Official Journal L 095 , 15/04/2000 P. 0024 - 0029
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 790/2000 ta’ l-14 ta’ April 2000 li jippreskrivi l-istandard għall-marketing tat-tadam IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96 tat-28 ta’ Ottubru 1996 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-frott u l-ħaxix ta’ l-ikel [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1257/1999 [2], u partikolarment l-Artikolu 2(2) tiegħu, Billi: (1) It-tadam huwa fost il-prodotti mniżżla fil-lista fl-Anness I mar-Regolament (KE) Nru 2200/96 li għalih iridu jiġu adotti standards. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 778/83 li jippreskrivi standards ta’ kwalità għat-tadam [3], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2522/97 [4], ġie emendat spiss u ma jistax jiżgura ċ-ċarezza legali. (2) Ir-regoli għandhom għalhekk jiġu abbozzati mill-ġdid, u r-Regolament (KEE) Nru 778/83 għandu jitħassar. Għal dan l-iskop u fl-interess li tiġi priservata t-trasparenza fis-suq dinji, għandu jitqies l-istandard għat-tadam rakkommandat mill-Grupp tax-Xogħol tan-ĠM/ECE dwar l-istandardizzazzjoni u l-kwalità tal-prodotti li jitħassru malajr. (3) Għandu wkoll jiġi speċifikat illi t-tadam miż-żgħir ("cherry") (inkluż it-tadam tal-cocktail-ijiet) jagħmlu r-raba’ tip kummerċjali separat mit-tlieta li kienu identifikati qabel (tadam mit-tond, tadam miċ-ċatt (bil-flieli) u tadam tawwali/bżenguli). Il-għamliet differenti aċċettabbli tal-preżentazzjoni kummerċjali speċifika għat-tadam għandhom ikunu dettaljati wkoll Barra minn hekk, l-evoluzzjoni tas-suq fit-tadam frisk tiddependi mill-kwalità organolettika ta’ dan il-prodott li, partikolarment fl-istadju tal-bejgħ bl-imnut, jista’ jvarja ħafna. Il-kummerċ għandu għalhekk jitħalla li jindika fuq il-pakkeġġi l-valuri minimi u massimi għall-kriterji essenzali għall-maturità (tal-prodott) sabiex iħallu lill-konsumaturi l-liberta tal-għażla fix-xiri tal-frott tal-kwalità organolettika li jkunu jeħtieġu. (4) L-applikazzjoni ta’ dawn l-istandards għandhom jirriżultaw f’li l-prodotti ta’ kwalità mhux sodisfaċenti jitneħħew mis-suq, f’li jġibu l-produzzjoni spalla ma’ spalla mal-ħtiġiet tal-konsumaturi u jiffaċilitaw ir-relazzjonijiet kummerċjali bażati fuq il-kompetizzjoni ġusta, biex b’hekk jgħinu t-titjib fil-qligħ tal-flus mill-produzzjoni. (5) Il-livelli stabiliti huma applikabbli għall-istadji kollha tal-marketing. Il-ġarr fuq distanzi twal, il-ħażna għal ċertu tul taż-żmien jew it-tqandil bl-idejn jistgħu iwasslu għal deterjorazzjoni minħabba l-iżvilupp bijoloġiku tal-prodotti jew ix-xejra tagħhom li jinqerdu. Għandha tkun ikkunsidrata din id-deterjorazzjoni meta jiġu applikati l-istandards fl-istadji tal-marketing li jiġu wara d-dispaċċ. Ġaladarba l-prodotti fil-klassi "Extra" jridu jingħażlu u jiġu pakkjati b’kura partikolari, in-nuqqas tal-freskezza u tan-nefħa biss iridu jitqiesu fil-każ tagħhom. (6) Il-miżuri provduti f’dan ir-Regolament huma b’mod konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat tat-Tmexxija tal-Frott frisk u l-Ħaxix, ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 L-istandard għall-marketing tat-tadam li jidħol fil-kodiċi tan-NM 07020000 għandu jkun kif dikjarat fl-Anness. Dan l-istandard għandu japplika fl-istadji kollha tal-marketing, skond il-kondizzjonijiet preskritti fir-Regolament (KE) Nru 2200/96. Iżda, fl-istadji