tista' tingħata deroga għal dan il-perijodu. Kumpannija għandha tissottometti wkoll sigurtà fil-forma ta' garanzija bankarja li tkopri l-ammont ta' dazju eżentit u ta' PPN u ta' PPnBM li normalment jitħallas.

(78) Sabiex tikseb il-faċilitajiet ta' restituzzjoni, kumpannija għandha tkun diġà esportat il-prodotti lesti. L-importazzjoni għandha tkun seħħet mhux aktar kmieni minn 12-il xahar qabel l-esportazzjoni tal-prodotti.

(79) Fiż-żewġ każi, l-esportazzjoni tista' sseħħ ukoll f'żoni depost fl-Indonesja.

(b) Implimentazzjoni prattika

(80) Għall-faċilità ta' eżenzjoni, il-kumpanniji għandhom jissottomettu formola li fiha r-riżultati maħsuba ta' l-esportazzjoni fil-futur, il-ħtiġiet proġettati għal merkanzija importata, u stima ta' dazji u taxxi li normalment jitħallsu. Wara dan, huma taħt obbligu li jissottomettu rapport dwar l-esportazzjoni lill-Bapeksta kull sitt xhur.

(81) Il-Bapeksta jista' jipproċedi aktar tard b'verifika permezz tal-kontroll tar-rapporti tal-kumpannija kkonċernata.

(82) Għall-faċilità ta' restituzzjoni, kumpannija għandha tissottometti formola li tipprovdi rabta bejn il-merkanzija importata, li fuqha tħallsu d-dazju u t-taxxi, u l-merkanzija esportata, akkumpanjati b'dokumenti ta' importazzjoni u esportazzjoni.

(83) Il-Bapeksta hu ntitolat li jivverifika dawn id-dokumenti billi jwettaq kontrolli fil-bini tal-kumpannija kkonċernata.

(ċ) Konklużjoni dwar l-applikabilità ta' miżuri kompensatorji

(84) Il-Gvern Indonesjan iddikjara li l-isekmi Bapeksta huma skemi normali ta' restituzzjoni ta' dazju f'konformità ma' l-obbligi internazzjonali. Kumpanniji li jinstabu li qed jagħmlu użu ħażin minn dawn l-iskemi u kisbu ammonti eċċessivi ta' eżenzjoni jew restituzzjoni jirriskjaw penalitajiet. Ġie affermat ukoll li s-sistemi komputerizzati kienu fis-seħħ biex jikkonfrontaw l-operazzjonijiet ta' l-importazzjoni u ta' l-esportazzjoni u biex jikkonfermaw liema inputs huma kkonsmati fil-produzzjoni tal-prodotti għall-esportazzjoni u f'liema ammonti.

(85) Madankollu, il-Gvern Indonesjan ma pprovdiex prova suffiċjenti għall-eżistenza ta' sistema ta' verifikazzjoni effettiva.

(86) L-Anness II(II)(5) u l-Anness III(II)(3) għar-Regolament bażiku jipprovdu li, fejn hu determinat li l-Gvern tal-pajjiż li qed jesporta m'għandux sistema bħal din fis-seħħ, hu meħtieġ eżami ulterjuri mill-pajjiż esportatur ibbażat fuq inputs attwali jew transazzjonijiet attwali nvoluti, rispettivament, fil-kuntest biex ikun determinat jekk sarx ħlas żejjed. Il-Gvern Indonesjan ma wettaqx eżami bħal dan. Il-Kummissjoni, għalhekk, ma vverifikatx jekk fil-fatt kienx hemm jew le restituzzjoni żejda ta' dazji fuq l-importazzjoni fuq inputs ikkonsmati fil-produzzjoni tal-prodott esportat.

(87) L-iskemi Bapeksta jikkostitwixxu sussidju, fejn il-kontribut finanzjarju mill-Gvern Indonesjan fil-forma ta' eżenzjoni jew restituzzjoni ta' dazju jikkonferixxi benefiċċju dirett fuq ir-reċipjent. Hu sussidju kkondizzjonat mil-liġi fuq riżultat ta' l-esportazzjoni (dan hu sussidju fuq l-esportazzjoni skond id-disposizzjonijiet ta' l-Anness I(I) għar-Regolament bażiku) u għalhekk hu meqjus bħala speċifiku taħt l-Artikolu 3(4)(a) tar-Regolament bażiku.

(d) Kalkolu ta' l-ammont ta' sussidju

(88) Il-benefiċċju lill-esportaturi ġiet ikkalkolat skond il-bażi ta' l-ammont ta' eżenzjoni tad-dazju doganali awtorizzat matul il-perijodu ta' investigazzjoni, allokat fuq valur tal-bejgħ totali għall-esportazzjoni matul il-perijodu ta' investigazzjoni. Dan l-ammont kien imbagħad aġġustat billi żdiedlu nofs il-24.61 %, ir-rata ta' interessi medja għal self kummerċjali mill-banek matul il-perijodu ta' investigazzjoni.

(89) PT. Indorama Synthetics TbK użat dawn l-iskemi u kisbet benefiċċju ta' 1.4 %.

4. PROGRAMMI TA' SUSSIDJI MHUX UŻATI MINN PRODUTTURI ESPORTATURI KKOPERAW

(90) Instab li l-produttur esportatur li kkopera ma bbenefikax minn xi sussidji kompensatorji taħt il-programmi li ġejjin:

- faċilità relattiva mat-taxxa fuq id-dħul ibbażata fuq ir-Regolament tal-Gvern Nru. 45 tat-9 ta' Lulju 1996 u fuq id-Digriet Presidenzali Nru. 7 ta' l-14 ta' Jannar 1999,

- żoni depost taħt ir-Regolament tal-Gvern Nru. 33/1996 ta' l-4 ta' Ġunju 1996 u d-Deċiżjonijiet tal-Ministru tal-Finanzi tar-Repubblika ta' l-Indonesja (Nru. 291/KMK.05/1997, Nru. 547/KMK.01/1997, u Nru. 292/KMK.01/1998).

5. AMMONTI TA' SUSSIDJI KOMPENSATORJI

(91) Il-Kummissjoni llimitat l-eżami tagħha billi tapplika kampjunaġġ skond l-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku. Kien deċiż, skond l-Artikolu 27(4) tar-Regolament bażiku, li kien hemm grad ta' nuqqas ta' koperazzjoni minn żewġ kumpanniji magħżula fil-kampjun li x'aktarx taffettwa materjalment ir-riżultat ta' l-investigazzjoni, u għalhekk kellu jintgħażel kampjun ġdid. L-ammont ta' sussidji kompensatorji għall-produtturi esportaturi li kkoperaw inklużi fil-kampjun hu stabbilit kif ġej.

| Skemi BKPM | Skemi BAPEKSTA | Totali |

PT. Indorama Synthetics TbK | 0.0 % | 1.41 % | 1.41 % |

PT. Panasia Indosyntec TbK | 0.0 % | 0.0 % | 0.0 % |

PT. Susila Indah Synthetic Fiber Industry | 0.0 % | 0.0 % | 0.0 % |

(92) Skond l-Artikolu 15(3) tar-Regolament bażiku, kwalunkwe taxxa kompensatorja applikata għall-importazzjoni minn esportaturi jew produtturi li identifikaw lilhom infushom skond l-Artikolu 27 imma li ma kienux inklużi fl-eżami m'għandhomx jaqbżu l-ammont medju peżat ta' sussidji kompensatorji stabbilit għall-partijiet fil-kampjun. Għalhekk, l-ammont ta' sussidji kompensatorji għall-produtturi esportaturi li kkoperaw mhux inklużi fil-kampjun hu stabbilit kif ġej.

| Skemi BKPM | Skemi BAPEKSTA | Totali |

PT. GT Petrochem Industry TbK | 0.0 % | 0.45 % | 0.45 % |

PT. Teijin Indonesian Fiber Corporation | 0.0 % | 0.45 % | 0.45 % |

(93) L-ammont ta' sussidji kompensatorji skond id-disposizzjonijiet tar-Regolament bażiku, espressi ad valorem, għall-produtturi esportaturi li kkoperaw ivarja minn 0 % sa' 1.0 % u għalhekk hu taħt il-limitu minimu ta' sussidju għall-Indonesja, fi kliem ieħor inferjuri għal 3 %.

(94) Iż-żewg kumpanniji li ġew esklużi mill-kampjun, PT. Global Fiberindo u PT. Polysindo Eka Perkasa, irrappreżentaw sehem sostanzjali (fi kliem ieħor aktar minn 30 %) ta' importazzjoni tal-prodotti kkonċernati fil-Komunità. Għalhekk, konklużjonijiet definittivi fir-rigward ta' dawn iż-żewġ kumpanniji u kwalunkwe kumpannija oħra li ma kkoperatx fil-proċeduri preżenti huma magħmula skond il-bażi tal-fatti disponibbli skond l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku.

(95) Fuq bażi bħal din, l-investigazzjoni pprovat l-eżistenza ta' sussidji kompensatorji li huma disponibbli għall-produtturi esportaturi li ma kkoperawx. Hu kkunsidrat li n-nuqqas ta' koperazzjoni hu r-riżultat ta' l-użu u tal-benefiċċju minn dawn il-produtturi tas-sussidji kompensatorji f'livell superjuri għal-livell minimiu għall-Indonesja. Skond id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku u bbażat fuq l-informazzjoni misjuba fl-ilment u fil-konklużjonijiet ta' l-investigazzjoni, u sabiex ma jingħatax

bonus

għal nuqqas ta' koperazzjoni, l-ammont ta' sussidji kompensatorji għal dawn iż-żewġ kumpanniji hu stabbilit kif ġej.

| Skemi BKPM (sussidju nazzjonali) | Skemi BAPEKSTA (sussidju għall-esportazzjoni) | Totali |

PT. Global Fiberindo | 5 % | 5 % | 10 % |

PT. Polysindo Eka Perkassa | 5 % | 5 % | 10 % |

Kwalunkwe kumpannija oħra | 5 % | 5 % | 10 % |

(96) Il-marġni nazzjonali ta' sussidju medju ppeżat għall-produtturi esportaturi kollha nvestigati (inkluż iż-żewġ kumpanniji li ma kkoperawx), li jirrappreżentaw prattikament l-esportazzjoni kollha tal-prodotti kkonċernati fil-Komunità li joriġinaw l-Indonesja hu superjuri għall-marġni minimu għal dan il-pajjiż ta' 3 %.

III. TAJWAN

1. INTRODUZZJONI

(97) Wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament dwar taxxa provviżorja, il-Gvern tat-Tajwan issottometta f'ittri bid-data tas-17 u tad-19 ta' Jannar 2000 l-osservazzjonijiet tiegħu fuq in-notifika li fiha d-dettalji speċifiċi għall-fatti essenzali u l-konsiderazzjonijiet skond il-bażi li biha ġew imposti l-miżuri provviżorji. Diversi komunikazzjonijiet bil-miktub ġew riċevuti mill-produtturi esportaturi, li kollha talbu u ġew mogħtija seduta għas-smiegħ fil-15 ta' Frar 2000.

2. OSSERVAZZJONIJIET ĠENERALI

2.1. Speċifiċità ta' l-iskemi kkonċernati

(98) Il-produtturi esportaturi ppreżentaw xi kummenti ġenerali dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta' speċifiċità. Id-determinazzjoni jekk sussisdju investigat hux speċifiku jew le saret skond id-disposizzjonijiet tar-Regolament bażiku, notevolment l-Artikolu 3 tiegħu. Il-kummenti mill-produtturi esportaturi ġew ikkunsidrati fl-istabbiliment jekk skema investigata tinvolvix jew le sussidji speċifiċi, skond l-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku, li huma kompensatorji. Għalhekk, il-mod li bih ġiet iddeterminata l-ispeċifiċità għal skemi individwali hu spjegat, taħt it-taqsima li tirrelata ma' kull skema fejn xieraq, u fis-suppliment tal-konklużjonijiet li jinsabu fid-disposizzjonijiet Regolament.

2.2. Kalkolu ta' rata ta' interessi kummerċjali fis-seħħ l-aktar użata

(99) Kien provviżorjament deċiż li tkun applikata rata ta' interessi ġenerali ta' 9.03 % għall-iskop ta' din l-investigazzjoni. Din ir-rata ġiet determinata fuq il-bażi ta' l-informazzjoni miksuba matul l-investigazzjoni li kienet ikkunsidrata approprijata għal dan l-iskop. Il-Gvern u l-produtturi esportaturi tat-Tajwan ikkontestaw ir-reliability ta' din ir-rata.