ta’ wara d-dispaċċ, il-prodotti jistgħu juru fejn għandu x’jaqsam mad-dispożizzjonijiet tal-livell sabbilit: - nuqqas ħafif ta’ freskezza u tan-nefħa, - għall-prodotti gradati fi klassijiet oħra għajr il-klassi "Extra" class, deterjorazzjini ħafifa minħabba l-iżvilupp u x-xejra tagħhom li jinqerdu. Artikolu 2 Ir-Regolament (KE) Nru 778/83 huwa b’dan imħassar. Artikolu 3 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Għandu jibda japplika fl-ewwel jum tat-tielet xahar wara li jidħol fis-seħħ. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, fl-14 ta’ April 2000. Għall-Kummissjoni Franz Fischler Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 297, tal-21.11.1996, p. 1. [2] ĠU L 160, tas-26.6.1999, p. 80. [3] ĠU L 86, tal-31.3.1983, p. 14. [4] ĠU L 346, tas-17.12.1997, p. 44. -------------------------------------------------- L-ANNESS STANDARD GĦAT-TADAM I. DEFINIZZJONI TAL-PRODOTT Dan l-istandard japplika għat-tadam tal-varjetajiet (varjetajiet imnissla mill-kultivazzjoni) imkabbra mill-Lycopersicon lycopersicum (L.) Karsten ex Farw./Lycopersicon esculentum Mill. li jridu jiġu forniti friski lill-konsumatur, bl-esklużjoni tat-tadam għall-proċessar industrijali. It-tadam jista’ jiġi kklassifikat f’erba’ tipi kummerċjali: - "tond", - ċatt (bil-flieli), - "bżenguli" jew "tawwali", - tadam taċ-"cherry" (miż-żgħir) (inkluż it-tadam għall-cocktail-ijiet. II. DISPOSIZZJONIJIET LI JIRRIGWARDAW IL-KWALITÀ Il-għan ta’ l-istandard huwa li jiddefinixxi l-ħtiġiet ta’ kwalità tat-tadam wara t-tħejjija u l-ippakkjar. A. Ħtiġiet minimi Fil-klassijiet kollha, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċjali għal kull klassi u t-tolleranzi permessi, it-tadam irid ikun: - mhux mittiefes, - b’saħħtu; għandu jiġi eskluż il-prodott mittiefes bit-tinwir jew bid-deterjorazzjoni hekk li ma jkunx tajjeb għall-konsum, - nadif, prattikament ħieles għal kollox minn kull materjal barrani li jidher, - frisk fid-dehra, - prattikament ħieles mid-dud u l-insetti qerrieda, - prattikament ħieles mill-ħsara kawżata mid-dud u l-insetti qerrieda, - ħieles mill-umdità fuq barra iktar mis-soltu, - ħieles minn kull riħa u/jew togħma barranija. Fil-każ tat-tadam fl-għenieqed, iz-zkuk iridu jkunu friski, b’saħħithom, nodfa u ħielsa mill-weraq kollha u minn kull materjal barrani li jidher. L-iżvilupp u l-kondizzjoni tat-tadam iridu jkunu hekk li jgħinuh: - jiflaħ għall-ġarr u t-tqandil bl-idejn, u - jasal f’kondizzjoni sodisfaċenti fil-post tad-destinazzjoni. B. Klassifika It-tadam huwa klassifikat fi tliet kategoriji kif definiti hawn taħt: (i) il-Klassi "Extra" It-tadam ta’ din il-klassi irid ikun ta’ kwalità superjuri. Irid ikollu laħam qawwi u jrid ikun karatteristiku tal-varjeàt rigward il-għamla, id-dehra u l-iżvilupp. Il-kulur tiegħu, skond l-istat ta’ maturità jrid ikun hekk li jissodisfa l-ħtiġiet dikjarati fl-aħħar subparagrafu tal-paragrafu A ta’ hawn fuq. Irid ikun ħieles mid-dawra ħadra mal-għerq ("greenbacks") u minn kull difett ieħor, għajr difetti superfiċjali ħfief ħafna, iżda dawn ma għandhomx jaffettwaw id-dehra ġenerali tal-prodott, il-kwalità, iż-żamma tal-kwalità u l-preżentazzjoni fil-pakkeġġ. (ii) Il-Klassi I It-tadam ta’ din il-klassi irid ikun ta’ kwalità tajba. Irid ikun raġjonevolment sod u karatteristiku tal-varjetà Irid ikun ħieles mix-xquq u d-dwawar ħodor mal-għerq li jidhru. Id-difetti ħfief li