(100) B'risposta għal dan l-argument, ir-rata ta' interessi applikabbli b'mod ġenerali reġgħet ġiet ikkalkolata mis-servizzi tal-Kummissjoni. It-taxxa ta' interessi rilevanti ta' 8.52 % ġiet stabbilita billi ttieħdu r-rati ta' interessi kummerċjali ta' kull xahar applikati matul il-perijodu ta' investigazzjoni minn 37 banek nazzjonali tat-Tajwan. Dawn ir-rati ta' interessi huma disponibbli pubblikament u huma parti mill-istatistiċi finanzjarji ta' kull xahar ippublikati mid-Dipartiment ta' Riċerka Ekonomika tal-Bank Ċentrali tar-Repubblika taċ-Ċina.

(101) Ġie affermat ukoll li r-rata ta' interessi użata għall-konklużjonijiet provviżorji kellha tkun l-istess waħda użata għal self komparabbli u li f'kwalunkwe każ, ir-rata ta' interessi applikata mill-Kummissjoni mhiex proporzjonata mar-rata ta' interessi li l-kumpanniji huma kapaċi jiksbu fuq is-suq u li s-self kummerċjali fil-fatt sar mill-kumpanniji matul il-perijodu ta' investigazzjoni. Self komparabbli għandu jkun self ta' ammont u skop simili, u b'perijodu simili ta' ħlas lura. L-ebda self komparabbli bħal dan ma kien identifikat għall-produtturi esportaturi kkonċernati. Għalhekk, il-metodoloġija tal-kalkolu tar-rata ta' interessi kif spjegata hawn fuq hi kkonfermata.

2.3. Applikazzjoni tar-rata ta' interessi fil-kalkolu ta' l-ammont tas-sussidju

(102) Il-produtturi esportaturi kkritikaw lill-Kummissjoni minħabba li żiedet mal-programmi sussidjati l-interessi kkalkolati skond ir-rata ta' interessi kummerċjali medja applikata f'Tajwan matul il-perijodu ta' investigazzjoni.

(103) Il-bażijiet ġuridiċi għall-addizzjoni ta' interessi mal-valur nominali tas-sussidju huma l-Artikoli 5, 6 u 7 tar-Regolament bażiku, li fihom disposizzjonijiet dwar il-kalkolu ta' l-ammont ta' sussidju, kif żviluppat mill-Linji ta' Gwida tal-Kummissjoni għall-kalkolu ta' l-ammont ta' sussidju f'investigazzjonijiet dwar taxxa kompensatorja.

(104) Skond l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku, il-kalkolu tal-benefiċċju għandu jirrifletti l-ammont ta' sussidju eżistenti matul il-perijodu ta' investigazzjoni u mhux sempliċiment il-valur nominali ta' l-ammont matul iż-żmien li jkun trasferit lir-reċipjent jew miċħud mill-Gvern. Approċċ bħal dan hu speċifikament ipprovdut fil-linji ta' gwida tal-Kummissjoni għall-kalkolu ta' l-ammont ta' sussidju fl-investigazzjonijiet fuq taxxi kompensatorji, fejn hu ppreċiżat li l-valur nominali ta'l-ammont ta' sussidju għandu jkun trasformat fil-valur l-aktar użat matul il-perijodu ta' investigazzjoni permezz ta' l-applikazzjoni tar-rata ta' interessi kummerċjali normali.

(105) Ġie affermat ukoll li din il-metodoloġija ma tistax tkun applikata lill-ammonti tas-sussidji allegat fuq krediti ta' taxxa peress li l-krediti ta' taxxa, li l-kumpanniji jkunu ddikjaraw, jintużaw biss fid-dikjarazzjoni tad-denunzja annwali li ssir sal-31 ta' Marzu tas-sena ta' wara. Il-produtturi esportaturi jsostnu għalhekk li l-ebda benefiċċju ma ġie konferit lilhom sa' din id-data.

(106) B'risposta għal dan l-argument, hu kkunsidrat li peress li l-benefiċċju jikkonsisti fi tnaqqis ta' taxxa diretta li titħallas kull sena, il-benefiċċju nnifsu għandu rikorrenza annwali wkoll. Għalhekk, il-benefiċċju għandu jinkludi wkoll l-element ta' interessi li ma jkunx hemm il-bżonn li jittieħed f'self fuq is-suq miftuħ ammont ugwali għal dan it-tfaddil fiskali.

2.4. Stima tas-sussidji fir-rigward tal-prodott ikkonċernat

(107) Il-Gvern u l-kumpannija esportatriċi ta' Tajwan issottomettew li l-Kummissjoni kellha torbot l-iskemi allegati ta' sussidju mal-prodott ikkonċernat sabiex tikkalkula kwalunke rata ta' sussidju permezz ta' evalwazzjoni tal-benefiċċji speċifikament assoċjati ma' linji ta' prodotti sal-limitu li huma direttament marbuta mal-prodott ikkonċernat.

(108) Il-linji ta' gwida tal-Kummissjoni jsemmu espliċitament li jekk il-benefiċċju ta' sussidju hu limitat għal prodott partikolari, id-denominatur għall-allokazzjoni ta' ammont ta' sussidju għandu jirrifletti biss bejgħ (jew bejgħ għall-esportazzjoni) ta' dak il-prodott. Jekk dan mhux il-każ, id-denomintaur għandu jkun il-bejgħ totali (jew il-bejgħ għall-esportazzjoni) tar-reċipjent.

(109) Il-Kummissjoni, fil-kalkoli tagħha, imxiet ma' dan l-approċċ, kif ġie sostnut korrettament mill-produtturi esportaturi, għall-eżenzjoni mid-dazju fuq l-importazzjoni ta' materja prima. F'dan il-każ partikolari, il-benefiċċji ġew identifikati biss għad-diviżjoni tal-fibri u konsegwentament ġiet utilizzat id-denominatur korrispondenti mal-bejgħ. Għall-iskemi l-oħra kollha deskritti instab li l-benefiċċji ma kienux limitati għal prodott partikolari u għalhekk il-bejgħ totali ġew użati bħala denominatur.

3. SKEMI INDIVIDIWALI

3.1. Kreditu ta' taxxa għax-xiri ta' tagħmir ta' awtomazzjoni u ta' kontroll tat-tinġis

(110) Il-Gvern u l-produtturi esportatur ta' Tajwan iddikjaraw li din l-iskema, li hi deskritta fil-premessa 49 sa' 58 tar-Regolament dwar taxxa provviżorja ma ġietx valutata korrettament mill-Kummissjoni fir-rigward ta' l-ispeċifiċità tas-sussidju. B'mod partikolari, is-sussidju allegat ta' krediti ta' taxxa għat-tagħmir ta' awtomazzjoni u ta' kontroll tat-tinġis mhiex kondizzjonata mill-użu preferenzali ta' merkanzija nazzjonali fuq merkanzija importata u għalhekk ma tistax tkun meqjusa bħala speċifika fit-termini ta l-Artikolu 3(4)(b) tar-Regolament bażiku.

(111) Għalkemm il-programm jipprovdi għal kreditu ta' taxxa għal tagħmir prodott lokalment jew importat, is-sussidju jirdoppja għax-xiri ta' tagħmir nazzjonali. Iż-żewġ rati ta' kreditu ta' taxxa huma kkunsidrati bħala programmi separati li jikkonċernaw tagħmir mixtri lokalment u tagħmir importat, rispettivament. Fin-nuqqas ta' kreditu ta' taxxa ta' 20 % għal tagħmir prodott fil-pajjiż, kumpannija ma tirċievi l-ebda kreditu ta' taxxa. Ir-rata ta' kreditu ta' 10 % ma tistax tkun ikkunsidrata bħala r-rata standard ta' taxxa, peress li hi disponibbli biss għal tagħmir importat. Peress li r-rata ta' kreditu ta' 20 % hi disponibbli biss għal tagħmir prodott fil-pajjiż imma mhux għal tagħmir importat, hu kkondizjonat mill-użu preferenzali ta' merkanzija nazzjonali minflok merkanzija importata. Din it-taxxa ta' kreditu għalhekk tikkostitwixxi sussidju speċifiku għall-importazzjoni ta' sostituzzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 3(4)(b) tar-Regolament bażiku.

(112) B'mod analogu, it-taxxa ta' kreditu ta' 10 % hi disponibbli biss għal makkinarju importat u hi għalhekk limitata għal intrapriżi li jixtru dan il-makkinarju importat. Limitazzjoni bħal din mhiex ikkunsidrata bħala newtrali fis-sens ta' l-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament bażiku peress li tiffavorixxi ċerti intrapriżi flok oħrajn. Addizzjonalment, il-kriterji mhumiex ekonomiċi fin-natura jew orizzontali fl-applikazzjoni. Għalhekk, is-sussidju hu speċifiku fis-sens ta' l-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament bażiku.

Kalkolu ta' l-ammont ta' sussidju

(113) Fir-rigward tal-kalkolu ta' l-ammont ta' sussidji kompensatorji, il-produtturi esportaturi ddikjaraw li 15 % mill-20 % ta' taxxa ta' kreditu għax-xiri ta' merkanzija prodotta fil-pajjiż ma jistgħux ikunu kompensatorji, minħabba li kreditu ta' taxxa bħal dan jista' jinkiseb irrispettivament mill-oriġini tal-merkanzija. Dan l-argument mhux ikkunsidrat bħala ġusitifikabbli. L-ammont ta' sussidji kompensatorji jikkonsisti fl-ammont sħiħ ta' krediti ta' taxxa, peress li l-kreditu ta' taxxa ta' 20 % għal tagħmir mixtri fil-pajjiż ma jistax ikun ikkunsidrat bħala devjazzjoni mir-rata ta' kreditu ta' taxxa standard ta' 10 %. Kif spjegat hawn fuq, iż-żewġ rati ta' kreditu ta' taxxa huma kkunsidrati bħala programmi separati li jikkonċernaw tagħmir mixtri fil-pajjiż u tagħmir importat, rispettivament. Fin-nuqqas ta' kreditu ta' taxxa ta' 20 % għal tagħmir prodott fil-pajjiż, kumpannija ma tistax tirċievi kreditu ta' taxxa. Ir-rata ta' kreditu ta' 10 % tapplika biss għal makkinarju importat; din mhiex rata ta' kreditu ġenerali. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ammont tas-sussidju hu l-introjtu totali li rrinunċja għalih il-Gvern ta' Tajwan.

(114) Il-benefiċċju għall-produtturi esportaturi ġie ikkalkolat kif spjegat fil-premessa 57 tar-Regolament dwar taxxa provviżorja, waqt li jikkoreġi madankollu r-rata ta' interessi kummerċjali medja li ġiet miżjuda ma' l-ammont ta' taxxi mhux imħallsa matul il-perijodu ta' investigazzjoni kif spjegat hawn fuq.

(115) Il-Gvern ta' Tajwan iddikjara barra minn dan, li peress li s-sussidju hu marbut max-xiri ta' assi fissi, dan għandu jkun ikkalkolat billi s-sussidju jinfirex fuq il-perijodu normali ta' deprezzament ta' l-assi fl-industrija kkonċernata.

(116) Hu meqjus li l-benefiċċji fil-forma ta' tfaddil ta' taxxi diretti mhumiex ġeneralment ikkunsidrati bħala li huma marbuta max-xiri ta' assi fissi. Benefiċċji relatati ma' taxxi diretti huma marbuta iżda mat-tnaqqis għar-responsabbiltà għat-taxxa diretta milli max-xiri ta' assi fissi, peress li taxxa diretta bħal din ġeneralment teżisti, jinxtrawx jew le l-assi fissi. Dan l-approċċ hu konformi mal-linji ta' gwida tal-Kummissjoni għall-kalkolu ta' l-ammont ta' sussidju fl-investigazzjonijiet dwar taxxa kompensatorja kif stabbilit b'mod partikolari fit-Tabella 2 li hi annessa ma' l-imsemmija linji ta' gwida. Għalhekk, il-benefiċċji taħt din l-iskema kienu kkalkolati skond il-bażi ta' taxxa fuq id-dħul iffrankat fil-perijodu ta' investigazzjoni skond l-Artikolu 7(4) tar-Regolament bażiku.

(117) Żewġ kumpanniji bbenefikaw minn din l-iskema matul il-perijodu ta' investigazzjoni u kisbu sussidji ta' 0.42 % u 0.40 % rispettivament.

3.2. Kreditu ta' taxxa għal investiment f'intrapriżi importanti

(118) Il-Gvern ta' Tajwan iddikjara li din l-iskema ma tikkostitwixxix sussidju peress li m'hemm l-ebda kontribut finanzjarju għall-kumpanniji li bbenefikaw mill-investiment. Tnaqqis mit-taxxa jingħata biss lill-azzjonisti li jinvestu u mhux lill-kumpanniji li joħorġu stokks.

(119) Hu meqjus li hemm kontribut finanzjarju mill-Gvern ta' Tajwan għall-kumpanniji li qed jitolbu l-kreditu ta' taxxa, fi kliem ieħor il-kumpanniji li qed jinvestu f'intrapriżi importanti. Dan il-kontribut finanzjarju, li jikkonsisti fir-rinunċja ta' l-introjtu tal-gvern, jirriżulta f'benefiċċju għall-azzjonisti li jinvestu bħala responsabbiltà tat-taxxa mnaqqsa. Hu dan il-benefiċċju għall-kumpannija li tinvesti li hu kompensatorju, mhux il-benefiċċju lill-kumpanniji li fihom sar l-investiment.

(120) Il-Gvern u l-produtturi esportaturi ta' Tajwan iddikjaraw li din l-iskema, li kienet deskritta fil-premessi 59 sa' 66 tar-Regolament dwar taxxa provviżorja, tikkonċerna kreditu ta' taxxa li ġeneralment disponibbli u għalhekk mhux speċifiku, minħabba li dan il-programm hu miftuħ għal kwalunkwe persuna fiżika u ġuridika li tinvesti f'ċerti intrapriżi. B'mod partikolari, hu allegat li l-eġibilità ta' l-iskema mhiex limitata għal ċerti intrapriżi, li hi oġġettiva, awtomatika u newtrali u li l-benefiċċju ta' kreditu ta' taxxa ma jkunx konferit għal kumpannija bħala riżultat tal-produzzjoni tagħha tal-prodott ikkonċernat.

(121) Fir-rigward ta' dawn id-dikjarazzjonijiet, il-Kummissjoni sabet li l-aċċess għal dan il-programm hu espliċitament limitat għal kumpanniji li jinvestu f'ċerti intrapriżi, peress li mhux l-investiment kollu f'stokks hu eliġibbli għal krediti ta' taxxa. Investimenti f'numru limitat ta' intrapriżi biss, fi kliem ieħor intrapriżi importanti bbażati fuq it-teknoloġija u intrapriżi importanti ta' investiment, se jikkwalifikaw għal kreditu ta' taxxa.

(122) B'addizzjoni, għalkemm il-Kummissjoni taqbel li d-definizzjoni ta' l-intrapriżi eliġibbli hi ċara u oġġettiva, l-eliġibilità mhiex newtrali, kif meħtieġ mill-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament bażiku, peress li tillimita n-numru ta' investimenti li jistgħu jirriżultaw f'kreditu ta' taxxa, skond il-bażi ta' l-attività tad-ditti kkonċernati. Jekk intrapriża li tinvesti tixtieq tikseb is-sussidju, il-libertà tagħha ta' l-għażla hi restritta fuq bażi settorjali. L-Artikolu 2 tal-kriterji għall-istabbiliment ta' l-għan ta' intrapriżi kbar ta' teknoloġija fir-rigward ta' l-industrija tal-manifattura u l-industrija tas-servizzi tekniċi jillimitaw il-kreditu ta' taxxa għal 11-il tip speċifiku ta' investimenti. Konsegwentament, l-aċċess għal dan il-programm jiddependi fuq l-investimenti li jsiru f'ċerti intrapriżi u dan ġeneralment mhux disponibbli. Għalhekk, id-dikjarazzjonijiet tal-produtturi esportaturi f'dan ir-rigward se jiġu miċħuda.

(123) Hu affermat ukoll li l-benefiċċju ta' kreditu ta' taxxa ma jiġix konferit fuq kumpannija bħala riżultat tal-produzzjoni tagħha tal-prodott ikkonċernat. Benefiċċji taħt din l-iskema mhumiex limitati għall-fabbrikazzjoni ta' prodott partikolari. M'hemm l-ebda ħtieġa li l-kreditu għandu jintuża biex jibbenefikaw biss l-esportazzjoni, il-bejgħ jew il-produzzjoni ta' prodott ieħor. Il-kumpannija tirċievi kreditu ta' taxxa li jibbenifikaw il-produzzjoni u l-esportazzjoni ta' PSF. Għalhekk, peress li l-benefiċċji tas-sussidju mhumiex marbuta ma' prodott partikolari bla ħsara għall-investigazzjoni, dawn jitqiesu bħala li jkunu ta' benefiċċju għall-bejgħ kollu, inkluż il-bejgħ ta' PSF. Għalhekk, id-dikjarazzjoni t'hawn fuq magħmula mill-produtturi esportaturi trid tiġi miċħuda.

(124) B'konsegwenza, il-konklużjonijiet li din l-iskema hi kkunsidrata speċifika skond l-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament bażiku u li tinvolvi sussidji kompensatorji huma kkonfermati.

Kalkolu ta' l-ammont tas-sussidju

(125) Il-benefiċċju għall-uniku produttur esportatur ikkonċernat ġie kkalkolat kif spjegat fil-premessa 57 tar-Regolament dwar taxxa provviżorja, waqt li jikkoreġi r-rata ta' interessi kummerċjali medja minn 9.03 % għal 8.52 % kif spjegat hawn fuq li kienet miżjuda għall-ammont ta' taxxi mhux imħallsa matul il-perijodu ta' investigazzjoni.

(126) Din il-kumpannija kisbet benefiċċju ta' 0.71 %.

3.3. Krediti ta' taxxa għal R &Ż u taħriġ ta' persunal

(127) Kif diġà stabbilit fir-Regolament dwar taxxa provviżorja (premessi 67 sa' 72), dawn il-krediti ta' taxxa ġew ikkunsidrata bħala li mhumiex speċifiċi. L-ebda kumment bil-miktub ma kien riċevut mill-partijiet ikkonċernati fir-rigward ta' din il-konklużjoni. Għalhekk, din l-iskema nstabet li mhiex speċifika fis-sens ta' l-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku, u għalhekk mhux kompensatorja.

3.4. Kreditu ta' taxxa għal investimenti f'żoni nieqsa minn riżorsi naturali

(128) Il-Gvern ta' Tajwan talab għall-ammissibilità ta' din l-iskema skond l-Artikolu 4(3) tar-Regolament bażiku waqt li żied li din l-iskema hi konformi mal-kriterji għal sussidji mhux kompensatorji għal reġjuni żvantaġġati. Madankollu, din id-dikjarazzjoni ma kinietx sostnuta b'evidenza verifikabbli. Peress li ma setax ikun stabbilit jekk il-ħtiġiet fl-imsemmija disposizzjoni humiex fil-fatt imwettqa, id-dikjarazzjoni se tiġi miċħuda.

(129) Il-Gvern ta' Tajwan argumenta wkoll li l-ebda benefiċċju marbut ma' PSF ma kien riċevut mill-kumpanniji li jesportaw. Dan l-argument se jiġi miċħud skond ir-risposta t'hawn fuq fit-taqsima dwar "Stima tas-sussidji fir-rigward tal-prodott ikkonċernat."

Kalkolu ta' l-ammont ta' sussidju

(130) Kumpannija waħda rrikorriet għal din l-iskema u kisbet benefiċċju ta' 0.01 %.

3.5. Krediti ta' taxxa għall-istabbiliment ta' marki ta' prodotti internazzjonali

(131) Kif kien deskritt fil-premessa 81 tar-Regolament dwar taxxa provviżorja, produttur esportatur wieħed irrikorra għal din l-iskema imma ma kiseb l-ebda benefiċċju. L-ebda kummenti ma kienu riċevuti mill-partijiet ikkonċernati.

3.6. Self b'rati ta' interessi preferenzali: inċentivi għal awtomazzjoni, inċentivi għall-ġlieda kontra t-tinġis, u inċentivi għal konservazzjoni ta' l-enerġija

(132) Dawn l-iskemi, li huma deskritti fil-premessi 82 sa' 91 tar-Regolament dwar taxxa provviżorja, huma bbażati fuq l-Artikolu 21(1) ta' l-Istatut għat-titjib ta' l-industrija (hawnhekk iżjed 'il quddiem imsejjħa "SUI").

(133) Il-Gvern u l-produtturi esportaturi ta' Tajwan iddikjaraw li dan is-self hu disponibbli għal kważi l-kumpanniji Tajwaniżi kollha u għalhekk mhux speċifiku u kompensatorju. Konkretament, hu ddikjarat li l-eliġibilità mhiex limitata għal ċerti intrapriżi; li l-eliġibilità għall-programm hi oġġettiva u li, anke jekk l-eliġibilità mhiex oġġettiva, ma jfissirx li awtomatikament il-programm hu speċifiku.

(134) Fir-rigward ta' dawn id-dikjarazzjonijiet, hu fatt li d-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 21(1) ta' l-SUI imsemmi hawn fuq jillimitaw espliċitament il-benefiċċji li hemm fihom għal ċerti intrapriżi li jikkonformaw ma' numru ta' kriterji jew kondizzjonijiet. Dawn il-kriterji jew kondizzjonijiet, bħal investimenti f'tagħmir speċifiku taħt kondizzjonijiet speċifiċi stabbiliti mill-Executive Yuan tal-Fond ta' Żvilupp, mhumiex ikkunsidrati bħala li huma oġġettivvi fis-sens ta' l-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament bażiku. Id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 21(1) ta' SUI ma jistgħux ikunu kkunsidrati bħala oġġettivi peress li l-kriterji mhumiex newtrali jew ekonomiċi fin-natura jew orizzontali fl-applikazzjoni peress li hu magħruf minn qabel li ċerti intrapriżi huma aktar minn oħrajn li jkunu f'posizzjoni li jibbenefikaw minn dan is-self minħabba t-tip ta' settur kummerċjali li jinsabu fih. Għalhekk, benefiċċji minn din l-iskema se jkunu bla dubbju aktar rilevanti għal xi setturi minn oħrajn.

(135) Prinċipju bażiku ta' speċifiċità hu li sussidju li jgħawweġ l-allokazzjoni ta' riżorsi f'ekonomija, billi jiffavorixxi ċerti intrapriżi flok oħrajn, għandu jkun bla ħsara għal miżuri kompensatorji jekk joħloq inġurja. Fejn l-eliġibilitià għal sussidji hi limitata f'ekonomija, skond il-bażi ta' kriterji mhux newtrali, distorzjoni bħal din fl-allokazzjoni tar-riżorsi hi maħsuba li sseħħ. Dan il-prinċipju hu l-bażi ta' l-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament bażiku, li jipprovdi li sussidju hu speċifiku jekk l-awtorità li tikkonċedi, jew il-leġislazzjoni skond liema titħaddem l-awtorità li tikkonċedi, espliċitament tillimita l-aċċess għal sussidji lill-ċerti intrapriżi. Għalhekk, id-dikjarazzjonijiet t'hawn fuq huma miċħuda.

(136) Kien affermat li, anke jekk l-eliġibilità mhiex oġġettiva, ma jfissirx awtomatikament li l-programm hu speċifiku. Din id-dikjarazzjoni għandha tiġi miċħuda wkoll għaliex ma saret l-ebda konklużjoni awtomatika ta' sepċifiċità. Din l-iskema hi kkunsidrata speċifika għax hi limitata għal ċerti intrapriżi fis-sens ta' l-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament bażiku, kif spjegat hawn fuq. Il-Kummissjoni għalhekk tikkonferma l-konklużjonijiet provviżorji tagħha kif deskritti fil-premessa 87 tar-Regolament dwar taxxa provviżorja.

(137) Kien ukoll affermat li fir-rigward ta' self b'rata ta' interessi preferenzali, is-sussidji kompensatorji se jirrappreżentaw biss id-differenza fir-rati ta' interessi bejn il-prattika tal-gvern u dik kummerċjali.

(138) Il-linji ta' gwida tal-Kummissjoni għall-kalkolu ta' l-ammont ta' sussidju fl-investigazzjonijiet dwar taxxa kompensatorja, madankollu, jispeċifikaw li fil-każ ta' self mill-gvern is-sussidju jirrappreżenta d-differenza bejn l-ammont ta' interessi mħallas fuq is-self mill-gvern u l-interessi normalment imħallsa f'self kummerċjali komparabbli matul il-perijodu ta' investigazzjoni.