ġejjin jistgħu, madankollu, jiġu permessi, iżda dawn ma għandhomx affettwaw id-dehra ġenerali tal-prodott, il-kwalità, iż-żamma tal-kwalità u l-preżentazzjoni fil-pakkeġġ: - difett ħafif fil-għamla u fl-iżvilupp, - difett ħafif fil-kulur, - difetti ħfief fil-qoxra, - brix ħafif ħafna. Barra minn hekk, it-tadam miċ-ċatt (bil-flieli) jista’ juri: - xquq mejta ta’ mhux iktar minn 1 cm fit-tul, - mingħajr protuberanzi eċċessivi, - b’żokra żgħira u mingħajr tapp (nixfa bħal sufra), - it-tapp (nixfa bħal sufra) ma’ l-istigma sa 1 ċm2, - barxa sabiħa tal-fjura f’għamla tawwalija (bħal ħjata), imma mhux itwal minn tnejn minn tlieta ta’ l-ikbar dijametru tal-frotta. (iii) Il-Klassi II Din il-klassi tinkludi t-tadam li ma jikkwalifikax sabiex jidħol fil-klassijiet ogħla, imma jissodisfa l-ħtiġiet minimi speċifikati hawn fuq. Irid ikun raġjonevolment sod (imma jista’ jkun ftit li xejn inqas sod minn tal-Klassi I) u ma jridx juri xquq mhux niexfa. Jistgħu jitħallew id-difetti li ġejjin, basta iżda illi t-tadam iżomm il-karatteristiċi essenzali tiegħu rigward il-kwalità, iż-żamma tal-kwalità u l-preżentazzjoni: - difetti fil-għamla, fl-iżilupp u fil-kulur, - defetti jew brix fil-qoxra, iżda l-frott ma għandux ikun affettwat serjament, - xquq niexfa ta’ mhux iktar minn 3 ċm fit-tul. Barra minn hekk, it-tadam miċ-ċatt (bil-flieli) jista’ juri: - protuberanzi iktar qawwija minn dawk permessi għall-Klassi I, imma mingħajr ma’ jitilfu l-għamla tagħhom, - żokra, - it-tapp (nixfa bħal sufra) ta’ l-istigma sa 2 ċm2, - barxa sabiħa tal-fjura f’għamla tawwalija (bħal ħjata). III. DISPOSIZZJONIJIET LI JIRRIGWARDAW ID-DAQS Id-daqs jiġi stabbilit skond id-dijametru massimu tat-taqsima ekwatorjali. Id-dispożizzjonijiet li ġejjin ma japplikawx għat-tadam taċ-"cherry". A. Daqs minimu Għat-tadam klassifikat bħala tal-Klassi Extra u tal-Klassijiet I u II, id-daqs minimu huwa stabbilit hekk: - 35 mm għat-tadam mit-tond u miċ-ċatt (bil-flieli), - 30 mm għat-tadam tawwali/bżenguli. B. Skala tal-għoti tad-daqs It-tadam għandu jkun gradat skond l-iskala tal-għoti tad-daqs li ġejja: - tat-30 mm u iktar imma taħt il-35 mm [1], - tal-35 mm u iktar imma taħt l-40 mm, - ta’ l-40 mm u iktar imma taħt is-47 mm, - tas-47 mm u iktar imma taħt is-57 mm, - tas-57 mm u iktar imma taħt is-67 mm, - tas-67 mm u iktar imma taħt it-82 mm, - tat-82 mm u iktar imma taħt il-102 mm, - tal-102 mm u fuqhom. L-osservanza ta’ l-iskala tal-għoti tad-daqs hija obbligatorja għat-tadam tal-Klassi "Extra" u tal-Klassi I. L-iskala tal-għoti tad-daqs ma tapplikax għat-tadam f’għenieqed. IV. DISPOSIZZJONIJIET RIGWARD IT-TOLLERANZI Għandhom jiġu permessi tolleranzi għall-kwalità u għad-daqs f’kull pakkeġġ għall-prodott li ma jissodisfax il-ħtiġiet tal-klassi indikata. A. Tolleranzi tal-kwalità (i) Il-Klassi ‘Extra’ - 5 % skond in-numru jew l-użin tat-tadam li ma jissodisfax il-ħtiġiet tal-klassi imma jilħaq dawk tal-Klassi I jew, eċċezzjonalment, jidħol fit-tolleranzi għal din il-klassi. (ii) Il-Klassi I - 10 % skond in-numru jew l-użin tat-tadam li ma jissodisfax il-ħtiġiet tal-klassi imma jilħaq dawk tal-Klassi II jew, eċċezzjonalmwent, jidħol fit-tolleranzi għal din il-klassi. - Fil-klassi tat-tadam fl-għenieqed, 5 % skond in-numru jew l-użin tat-tadam maqtugħ miz-zokk. (iii) Il-Klassi II - 10 % skond in-numru jew l-użin tat-tadam li ma jissodisfax il-ħtiġiet tal-klassi u lanqas il-ħtiġiet