(139) Il-Gvern ta' Tajwan iddikjara wkoll li żewġ kumpanniji biss ibbenefikaw minn dan il-programm għall-iżvilupp ta' PSF. Din id-dikjarazzjoni trid tiġi miċħuda skond ir-risposta t'hawn fuq fit-taqsima dwar "Stima tas-sussidji fir-rigward tal-prodott ikkonċernat".

Kalkolu ta' l-ammont ta' sussidju

(140) Il-produtturi esportaturi ddikjaraw li r-rata ta' interessi użata għall-konklużjonijiet provviżorji kellha tkun dik li tintuża għal self komparabbli u li, hekk jew hekk, ir-rata ta' interessi applikata mill-Kummissjoni mhiex proporzjonata mar-rata ta' interessi li l-kumpanniji huma kapaċi jiksbu fis-suq u li s-self kummerċjali kien fil-fatt lill-kumpanniji matul il-perijodu ta' investigazzjoni.

(141) Self komparabbli għandu jkun self ta' ammont u skop simili, u b'perijodu ta' ħlas lura simili. Kif kien imsemmi fil-premessa 89 tar-Regolament provviżorju ma kien identifikat l-ebda self komparabbli għall-produtturi esportaturi kkonċernati. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonferma l-applikazzjoni ta' rata ta' interessi standard kif ikkalkolata għat-Tajwan u kif spjegat hawn fuq.

(142) B'addizzjoni, produttur esportatur wieħed l-ewwel iddikjara li l-Kummissjoni inkludiet fil-kalkolu tagħha benefiċċji li allegatament inħolqu anke meta l-kumpannija kkonċernata ma ħallsitx interessi matul il-perijodu sħiħ ta' investigazzjoni peress li s-self ittieħed biss fi proporzjoni matul il-perijodu ta' investigazzjoni. F'ittri sussegwenti, l-istess produttur esportatur iddikjara, għall-kuntrarju, li kien sar ħlas ta' interessi matul il-perijodu ta' investigazzjoni.

(143) Il-kumpannija speċifikament tirreferi għal tliet selfat għal liema l-informazzjoni pprovduta fir-risposta għall-kwistjonarju u vverifikata matul iż-żjara fuq il-post, fis-sens li l-ebda ħlas ta' interessi ma kien sar matul il-perijodu ta' investigazzjoni għal dan is-self, ma kinietx ikkontestata sa' wara l-ewwel sottomissjoni ta' din il-kumpanija f'risposta għall-iżvelar tal-konklużjonijiet provviżorji.

(144) Dan is-self kien irraportat bħala self mingħajr kwalunkwe ħlas ta' interessi mill-kumpannija matul il-perijodu ta' investigazzjoni u fejn l-ammonti prinċipali tas-self kien awtorizzat f'sussidji ta' darba. Il-Kummissjoni kkalkolat l-ammonti allegati ta' sussidju kif spjegat fir-Regolament provviżorju.

(145) Wara l-komunikazzjoni tal-konklużjonijiet provviżorji, il-kumpannija ddikjarat li matul il-perijodu ta' investigazzjoni saru diversi ħlasijiet għal dan is-self u li l-ammont ta' self prinċipali kien awtorizzat lilhom f'serje ta' sussidji.

(146) Din l-informazzjoni hi kontradittorja għad-dikjarazzjonijiet magħmula espliċitament mill-kumpannija fir-risposta għall-kwistjonarju u matul iż-żjara ta' verifikazzjoni. B'addizzjoni, l-allegazzjonijiet il-ġodda ma jikkorrespondux mad-data li kienet ivverifikata qabel. Barra dan, allegazzjonijiet bħal dawn ma kienux sostnuti suffiċjentament b'evidenza oġġettiva u/jew verifikabbli. Il-Kummissjoni għalhekk tikkonferma l-metodoloġija oriġinali ta' kalkolu fir-rigward ta' dan is-self.

(147) Kien affermat ukoll li fil-kalkolu ta' l-ammont tas-sussidju, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-fatt li ma sar l-ebda ħlas lura tal-prinċipal matul il-perijodu ta' investigazzjoni dovut għal perijodu ta' grazzja ta' sentejn. Dan l-argument ma jbiddilx il-kalkolu għall-benefiċċju magħmul mill-Kummissjoni, skond il-bażi tad-differenza bejn l-ammont ta' l-interessi mħallas u bejn dak li normalment jitħallas. Il-Kummissjoni għalhekk tikkonferma l-metodoloġija oriġinali tagħha tal-kalkolu fir-rigward ta' dan is-self.

(148) Il-benefiċċji għall-produtturi esportaturi ġew ikkalkolati kif spjegat fil-premessi 88 sa' 90 tar-Regolament dwar taxxa provviżorja.

(149) Il-benefiċċji miksuba minn dawn l-erba' kumpanniji jvarjaw minn 0.04 % sa' 0.31 %.

3.7. Eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul: xiri ta' tagħmir ġdid u ta' tagħmir għall-ġlieda kontra t-tinġis

(150) Il-bażijiet legali għal din l-iskema ta' sussidju allegat kompensatorju huma: noti addizzjonali 3 u 9 tal-Kapitolu 84, noti addizzjonali 4 u 5 tal-Kapitolu 85 u noti addizzjonali 1 u 2 tal-Kapitolu 90 tat-Tariffa Doganali u Klassifikazzjoni ta' merkanzija għall-importazzjoni u għall-esportazzjoni tar-Repubblika taċ-Ċina (hawnhekk iżjed 'il quddiem imsejjħa "Kodiċi Doganali").

(151) Il-Gvern ta' Tajwan iddikjara li dan il-programm ma jirrispondi għall-ebda definizzjoni ta' sussidju kif stabbilita fl-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku, notevolment għax m'hemm l-ebda trasferiment dirett ta' fond, m'hemm l-ebda merkanzija jew servizzi pprovduti u m'hemm l-ebda sostenn għall-prezz jew għad-dħul. Dan l-argument se jkun miċħud għax din l-iskema tinvolvi kontribut finanzjarju mill-Gvern ta' Tajwan taħt il-forma ta' remissjoni ta' dazji fuq id-dħul, skond l-Artikolu 2(1)(a)(ii) tar-Regolament bażiku, u għalhekk ikun konferit benefiċċju.

(152) Il-Gvern u l-produtturi esportaturi ta' Tajwan iddikjaraw li din l-iskema, li hi deskritta fil-premessi 92 sa' 99 tar-Regolament dwar taxxa provviżorja, ma kinietx ivvalutata korrettament mill-Kummissjoni fir-rigward ta' l-ispeċifiċità tas-sussidju u konsegwentament fir-rigward tal-protettività tas-sussidju allegat.

(153) B'mod partikolari, kien iddikjarat li l-aċċess għal din l-iskema ta' eżenzjoni mid-dazju fuq id-dħul hi disponibbli għall-kumpanniji kollha ta' Tajwan li jixtiequ jixtru tagħmir li mhux prodott lokalment u għalhekk ma tistax tiġi kkunsidrata bħala speċifika minħabba li l-firxa ta' kumpanniji li jixtiequ li jibbenefikaw minn eżenzjoni bħal din mhiex limitata u hi amministrata skond il-bażi ta' kriterji oġġettivi u newtrali.

(154) Hu meqjus li din il-kriterja mhiex oġġettiva fis-sens ta' l-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament bażiku. Skond dan l-Artikolu, il-kriterji u l-kondizzjonijiet oġġettivi għandhom ikunu newtrali u anke ekonomiċi fin-natura u orizzontali fl-applikazzjoni. Id-disposizzjonijiet tan-noti addizzjonali tal-Kodiċi Doganali msemmija hawn fuq huma kkunsidrati bħala li mhumiex ekonomiċi fin-natura u orizzontali fl-applikazzjoni peress li l-użu ta' din l-iskema hu limitat biss għal ċerti intrapriżi. L-intrapriżi li jistgħu jibbenefikaw minn din l-iskema għandhom ikunu l-industriji tal-manifattura jew l-industriji ta' għajnuna teknika reġistrati u kwalifikati biex jużaw din l-iskema biex jimportaw makkinarju, tagħmir u strumenti għall-prevenzjoni ta' tinġis fl-arja, għall-kontaminazzjoni fl-ilma, għall-ħsejjes jew għall-vibrazzjoni, jew għal spezzjoni u għal test ambjentali jew għal rimi ta' skart, għal riċerka u għal sperimentazzjoni jew għal eżami u għal analiżi skond l-intestatura tal-Kapitoli speċifiċi tal-Kodiċi Doganali. B'addizzjoni, it-tagħmir speċifiku, wara li jkun konformi ma' dawn il-ħtiġiet, jista' jkun biss eżenti minn dazju fuq l-importazzjoni jekk ikun ivverifikat mill-awtoritajiet Tajwaniżi li dan it-tagħmir għadu ma ġiex iffabbrikat fit-Tajwan. Għalhekk, kumpanniji li huma attivi f'industrija fejn il-makkinarju mhux magħmul fit-Tajwan biss se jibbenefikaw minn din l-iskema.

(155) L-argumenti t'hawn fuq huma miċħuda u l-konklużjonijiet provviżorji, kif deskritti fil-premessa 97 tar-Regolament dwar taxxa provviżorja, ikkonfermati.

Kalkolu ta' l-ammont ta' sussidju

(156) Il-benefiċċji għall-produtturi esportaturi ġew ikkalkolati kif spjegat fil-premessa 98 tar-Regolament dwar taxxa provviżorja.

(157) Il-benefiċċji miksuba mill-erba' kumpanniji li jesportaw ikkonċernati jvarjaw minn 0.12 % sa' 0.20 %.

3.8. Eżenzjoni mid-dazju fuq l-importazzjoni: importazzjoni ta' materja prima

(158) Il-bażi legali għal din l-iskema ta' sussidju allegat kompensatorju, li hi deskritta fil-premessi 100 sa' 106 tar-Regolament dwar taxxa provviżorja, hi nota addizzjonali 6 tal-Kapitolu 29 tat-Tariffa Doganali u klassifikazzjoni tal-merkanzija għall-importazzjoni u għall-esportazzjoni tar-Repubblika taċ-Ċina (hawnhekk iżjed 'il quddiem imsejjħa bħala "Kodiċi Doganali").

(159) Il-produtturi esportaturi ddikjaraw li din l-iskema ma kellhiex tiġi nkluża fl-investigazzjoni peress li ma kien hemm l-ebda referenza għal din l-iskema fl-ilment u peress li l-ebda informazzjoni ma kienet mitluba mill-Kummissjoni fir-rigward ta' dan il-programm saż-żjarat ta' verifikazzjoni.

(160) Kemm l-ilment kif ukoll l-avviż ta' ftuħ irreferew għal "eżenzjonijiet mid-dazju doganali" bħala programmi ta' sussidji allegati li jibbenefikaw mill-prodott ikkonċernat. Għalhekk, hu meqjus li l-ilment kien fih evidenza prima facie suffiċjenti biex tinbeda investigazzjoni u li kemm l-avviż ta' bidu u l-kwistjonarji u dokumenti relatati mibgħuta mill-Kummissjoni kienu ċari biżżejjed fit-talbiet ta' l-informazzjoni għall-eżenzjoni mid-dazji doganali, inkluż fuq materja prima. Addizzjonalment, wieħed ma jistax jippretendi li meta jkun ippreżentat ilment, il-kwerelanti jkollhom għarfien ta' l-inqas dettall tal-programmi ta' sussidji allegat f'pajjiż terz. Fil-fatt, l-Artikolu 10(2) tar-Regolament bażiku jispeċifika li l-ilment għandu jkun fih informazzjoni li hi raġonevolment disponibbli għall-kwelerent. Il-kwelerent ippreżenta wkoll allegazzjonijiet li jikkonċernaw eżenzjonijiet mid-dazji fuq l-importazzjoni għal xiri ta' tagħmir ġdid u tagħmir għal kontra t-tinġis. Waqt li tkun ikkunsidrata n-natura tas-sussidji u b'mod partikolari l-fatt li l-eżenzjonijiet mid-dazju fuq l-importazzjoni għal tagħmir bħal dan u materja prima kienu awtorizzati taħt l-istess qafas ta' "noti addizzjonali" għall-Kodiċi Doganali, hu konkluż li l-Kummissjoni hi ntitolata li tinvestigahom u tirrikkomanda azzjoni kompensatorja jekk xieraq.

(161) Il-Gvern ta' Tajwan afferma li dan il-programm ma jirrispondi għall-ebda definizzjoni ta' sussidju kif stabbilita fl-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku, notevolment minħabba li m'hemm l-ebda trasferiment dirett ta' fondi, m'hemm l-ebda merkanzija jew servizzi pprovduti u m'hemm l-ebda sostenn ta' prezz jew ta' dħul. Dan l-argument se jkun miċħud minħabba li din l-iskema tinvolvi kontribut finanzjarju mill-Gvern ta' Tajwan fil-forma ta' remissjoni tad-dazji għall-importazzjoni, skond l-Artikolu 2(1)(a)(ii) tar-Regolament bażiku, u tikkonferixxi għalhekk benefiċċju.

(162) Il-Gvern u l-produtturi esportaturi ta' Tajwan affermaw li din l-iskema ma kinietx ivvalutata korrettament mill-Kummissjoni fit-termini ta' l-ispeċifiċità tas-sussidju u konsegwentament tal-kompensabilità tas-sussidji allegati.

(163) Kien affermat li eżenzjonijiet mid-dazji għall-importazzjoni bħal dawn mhumiex fil-fatt limitati għal ċerti intrapriżi, għaliex il-kriteriji biex jitħallew dawn l-eżenzjonijiet huma oġġettivi u newtrali.

(164) Din l-iskema hi espliċitament limitata għal ċerti fabbrikanti, li huma bla ħsara għar-regoli amministrattivi tal-fabbrika, għall-importazzjoni ta' materja prima speċifikata, f'dan il-każ prodotti kimiċi, li huma esklussivament użati fil-fabbrikazzjoni ta' prodotti tal-plastik, fibri artifiċjali, gomma u prodotti intermedji petrokimiċi permezz ta' reazzjoni kimika, u sakemm, b'addizzjoni, dawn il-kimiċi għadhom mhux prodotti jew ipprovduti biżżejjed fit-Tajwan. B'riżultat ta' dan, il-Kummissjoni ssostni li din l-iskema hi espliċitament limitata għal ċerti intrapriżi li huma konformi mal-kondizzjonijiet li jinsabu fid-disposizzjonijiet tan-nota addizzjonali speċifika tal-Kodiċi Doganali. Kondizzjonijiet bħal dawn mhumiex ikkunsidrati bħala li huma newtrali jew ekonomiċi fin-natura jew orizzontali fl-applikazzjoni.

(165) Il-produtturi esportaturi ddikjaraw ukoll li din l-iskema ma tistax tkun ikkunsidrata bħala sussidju minħabba li ma tinvolvix l-awtorizzazzjoni ta' aktar benefiċċji superjuri għall-piżijiet imposti fuq l-importazzjoni, għall-importazzjoni li huma inkorporati bi sħiħ fil-prodott ikkonċernat. Meta wieħed jikkunsidra li, skond l-Anness I għar-Regolament bażiku, eżenzjoni bħal din ma tkunx meqjusa bħala sussidju kompensatorju meta tkun ikkondizzjonata mill-esportazzjoni, ikun affermat li eżenzjoni simili, li mhiex ikkondizzjonata mir-riżultat ta' l-esportazzjoni, għandha a fortiori tkun meqjusa bħala sussidju mhux kompensatorju.

(166) L-Anness I għar-Regolament bażiku fih lista illustrattiva ta' sussidji għall-esportazzjoni, inkluż punt (i), li tirrelata ma' skemi ta' restituzzjoni ta' dazji li għalihom probabbilment jirreferi l-argument. Madankollu, taħt l-iskema in kwistjoni, m'hemm l-ebda remissjoni jew restituzzjoni ta' piżijiet ta' importazzjoni peress li ma kienx iddikjarat li kien hemm ħtieġa biex tintuża l-merkanzija importata bħala input għall-produzzjoni tal-prodott finali esportat. Hu kkunsidrat, għalhekk, li l-Anness I bħala lista illustrattiva ta' sussidji għall-esportazzjoni, ma japplikax għall-kwistjoni jekk dan il-programm ma jikkostitwixxix sussidji, b'mod partikolari peress li l-iskema mhiex ikkunsidrata li hi sussidju għall-esportazzjoni. Skond l-Artikolu 2(1)(a)(ii) tar-Regolament bażiku, eżenzjonijiet mogħtija skond l-Annessi I sa' III biss mhumiex meqjusa bħala sussidji. Għalhekk tapplika d-definizzjoni ġenerali ta' sussidju li tinsab fl-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku. Din l-iskema tikkostitwixxi sussidju peress li l-Gvern ta' Tajwan jipprovdi kontribut finanzjarju waqt li jirrinunzja mid-dazju għall-importazzjoni predeterminat, li jikkonferixxi benefiċċju għar-reċipjent li ma jkollux għalfejn iħallas id-dazju għall-importazzjoni normali.

(167) Il-Kummissjoni għalhekk tikkonferma l-konklużjonijiet provviżorji tagħha kif deskritti fil-premessa 104 tar-Regolament dwar taxxa provviżorja.

Kalkolu ta' l-ammont tas-sussidju

(168) Il-benefiċċji għall-produtturi esportaturi ġew ikkalkolati kif spjegat fil-premessa 105 tar-Regolament dwar taxxa provviżorja.

(169) Il-benefiċċji miksuba mill-erba' kumpanniji esportatriċi kkonċernati jvarjaw minn 0.16 % sa' 0.51 %

3.9. Fondi komplimentari u fondi ta' għajnuna

(170) Il-Gvern ta' Tajwan talab għall-ammissibilità ta' din l-iskema skond l-Artikolu 4(2) tar-Regolament bażiku waqt li żied li din l-iskema hi konformi mal-kriterji għal sussidji mhux kompensatorji għal attivitajiet ta' riċerka. Madankollu, dan l-argument ma kienx sostnut b'evidenza verifikabbli. Peress li ma setax ikun stabbilit li l-ħtiġiet fl-imsemmija disposizzjoni huma fil-fatt imwettqa, dan l-argument irid ikun miċħud.

(171) Il-Gvern ta' Tajwan iddikjara wkoll li dan il-programm mhux relatat mal-produzzjoni ta' PSF. Dan l-argument irid ikun miċħud skond ir-risposta mogħtija hawn fuq fit-taqsima dwar "Stima tas-sussidji relatati mal-prodott ikkonċernat".

Kalkolu ta' l-ammont tas-sussidju

(172) Żewġ kumpanniji għamlu użu minn din l-iskema. Kumpannija waħda ma kisbitx benefiċċji, il-kumpannija l-oħra kisbet benefiċċju ta' 0.01 %.

4. AMMONT TA' SUSSIDJI KOMPENSATORJI

(173) Ġew stabbiliti r-rati ta' sussidji nazzjonali li ġejjin għall-kumpanniji li kkoperaw:

| Krediti ta' taxxa | Self | Eżenzjonijiet mid-dazju għall-importazzjoni | Fondi komplimentari | Sussidji totali |

Nan Ya Plastics Corp. | 1.14 | 0.06 | 0.32 | 0.00 | 1.52 |

Far Eastern Textile Ltd | 0.40 | 0.31 | 0.36 | 0 | 1.08 |

Shinkong Synthetic Fibres Corp. | 0 | 0.04 | 0.68 | 0.01 | 0.73 |

Tuntex Distinct Corp. | 0 | 0.20 | 0.34 | 0 | 0.54 |

(174) Il-marġni nazzjonali ta' sussidju medju ppeżat għall-produtturi esportaturi kollha investigati li prattikament jirrappreżentaw it-totalità ta' l-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat fil-Komunità li joriġina fit-Tajwan hu superjuri għall-marġni minimu applikabbli ta' 1 %.

D. OFFIŻA

1. DEFINIZZJONI TA' L-INDUSTRIJA TAL-KOMUNITÀ

(175) Peress li l-ebda kumment ma kien riċevut fir-rigward tad-definizzjoni ta' l-industrija tal-Komunità, il-konklużjonijiet tal-premessa 133 tar-Regolament dwar taxxa provviżorja huma hawnhekk ikkonfermati.

2. KONSUM FIL-KOMUNITÀ

(176) Peress li l-ebda kumment ma kien riċevut dwar il-konsum fil-Komunità, il-valutazzjoni tagħha kif indikat fil-premessa 134 tar-Regolament dwar taxxa provviżorja hi hawnhekk ikkonfermata.

3. IMPORTAZZJONI TA' PSF FIL-KOMUNITÀ MILL-PAJJIŻI KKONĊERNATI

(a) Valutazzjoni kumulattiva ta' importazzjoni

(177) Ġie deċiż provviżorjament li kien hemm provi biżżejjed biex tiġi akkumulata l-importazzjoni mill-Awstralja u mit-Tajwan u biex jiġu esklużi mill-analiżi l-importazzjoni mir-Repubblika tal-Korea, mit-Tajlandja u mill-Indonesja.

(178) Peress li, fl-istadju attwali ta' l-investigazzjoni, instab li jeżistu sussidji kompensatorji superjuri mill-marġni minimu fir-rigward ta' l-Indonesja, kellu jiġi eżaminat, skond l-Artikolu 8(4) tar-Regolament bażiku, jekk l-importazzjoni ta' PSF li toriġina fl-Indonesja għandhomx jiġu vvalutati kumulativament ma' l-importazzjoni mill-Awstralja u mit-Tajwan.

(179) Ir-riżultati ta' l-eżami sussegwenti wrew li:

(a) il-marġni ta' sussidju nazzjonali relatat ma' l-Awstralja, mat-Tajwan u ma' l-Indonesja kien superjuri għal-livell minimu;

(b) il-volum ta' importazzjonijiet minn dawn il-pajjiżi ma kienx irrilevanti meta mqabbel mal-konsum tal-Komunità;

(ċ) l-analiżi tal-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq tal-Komunità bejn PSF importati u l-prodott tal-Komunità u l-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni bejn PSF importati indikat li:

- PSF importati mill-pajjiżi kollha li jesportaw u PSF prodotti fil-Komunità huma prodotti simili

- PSF importati mill-pajjiżi kollha li jesportaw inbiegħu permezz ta' mezzi ta' bejgħ simili lill-istess klijent,

- PSF importati mill-pajjiżi kollha nbigħu bi prezzijiet simili.

Instab li l-prezzijiet ta' bejgħ ta' l-importazzjoni mill-pajjiżi konċernati kienu inferjuri minn dawk ta' l-industrija tal-Komunità.

(180) B'kunsiderazzjoni t'hawn fuq, kien konkluż li kien hemm provi biżżejjed biex tiġi kkumulata l-importazzjoni mill-Awstralja, mit-Tajwan u mill-Indonesja.

(b) Volum ta' importazzjoni u kwota tas-suq

(181) Bil-kumulazzjoni ta' l-Indonesja, bejn l-1996 u l-IP, l-importazzjoni ta' PSF mill-pajjiżi kkonċernati żvillupat kif ġej:

Sors:

Eurostat

(f'tunnellati) |

Importazzjoni | 1996 | 1997 | 1998 | IP |

Awstralja | 62 | 1248 | 11254 | 11799 |

Indiċi | 100 | 2007 | 18093 | 18969 |

Tajwan | 20213 | 26811 | 35524 | 34878 |

Indiċi | 100 | 133 | 176 | 173 |

Indonesja | 4696 | 12238 | 25276 | 22871 |

Indiċi | 100 | 260 | 538 | 487 |

Pajjiżi totali | 24971 | 40297 | 72054 | 69548 |

Indiċi | 100 | 161 | 288 | 278 |

(182) It-tabella preċedenti turi li l-volum ta' l-importazzjoni mill-pajjiżi kkonċernati żdied b'mod sinjifikanti, partikolarment bejn l-1997 u l-1998 fejn kważi rdoppja. It-tnaqqis żgħir bejn l-1998 u l-IP hu dovut għal livell baxx ta' importazzjoni fl-ewwel kwart tas-sena ta' l-1999 meta mqabbel mal-ewwel kwart tas-sena ta' l-1998.

| Kwota tas-suq | 1996 | 1997 | 1998 | IP |

Il-pajjiżi kollha kkonċernati | 5.5 % | 7.8 % | 12.3 % | 12.0 % | |

Indiċi | 100 | 142 | 224 | 218 | |

(183) Il-figuri preċedenti jinkludu importazzjoni mill-Indonesja. It-tendenza tikkonferma li ż-żjieda ta' importazzjoni mill-pajjiżi kkonċernati fuq is-suq tal-Komunità, kemm f'termini assoluti kif ukoll f'termini ta' kwota tas-suq.