minimi, għajr il-prodott affettwat mit-tinwir, markat bil-brix jew kull deterjorazzjoni li jirrenduh mhux tajjeb għall-konsum. - Fil-każ tat-tadam fl-għenieqed, 10 % skond in-numru jew l-użin tat-tadam maqtugħ miz-zokk. B. Tolleranzi rigward id-daqs Għall-klassijiet kollha: 10 % skond in-numru jew l-użin tat-tadam li jikkonforma mad-daqs immedjatament ikbar jew iżgħar minn dak speċifikat b’minimu ta’ 33mm għat-tadam mit-tond u miċ-ċatt (bil-flieli) u 28 mm għat-tadam bżenguli/tawwali. V. DISPOSIZZJONIJIET LI JIRRIGWARDAW IL-PREŻENTAZZJONI A. L-uniformità Il-kontenut ta’ kull pakkeġġ irid ikun indaqs u jkun fih biss tadam ta’ l-istess oriġini, varjetà jew tip kummerċjali, kwalità u daqs (jekk ikun ittieħed id-daqs tiegħu). Is-sajran u l-kulur tat-tadam tal-Klassi "Extra" u tal-Klassi I iridu jkunu prattikament uniformi. Barra dan, it-tul tat-tadam bżenguli/tawwali jrid ikun suffiċjentement uniformi. Il-parti li tidher tal-kontenut tal-pakkeġġ trid ikun rappreżentattiva tal-kontenut kollu. B. Il-pakkjar It-tadam irid ikun pakkjat f’tali mod illi jipproteġi l-prodott kif jixraq. Il-materjal użat ġewwa l-pakkeġġ irid ikun ġdid, nadif u ta’ kwalità hekk li jevita li jikkawża kull ħsara fuq barra jew fuq ġewwa lill-prodott. Huwa permess l-użu tal-materjali, partikolarment karta jew bolli, li jġorru speċifikazzjonijiet kummerċjali, iżda l-istampar jew l-ittikkettjar għandhom isiru b’kolla jew b’linka mhux tossiċi. Il-pakkeġġi jridu jkunu ħielsa minn kull materjal barrani. Ċ. Il-preżentazzjoni It-tadam jista’ jiġi preżentat kif ġej: (i) bħala frott singolu, bil-buttun ("calyx") u zokk qasir jew mingħarhom; (ii) bħala għenieqed tat-tadam, jiġifieri jiġi preżentat bħala fjoritura waħda jew parti minnha, li kull fjoritura jew parti minnha jkun fiha mill-inqas in-numru li ġej ta’ frott: - tliet frottiet (żewġ frottiet fil-waqt ta’ qabel il-pakkjar) jew - fil-każ ta’ għenieqed tat-tadam taċ-"cherry"’, sitt frottiet (erba’ frottiet fil-waqt ta’ qabel il-pakkjar). VI. DISPOSIZZJONIJIET LI JIRRIGWARDAW IL-GĦOTI TAL-MARKA Kull pakkeġġ irid iġib il-partikolarijatjiet li ġejjin f’ittri mniżżla fi grupp fuq l-istess naħa, stampati li jinqraw u li ma jitħassrux u jidhru minn fuq barra: A. L-identifikazzjoni Min ippakkja u/jew min iddispaċċja: L-isem u l-indirizz jew il-marka tal-kodiċi maħruġa jew aċċettata uffiċjalment. Iżda, fejn tiġi wżata l-marka tal-kodiċi, il-kliem "pakkjat minn u/jew dispaċċjat minn" (jew taqsira ekwivalenti) iridu jiġu indikati qrib il-marka tal-kodiċi. B. In-natura tal-prodott - "tadam" jew "għenieqed tat-tadam/tadam fl-għanqud" u t-tip kummerċjali jekk il-kontenuti ma jkunux jidhru minn fuq barra. Dawn id-dettalji jridu dejjem jinġiebu għat-tadam taċ-"cherry" (jew tal-cocktail-ijietl), sewwa jekk ikun f’għenieqed u sewwa jekk le. - l-isem tal-varjetà (fakoltattiva). Ċ. L-oriġini tal-prodott - il-pajjiż ta’ l-oriġini u, b’għażla, id-distrett fejn imkabbar, jew l-isem tal-post lokali, reġjonali jew nazzjonali. D. L-ispeċifikazzjonijiet kummerċjali - il-klassi - id-daqs espress bħala dijametri minimi u massimi (jekk mogħtija d-daqs) jew l-espressjoni "mhux mogħti daqs" fejn jixraq. - il-kontenut minimu ta’ zokkor, imkejjel b’refrattometru u espress fi gradi Brix (fakoltattiva). E. Il-marka uffiċjali tal-kontroll (fakoltattiva) [1] Għat-tadam żenguli/tawwali biss. --------------------------------------------------