(ċ) Evoluzzjoni tal-prezz medju għall-importazzjoni

Prezz medju għall-importazzjoni | 1996 | 1997 | 1998 | IP |

Il-pajjiżi kollha kkonċernati Indiċi: 1996 = 100 | 100 | 94 | 82 | 77 |

(184) It-tabella preċedenti turi tnaqqis sinjifikanti fil-prezz medju għall-importazzjoni, partikolarment bejn l-1997 u l-1998 (-12 %). Il-prezzijiet għall-importazzjoni kellhom tnaqqis ieħor ta' 6 % bejn l-1998 u l-IP. Din l-evoluzzjoni negattiva tikkoinċidi maż-żjieda ta' importazzjoni mill-pajjiżi kkonċernati bejn l-1997 u l-IP.

(d) Tnaqqis fil-prezzijiet

(185) Hu mfakkar li t-tnaqqis fil-prezzijiet kien stabbilit provviżorjament skond il-bażi ta' tqabbil bejn il-prezz għall-esportazzjoni (cif fruntiera komunitarja, dazji mħallsa) u l-prezzijiet applikati mill-industrija tal-Komunità (xogħolijiet franki). Il-prezzijiet ta' bejgħ ikkunsidrati għal tipi ta' prodotti simili ta' PSF kienu dawk ta' klijenti indipendenti wara t-tnaqqis ta' skontijiet u ribassi. Fejn neċessarju, il-prezzijiet għall-esportazzjonijiet ġew aġġustati biex jirriflettu l-istess livell ta' kummerċ bħal dawk ta' l-industrija tal-Komunità.

(186) Ir-riżultati tal-paragun (effettwat fuq ir-rispettivi medji ppeżati) urew li l-marġni ta' tnaqqis fil-prezzijiet, espressi bħala perċentaġġ tal-prezzijiet medji ta' bejgħ ta' l-industrija tal-Komunità, kienu b'medja ta' 21 % għall-Awstralja u 6.1 % għat-Tajwan. Peress li l-ebda kummenti ma kienu riċevuti fir-rigward ta' dawk il-kalkoli ta' tnaqqis, il-marġni ta' tnaqqis hu hawnhekk ikkonfermat.

(187) L-istess metodoloġija kienet applikata fir-rigward ta' l-Indonesja. Ir-riżultat tal-paragun, ibbażat fuq l-informazzjoni pprovduta mill-produtturi esportaturi li kkoperaw u fuq l-aħjar fatti disponibbli għall-produtturi esportaturi li ma kkoperawx fl-Indonesja, wera medja ppeżata tal-marġni ta' tnaqqis fil-prezz ta' 33.9 % għal dak il-pajjiż.

4. SITWAZZJONI EKONOMIKA TA' L-INDUSTRIJA TAL-KOMUNITÀ

(a) Produzzjoni, kapaċità u utilizzazzjoni tal-kapaċità

(188) Il-Gvern Awstraljan ikkontesta l-metodu użat mill-Kummissjoni biex tivvaluta l-kapaċità ta' produzzjoni ta' l-industrija tal-Komunità għall-prodott ikkonċernat. Fl-opinjoni tiegħu, it-tnaqqis ta' 7 % fil-kapaċità ta' produzzjoni għall-PSF kien iddeterminat fir-rigward ta' kapaċità użata għall-produzzjoni ta' prodotti oħra u għalhekk ma kinietx korretta. Il-Gvern Awstraljan ikkunsidra li l-kapaċità ta' produzzjoni għal PSF kellha tkun ivvalutata esklussivament fuq il-produzzjoni attwali tal-PSF koperta bl-investigazzjoni.

(189) F'kwalunkwe każ, il-Gvern Awstraljan ikkunsidra li t-tnaqqis fil-kapaċità ta' produzzjoni ta' l-industrija tal-Komunità ma kienx kompatibbli ma' konklużjoni ta' inġurja materjali: l-ewwel nett minħabba li dan it-tnaqqis ma ħalliex lill-industrija tal-Komunità biex tipparteċipa fl-espansjoni konsiderevoli tas-suq (+ 27 %) matul il-perijodu kkunsidrat; u t-tieni nett, minħabba li t-tnaqqis fil-kapaċità kienet dovuta għall-fatt li l-prodotti l-oħra kellhom aktar profitt mill-PSF.

(190) Fir-rigward tal-valutazzjoni tal-kapaċità ta' produzzjoni, għandu jkun emfasizzat li l-prodott ikkonċernat hu prodott fl-istess linji ta' produzzjoni ta' prodotti oħra mill-istess tip. Hu għalhekk impossibli li tkun identifikata l-kapaċità attwali installata esklussivament għal prodott wieħed meta mqabbla mal-prodotti kollha prodotti fuq l-istess linja ta' produzzjoni. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-valutazzjoni tal-kapaċità ta' produzzjoni għall-PSF kienet ibbażata fuq ir-rapport li jikkumpara l-produzzjoni attwali tal-PSF mal-produzzjoni attwali totali tal-prodotti kollha prodotti fuq l-istess linji ta' produzzjoni. Konsegwentament, kuntrarju għad-dikjarazzjoni magħmula mill-Gvern Awstraljan, il-valutazzjoni tal-kapaċità ta' produzzjoni għall-PSF tikkunsidra l-produzzjoni attwali tal-PSF.

(191) Barra dan, it-tnaqqis fil-kapaċità ta' produzzjoni fl-industrija tal-Komunità ma kienx iddeterminat mill-inklużjoni ta' prodotti oħra. Din id-dikjarazzjoni hi msaħħa mill-konklużjonijiet sussegwenti ta' l-investigazzjoni, li kkonfermat li l-industrija tal-Komunità qalbet diversi linji ta' produzzjoni li kienu preċedentament attribwiti għall-produzzjoni ta' PSF u tipi oħra ta' fibri mhux koperti mill-investigazzjoni preżenti. L-investigazzjoni wriet ukoll li diversi impjanti ta' produzzjoni tal-PSF ingħalqu matul il-perijodu kkunsidrat.

(192) Għandu jiġi nnotat ukoll li d-deċiżjoni li tinbidel il-produzzjoni ta' PSF għall-produzzjoni ta' prodotti oħra kienet motivata prinċipalment mit-telf f'terminu twil li l-industrija tal-Komunità sostniet fuq il-produzzjoni u l-bejgħ ta' PSF li qed jiffaċċjaw kompetizzjoni inġusta kontinwa minn importazzjoni oġġetta għal dumping u importazzjoni sussidjata minn pajjiżi terzi. It-tnaqqis fil-kapaċità, li fil-verità ma ħallietx lill-industrija tal-Komunità tipparteċipa fl-espansjoni tas-suq, hu għalhekk partikolarment rilevanti għad-determinazzjoni ta' inġurja imma aktar speċifikament għall-analiżi ta' rabta każwali bejn l-importazzjoni sussidjata u bejn l-inġurja sostnuta mill-industrija tal-Komunità kif spjegat hawn taħt.

(193) Skond din il-bażi, id-dikjarazzjonijiet tal-Gvern Awstraljan huma kkunsidrati li mhumiex ibbażati. B'konsegwenza, id-data pprovduta, il-metodu deskritt għall-valutazzjoni tal-kapaċità ta' produzzjoni għall-PSF u l-konklużjonijiet li jinsabu fil-premessi 141 u 142 tar-Regolament dwar taxxa provviżorja huma hawnhekk ikkonfermati.

(b) Profitabilità ta' l-industrija tal-Komunità

(194) Il-Gvern Awstraljan irrimarka li l-profitabilità ta' l-industrija tal-Komunità ittejbet b'mod sinjifikanti matul il-perijodu kkunsidrat, notevolment minn telf ta' madwar 4 % għal profitt ta' aktar minn 6 %. Kien iddikjarat ukoll li waqt li kien imsemmi fir-Regolament dwar taxxa provviżorja li l-livell ta' profitabilità kien għadu inadegwat, l-ebda figuri ma kienu pprovduti biex jindikaw x'kienet il-profitabilità ta' l-industrija qabel l-importazzjoni sussidjata. Konsegwentament, il-Gvern Awstraljan iddikjara li l-ebda valutazzjoni proprja ma setgħet issir dwar jekk l-inġurja sostnuta mill-industrija tal-Komunità kinietx materjali jew le.

(195) Id-dikjarazzjoni preċedenti tissuġġerixxi effettivament li t-titjib fil-profitabilità matul il-perijodu kkunsidrat ma jwassalx awtomatikament għall-konklużjoni li l-industrija tal-Komunità ma sofrietx minn inġurja materjali. B'addizzjoni, il-valutazzjoni dwar jekk l-inġurja sosnuta mill-industrija tal-Komunità kinietx materjali jew le ma tistax tkun ibbażata biss fuq il-profitabilità lanqas ma tista' tkun ibbażata fuq l-analiżi ta' profitabilità bejn l-1996 sa' l-IP.

Fil-fatt, id-disposizzjonijiet tar-Regolament bażiku jenumeraw numru ta' fatturi fost liema hemm il-volum ta' importazzjoni li hi oġġett ta' dumping u l-effett tagħha fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Komunità għal prodotti simili, u jispeċifikaw li mhumiex neċessarjament determinati għal elaborazzjoni ta' konklużjoni negattiva fuq l-inġurja.

(196) Kif hi indikat hawn taħt fil-konklużjonijiet dwar is-sitwazzjoni ekonomika ta' l-industrija tal-Komunità, il-konklużjoni ta' inġurja materjali ma kinietx biss ġustifikata bil-profitabilità mhux adegwata miksuba mill-industrija tal-Komunità imma bbażata wkoll fuq l-iżviluppi negattivi osservati għall-parti l-kbira ta' indikaturi ekonomiċi li għandhom x'jaqsmu ma' dik l-industrija: kwota tas-suq, kapaċità ta' produzzjoni, volum ta' bejgħ, prezzijiet ta' bejgħ, stokks, investimenti, tnaqqis fl-impjieg u tnaqqis sinjifikanti fil-prezzijiet minn importazzjoni sussidjata mill-pajjiżi konċernati.

(197) Fir-rigward ta' profitabilità, l-investigazzjoni preżenti wriet li t-titjib tagħha kien prinċipalment riżultat kemm tal-proċess ta' ristrutturazzjoni meħud mill-industrija tal-Komunità kif ukoll it-tnaqqis riżultattiv fil-bejgħ, fl-ispejjeż ġenerali u amministrattivi u fit-tnaqqis tal-prezzijiet ta' xiri ta' materja prima. Spejjeż ta' produzzjoni tnaqqsu b'mod aktar malajr milli naqsu l-prezzijiet tal-bejgħ, u dan ippermetta lill-industrija tal-Komunità biex tirrealizza profitti mill-1988 'il quddiem. Madankollu, kien emfasizzat li t-titjib fil-profitabilità jista' jkun biss temporanju u kwajaunkwe fatturi avversi bħal żvilupp mhux favorevoli fil-prezzijiet tal-materja prima jista' jkollu implikazzjonijiet serji għas-sitwazzjoni kurrenti.

(198) Minkejja dan, għandu jkun innotat li l-Kummissjoni ndikat fil-premessa 179 tar-Regolament dwar taxxa provviżorja li marġni ta' 10 % għandu jiżdied ma' l-ispiża totali tal-produzzjoni sabiex jinkiseb prezz mhux offensiv ta' l-industrija tal-Komunità. Konsegwentament, hu meqjus li dan il-marġni jirrappreżenta l-profitt minimu li l-industrija tal-Komunità tista' tistenna fin-nuqqas ta' importazzjoni sussidjata mill-pajjiżi konċernati.

(199) Il-konklużjoni li l-profitabilità matul l-IP mhiex adegwata, ibbażata fuq li ntqal peress li l-ebda kumment ieħor ma kien riċevut fir-rigward tal-profitabilità ta' l-industrija tal-Komunità, hi hawnhekk ikkonfermata.

(ċ) Kwota tas-suq

(200) Il-Gvern ta' Tajwan iddikjara li waħda mill-konsegwenzi ta' l-istrutturar ta' l-industrija tal-Komunità kienet l-eliminazzjoni ta' numru ta' produtturi tal-Komunità ineffiċjenti tal-PSF mis-suq komunitarju. Iddikjara wkoll li l-produtturi li fadal għalhekk mhux biss saru aktar kompetittivi minħabba l-kompetizzjoni internazzjonali imma ma ffaċċjawx telfa fil-kwota tas-suq li tista' tkun meqjusa bħala materjali.

(201) Fir-rigward ta' din id-dikjarazzjoni, għandu jkun ippreċiżat li l-iżvilupp tal-kwota tas-suq matul il-perijodu kkunsidrat kien ivvalutat konsistentament skond il-bażi ta' l-istess kumpanniji li jikkostitwixxu l-industrija tal-Komunità fil-każ preżenti. Għalhekk, kuntrarjament għad-dikjarazzjonijiet tal-Gvern ta' Tajwan, it-telf fil-kwota tas-suq (-17 %) sostnuta mill-industrija tal-Komunità bejn l-1996 u l-IP hu esklussivament ibbażat fuq id-data li għandha x'taqsam mal-kumpanniji li jikkostitwixxu l-industrija tal-Komunità. Is-suġġeriment li l-kwota tas-suq ta' l-industrija tal-Komunità tinkludi informazzjoni dwar kumpanniji li sparixxew jew irtiraw mis-suq hu għalhekk bla bażi.

(d) konklużjoni

(202) Fid-dawl ta' l-informazzjoni preċedenti u tal-fatt li l-kumulazzjoni ta' l-importazzjoni mill-Indonesja ma tiġġustifikax modifika fil-konklużjonijiet provviżorji u l-konklużjoni li l-industrija tal-Komunità sostniet inġurja materjali matul l-IP, il-kontenut tal-premessi 151 u 152 tar-Regolament dwar taxxa provviżorja fir-rigward tal-konklużjoni dwar is-sitwazzjoni ta' l-industrija tal-Komunità hu hawnhekk ikkonfermat.

E. KAWŻA

1. L-EFFETT TA' L-IMPORTAZZJONI SUSSIDJATA

(203) Kemm il-Gvern Awstraljan kif ukoll il-Gvern ta' Tajwan iddikjaraw li m'hemm l-ebda prova li l-inġurja sostnuta mill-industrija tal-Komunità kienet kawża tal-volumi limitati importati mit-Tajwan u mill-Awstralja.

(204) Il-Gvern Awstraljan iddikjara li l-kwota tas-suq ta' l-importazzjoni Awstraljana kienet wisq limitata (2 % tal-konsum) biex ikollha xi influwenza fuq il-prezzijiet tas-suq tal-Komunità. Anzi, kellhom isewgu t-tendenza tal-prezzijiet imposti mill-operaturi l-kbar fuq is-suq tal-Komunità. Għalhekk, il-Gvern Awstraljan issuġġerixxa li l-inġurja, jekk hemm, kienet ikkawżata minn importazzjoni kbira minn pajjiżi terzi oħra.

(205) B'mod simili, il-Gvern ta' Tajwan saħaq li l-kwota tas-suq ta' madwar 6 % ta' l-esportazzjoni Tajwaniża, flimkien mal-livelli baxxi tat-tnaqqis fil-prezzijiet stabbiliti għal din l-importazzjoni, ma setgħetx oġġettivament ikollha impatt fuq is-sitwazzjoni ta' l-industrija tal-Komunità li għandha kwota tas-suq ta' aktar minn 50 % tal-Komunità.

(206) Fir-rigward ta' l-argumenti mqajjma mill-Gvern Awstraljan u mill-Gvern ta' Tajwan dwar il-kwota tas-suq rispettivi tagħhom, hu mfakkar li l-importazzjoni mill-Awstralja u mit-Tajwan instabet li kienet superjuri b'mod ċar għal-livell minimu matul l-IP. B'addizzjoni, instab li ntlaħqu l-kondizzjonijiet meħtieġa għal analiżi kumulattiva. F'dawn iċ-ċirkustanzi, kummenti dwar kwota tas-suq individwali miżmuma minn pajjiżi individwali huma irrilevanti.

(207) B'addizzjoni, il-prezzijiet li bihom inbigħu fuq is-suq komunitarji l-PSF importati minn dawn il-pajjiżi kienu qed ibaxxu l-prezzijiet ta' l-industrija tal-Komunità. Għalhekk, PSF issussidjati importati mill-Awstralja u mit-Tajwan, flimkien ma' PSF issussidjati bi prezz baxx importati mill-Indonesja kellhom impatt negattiv sinjifikanti fuq is-sitwazzjoni ekonomika ta' l-industrija tal-Komunità li għadha vulnerabbli. Din il-konklużjoni hi rinfurzata mill-fatt li s-suq tal-PSF hu trasparenti u li, għalhekk, prezz divrenzali jew offerti bi prezz baxx jistgħu jġiegħu t-tnaqqis fil-prezzijiet.

(208) Konsegwentament, hu meqjus li l-Gvern Awstraljan u l-Gvern ta' Tajwan ma pprovdewx xi evidenza li tista' tikkontradixxi l-konklużjoni provviżorja li l-industrija tal-Komunità sostniet inġurja materjali bħala riżultat ta' importazzjoni ssussidjata bi prezz baxx. Għal din ir-raġuni, il-konklużjoni li importazzjoni sussidjata, meħudha waħedha, ikkawżat inġurja materjali lill-industrija tal-Komunità hi hawnhekk ikkonfermata.

2. VARJAZZJONIJIET FIL-MUNITA

(209) Il-Gvern Awstraljan iddikjara li l-Kummissjoni naqset milli tħares lejn l-effet li l-varjazzjonijiet tar-rata tal-kambju kellha fuq prezzijiet importati mill-Awstralja, waqt li speċifika li matul il-perijodu ta' investigazzjoni PSF importata mill-Awstralja bbenefikat minn apprezzament fir-rata ta' kambju.

(210) F'dan ir-rigward, għandu jkun innotat li importazzjoni minn dawn il-pajjiżi kienu ffatturati fuq is-suq komunitarju f'USD, f'DEM u f'GBP u mhux f'AUD. Il-parità tal-munita Awstraljana ma kinietx għalhekk rilevanti fid-determinazzjonijiet rilevanti.

(211) Fi kwalunkwe każ, għandu jkun ippreċiżat li l-munita Awstraljana kellha deprezzament matul l-ewwel seba' xhur ta' l-IP u sussegwentament kellha apprezzament matul il-ħames xhur ta' wara, kif imqabbel mal-parità tagħha tal-ECU/EUR ta' l-ewwel xahar ta' l-IP. Konsegwentament, ma kien hemm l-ebda tendenza għat-tnaqqis fil-munita Awstraljana matul il-perijodu ta' investigazzjoni.

3. KONKLUŻJONI

(212) Meta wieħed jikkunsidra li l-ebda argument ieħor ma kien riċevut fir-rigward tal-kawża ta' l-inġurja sostnuta mill-industrija tal-Komunità, il-konklużjoni li l-importazzjoni sussidjata, meħudha waħedha, ikkawżat inġurja lill-industrija tal-Komunità, kif imniżżel fil-premessa 168 tar-Regolament dwar taxxa provviżorja, hi hawnhekk ikkonfermata.

F. INTERESS TAL-KOMUNITÀ

1. INTERESS TA' L-INDUSTRIJA TAL-KOMUNITÀ

(213) Peress li l-ebda kumment ma kien riċevut rigward il-kwistjonijiet preċedenti, il-konklużjonijiet dwar l-interess ta' l-industrija tal-Komunità iċċitati fil-premessa 170 tar-Regolament dwar taxxa provviżorja huma hawnhekk ikkonfermati.

2. IMPATT FUQ L-UTENTI

(214) Wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament provviżorju, numru ta' utenti u importaturi ssottomettew il-kummenti tagħhom bil-miktub. Barra dan, assoċjazzjoni waħda ta' l-utenti rreaġġixxiet għar-Regolament dwar taxxa provviżorja u staqsiet għal u ngħatatielha seduta quddiem il-Kummissjoni.

(215) Irid ikun ippreċiżat li l-maġġoranza ta' l-utenti u l-importaturi preċedenti jew ma identifikawx lilhom infushom sal-ħin determinat stabbilit fin-notifika tal-bidu tal-proċeduri, jew ma rrispondewx għall-kwistjonarju mibgħut lilhom mill-Kummissjoni. Konsegwentament, il-maġġoranza tagħhom ma jistgħux ikunu kkunsidrati bħala partijiet interessati skond l-Artikolu 31(2) tar-Regolament bażiku u l-ħsibijiet tagħhom m'għandhomx jiġu kkunsidrati f'dan l-istadju tal-proċeduri.

(216) B'addizzjoni, kif intqal fil-premessa 171 tar-Regolament provviżorju, il-livell baxx totali tal-koperazzjoni fl-investigazzjoni dwar l-interess tal-Komunità ifisser li l-valutazzjoni ta' l-impatt tal-miżuri fuq l-attivitajiet ta' l-utenti u l-importaturi kienet iddeterminata skond l-informazzjoni disponibbli.

(217) Is-sottomissjonijiet magħmula mill-partijiet interessati ġew eżaminati u kien konkluż li l-argument prinċipali tagħhom kien li l-imposizzjoni ta' taxxi kompensatorji se jkollha effetti negattivi fuq il-kompetitività għall-prodotti derivati u jheddu, fl-aħħar, is-sopravivenza tagħhom fuq is-suq komunitarju tal-PSF. Fil-fatt, l-imposizzjoni ta' dazji tista, bħala l-ewwel pass, tkun il-kawża ta' żjieda fil-prezzijiet tal-PSF mill-pajjiżi kkonċernati, li jġiegħlu lill-utenti komunitarji tal-PSF biex iżidu l-prezzijiet tal-prodotti derivati. Fl-opinjoni tagħhom, dan l-iżvilupp jista' jkun il-kawża taż-żjieda fl-importazzjoni ta' prodotti derivati pprezzati baxx minn pajjiżi terzi oħra u mill-pajjiżi kkonċernati f'din l-investigazzjoni.

(218) Fid-dawl tal-kontenut tal-premessi 171 u 172 tar-Regolament provviżorju, l-investigazzjoni wriet li ċerti utenti bidlu milli jixtru PSF esklussivament mill-industrija tal-Komunità għal li jixtru PSF esklussivament mill-pajjiżi konċernati. Hu għalhekk ikkunsidrat li, jekk l-ebda miżuri ma jittieħdu biex jiġu korreġuti l-effeti mgħawwġa kkawżati mill-presenza ta' importazzjoni sussidjata ta' PSF bi prezz baxx, din is-sitwazzjoni se tiżdied u s-suq totali se jsofri fil-futur imbiegħed: l-ewwel nett, minħabba li numru ta' produtturi komunitarji se jisparixxi u jwassal għal kompetizzjoni mnaqqsa fuq is-suq tal-Komunità; it-tieni nett, minħabba li dan jinkoraġġixxi aktar PSF issussidjati bi prezz baxx biex jidħlu fis-suq tal-Komunità, li jpoġġu lil dawn l-importaturi f'sitwazzjoni kompetittiva aktar favorevoli meta mqabbla ma' dawk l-utenti li jużaw sorsi oħra ta' provvista. Konsegwentament, hu meqjus li l-interess ta' l-operaturi kollha fis-suq tal-Komunità jeħtieġ l-eżistenza ta' kompetizzjoni kummerċjali effettiva u għalhekk l-imposizzjoni ta' miżuri kompensatorji kontra l-importazzjoni sussidjata ta' PSF.

(219) F'kwalunkwe każ, l-informazzjoni disponibbli fuq l-istruttura ta' l-ispiża ta' l-industrija ta' l-utenti, il-livell tal-miżuri proposti u l-kwota bejn l-importazzjoni sussidjata u s-sorsi l-oħra ta' provvista jindikaw li:

- PSF jista' jirrappreżenta bejn 25 % u 45 % ta' l-ispiża totali tal-produzzjoni għall-utenti ta' prodotti derivati,

- it-taxxa kompensatorja medja hi ta' madwar 3 % għall-pajjiżi kkonċernati,

- is-sehem ta' importazzjoni sussidjata hu ta' 12 % tal-konsum totali tal-PSF.

Il-miżuri proposti jista' jkollhom l-impatt li jżidu l-ispiża tal-produzzjoni għall-utenti b'bejn 0.1 % sa' massimu ta' 0.16 %. Din iż-żjieda hi meqjusa irrilevanti meta mqabbla ma' l-impatt posittiv tal-miżuri proposti għar-ristabbiliment ta' kompetizzjoni effettiva fuq is-suq tal-Komunità.

(220) Konsegwentament, il-konklużjoni tal-premessa 172 tar-Regolament dwar taxxa provviżorja li l-impatt tal-miżuri proposti fuq il-profitabilità ta' l-utenti u s-sopravivenza fuq is-suq se tkun limitata hi hawnhekk ikkonfermata.

3. KONKLUŻJONI

(221) L-argumenti l-ġodda riċevuti fir-rigward tad-determinazzjoni ta' l-interessi tal-Komunità mhumiex ikkunsidrati bħala li huma tali li jbidlu l-konklużjoni li l-ebda raġuni kompulsiva ma teżisti kontra l-imposizzjoni tal-miżuri kompensatorji. Il-konklużjonijiet provviżorji huma għalhekk ikkonfermati.

Ġ. DAZJI DEFINITTIVI

(222) Fuq il-bażi tal-konklużjonijiet milħuqa fir-rigward ta' sussidji, inġurja, kawża u interessi tal-Komunità, hu meqjus li miżuri kompensatorji definittivi għandhom jittieħdu sabiex jostakolaw milli jiġu kkawżati aktar offiżi lill-industrija tal-Komunità permezz ta' importazzjoni sussidjata mill-Awstralja, mill-Indonesja u mit-Tajwan.

1. LIVELL TA' ELIMINAZZJONI TA' OFFIŻA

(223) Kif spjegat fil-premessa 179 tar-Regolament dwar taxxa provviżorja, livell ta' prezzijiet li ma jkunx ta' inġurja kien determinat biex ikopri l-ispiża tal-produzzjoni ta' l-industrija tal-Komunità u l-profitt raġonevoli li jinkiseb fin-nuqqas ta' importazzjoni sussidjata mill-pajjiżi konċernati.

2. FORMA U LIVELL TAD-DAZJU

(224) Skond l-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku r-rati ta' taxxa kompensatorja jikkorrespondu għal marġni ta' sussidju, peress li l-marġni ta' inġurja nstabu li kienu superjuri għall-esportaturi kollha fil-pajjiżi kkonċernati.

(a) Awstralja

(225) Dan wassal għar-rati ta' taxxa kompensatorja li ġejjin għall-produttur esportatur li jikkopera fl-Awstralja:

Kumpannija | Marġni ta' sussidju għall-esportazzjoni | Marġni ta' sussidju totali | Rata ta' taxxa kompensatorja proposta |

Leading Synthetics | 6.0 % | 6.0 % | 6.0 % |

Kumpanniji oħra | 6.0 % | 6.0 % | 6.0 % |

(226) Meta wieħed jikkunsidra li l-livell għoli ta' koperazzjoni, li tkopri prattikament l-importazzjoni kollha tal-prodott ikkonċernat li joriġina fl-Awstralja, kien ikkunsidrat bħala xieraq li tkun stabbilita rata ta' dazju residwa fl-istess rata ta' l-għola rata li kienet stabbilita mill-kumpannija li tikkopera, fi kliem ieħor 6.0 %.

(b) Indonesja

(227) Meta wieħed jikkunsidra l-livell għoli ta' nuqqas ta' koperazzjoni fl-Indonesja, li kienet iddeterminata li hi superjuri għal 30 %, kien ikkunsidrat xieraq li jkun applikat metodu li jevita milli jawtorizza

bonus

għal nuqqas ta' koperazzjoni. Għalhekk, ir-rata ta' dazju għall-kumpanniji li ma kkoperawx kienet stabbilita skond il-bażi tal-fatti disponibbli skond l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, fi kliem ieħor bħala10 %.

Kumpannija | Marġni ta' sussidju għall-esportazzjoni | Marġni ta' sussidju totali | Rata ta' taxxa kompensatorja proposta |

PT. Indorama Synthetics TbK | 1.4 % | 1.4 % | 0 % |

PT. Panasia Indosyntec TbK | 0 % | 0 % | 0 % |

PT. Susila Indah Synthetic Fiber Industries | 0 % | 0 % | 0 % |

PT. GT Petrochem Industries TbK | 0.4 % | 0.4 % | 0 % |

PT. Teijin Indonesia Fiber Corporation | 0.4 % | 0.4 % | 0 % |

Kumpanniji oħra | 5 % | 10 % | 10 % |

(ċ) Tajwan

(228) Hu mfakkar li l-miżuri

anti-dumping

huma diġà fis-seħħ fir-rigward ta' importazzjoni ta' PSF li joriġinaw fit-Tajwan. Madankollu, is-sussidji misjuba f'din l-investigazzjoni mhumiex sussidji għall-esportazzjoni u huma għalhekk ikkunsidrati bħala li m'għandhomx effett fuq il-prezz għall-esportazzjoni u fuq il-marġni korrespondenti ta'

dumping

. Konsegwentament, taxxi kompensatorji jistgħu jiġu imposti f'kumulazzjoni mal-miżuri eżistenti ta'

anti-dumping

. Għalhekk, dan iwassal għar-rati ta' dazji kompensatorji li ġejjin għall-produtturi esportaturi li kkoperaw fit-Tajwan:

Kumpannija | Marġni ta' sussidju għall-esportazzjoni | Marġni ta' sussidju totali | Rata ta' taxxa kompensatorja proposta |

Nan Ya Plastics Corp. | 0 % | 1.5 % | 1.5 % |

Far Eastern Textile Ltd | 0 % | 1.0 % | 1.0 % |

Shinkong Synthetic Fibres Corp. | 0 % | 0 % | 0 % |

Tuntex Distinct Corp. | 0 % | 0 % | 0 % |

Kumpanniji oħra | 0 % | 1.5 % | 1.5 % |

(229) Meta wieħed jikkunsidra l-livell għoli ta' koperazzjoni, li kopra prattikament l-importazzjoni kollha fil-Komunità tal-prodott ikkonċernat li joriġina fit-Tajwan, kien ikkunsidrat xieraq li tkun stabbilita rata ta' dazju residwa fl-istess rata ta' l-ogħla rata li hi stabbilita għall-kumpanniji li kkoperaw fi kliem ieħor 1.5 %.

(230) Ir-rati ta' dazji kompensatorji għall-kumpannija individwali speċifikata f'dan ir-Regolament kienu stabbiliti skond il-bażi tal-konklużjonijiet ta' l-investigazzjoni preżenti. Għalhekk jirriflettu s-sitwazzjoni misjuba matul dik l-investigazzjoni fir-rigward ta' dawn il-kumpanniji. Dawn ir-rati ta' dazju (kuntrarji għad-dazju nazzjonali applikabbli għall-"kumpanniji kollha l-oħra") huma għalhekk applikabbli esklussivament għall-importazzjoni ta' prodotti li joriġinaw fil-pajjiż ikkonċernat u prodotti mill-kumpanniji u għalhekk mill-entitajiet legali speċifikati msemmija. Prodotti importati prodotti minn kwalunkwe kumpannija oħra mhux speċifikament imsemmija fil-parti operattiva ta' dan ir-Regolament bl-isem u l-indirizz tagħha, inkluż entitajiet relatati ma' dawk speċifikament imsemmija, ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn ir-rati u għandhom ikunu suġġetti għar-rata ta' dazju applikabbli għall-"kumpanniji kollha l-oħra".

(231) Kwalunkwe talba għall-applikazzjoni tar-rati individwali tat-taxxa kompensatorja għal dawn il-kumpanniji (eż. wara bidla fl-isem ta' l-intrapriża jew wara l-istabbiliment ta' prodott ġdid jew ta' entitajiet ġodda ta' bejgħ) għandha tkun indirizzata lill-Kummissjoni [4] minnufih bl-informazzjoni kollha rilevanti, b'mod partikolari kwalunkwe modifika fl-attivitajiet tal-kumpannija marbuta mal-produzzjoni, ma' bejgħ nazzjonali jew għall-esportazzjoni assoċjati ma', per eżempju, dik il-bidla fl-isem jew dik il-bidla fl-entitajiet ta' produzzjoni jew ta' bejgħ. Wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, il-Kummissjoni, jekk xieraq, se temenda ir-Regolament billi taġġorna l-lista ta' kumpanniji li jibbenefikaw mir-rati ta' dazji individwali.

H. ĠBIR TAD-DAZJU PROVVIŻORJU

(232) B'kunsiderazzjoni tal-kobor tas-sussidji kompensatorji misjuba fil-produtturi esportaturi, u fid-dawl tas-serjetà ta' l-inġurja kkawżata lill-industrija tal-Komunità, hu meqjus neċessarju li l-ammonti ddpeożitati b'titolu tad-dazju kompensatorju provviżorju skond ir-Regolament (KE) Nru. 123/2000 jinġabru definittivament sal-limitu ta' l-ammont ta' dazji definittivi imposti,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. Taxxa kompensatorja definittiva hi hawnhekk imposta fuq importazzjoni ta' fibri sintetiċi ta' poliester mhux maħduma, mhux mimxuta, lanqas ippetnati jew ipproċessati mod ieħor għal dawran, li jaqgħu taħt il-kodiċi NK 55032000, u li joriġinaw fl-Awstralja, fl-Indonesja u fit-Tajwan.

2. Ir-rata ta' dazju applikabbli għall-prezz nett frank fil-fruntiera komunitarja, qabel id-dazju, għall-prodotti prodotti mill-kumpanniji indikati għandha tkun kif ġej għall-prodotti li joriġinaw:

(1) fl-Awstralja

Kumpannija | Rata ta' dazju (%) | Kodiċi addizzjonali TARIC |

Leading Synthetics Pty Ltd, Melbourne, Victoria | 6.0 | A059 |

Il-kumpanniji kollha l-oħra Awstraljani | 6.0 | A999 |

(2) fl-Indonesja

Kumpannija | Rata ta' dazju (%) | Kodiċi addizzjonali TARIC |

PT. Indorama Synthetics TbK Graha Irama, 17th Floor Jl. H. R. Rasuna Said Blok X-1 Kav. 1-2 Kaxxa Postali 3375 Jakarta 12950 | 0 | A051 |

PT. Panasia Indosyntec TbK Jl. Garuda 153/74 Bandung 40184 | 0 | A052 |

PT. Susilia Indah Synthetic Fiber Industries Jl. Kh. Zainul Arifin Kompleks Ketapang Indah Blok B 1 n. 23 Jakarta 11140 | 0 | A054 |

PT. GT Petrochem Industries TbK Exim Melati Building, 9th floor Jl. M.H. Thamrin Kav. 8-9 Jakarta 10230 | 0 | A053 |

PT. Teijin Indonesian Fiber Corporation TbK 5th floor Mid Plaza 1 Jl. Jend. Sudiman Kav. 10-11 Jakarta 10220 | 0 | A055 |

Il-kumpanniji kollha l-oħra | 10 | A999 |

(3) fit-Tajwan

Kumpannija | Rata ta' dazju (%) | Kodiċi addizzjonali TARIC |

Nan Ya Plastics Corp.,201 Tung Kwa N.Road,Taipei | 1.5 | 8193 |

Far Eastern Textile Ltd,33rd Floor, no 207 Tun-Hwa South Road, Sec. 2,Taipei | 1.0 | 8192 |

Shinkong Synthetic Fibres Corp.,7, 8th Floor, 123 Sec. 2, Nanking E. Road,Taipei | 0 | 8194 |

Tuntex Distinct Corp.,15th Floor, no 376, Sec. 4, Jen Ai road,Taipei | 0 | A063 |

Il-kumpanniji kollha l-oħra | 1.5 | 8195 |

3. Sakemm mhux speċifikat mod ieħor għandhom japplikaw id-disposizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji tad-dwana.

Artikolu 2

1. L-ammonti ddepożitati b'titlu tad-dazju kompensatorju provviżorju fuq l-importazzjoni li toriġina fl-Awstralja u fit-Tajwan skond ir-Regolament (KE) Nru. 123/2000 għandhom jinġabru bir-rata tad-dazju definittivament imposta minn dan ir-Regolament. L-ammonti ddepożitati li jaqbżu r-rata ta' dazju kompensatorja definittiva għandhom jiġu meħlusa.

2. Id-disposizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(3) għandhom japplikaw ukoll għall-kollezzjoni definittiva ta' l-ammonti ddepożitati b'titlu tat-taxxi kompensatorji provviżorji.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-8 ta' Mejju 2000.

F'isem il-Kunsill

Il-President

J. Pina Moura

[1] ĠU L 288, tal-21.10.97, p. 1.

[2] ĠU L 16, tal-21.01.00, p. 3.

[3] ĠU L 16, tal-21.01.00, p. 30.

[4] Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali għal Kummerċ, Direttorat C, DEM 24 - 8/38, Rue de la Loi/Wetstraat 200, B

--------------------------------------------------