Official Journal L 006 , 11/01/2000 P. 0013 - 0014
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 49/2000 ta' l-10 ta' Jannar 2000 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1139/98 li jirrigwarda l-indikazzjoni obbligatorja fuq it-tikkettjar ta' ċerti oġġetti ta' l-ikel prodotti mill-organiżmi mmodifikati ġenetikament ta' partikolaritajiet oħra għajr dawk li hemm provvediment għalihom fid-Direttiva 79/112/KEE IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 79/112/KEE tat-18 ta' Diċembru 1978 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mat-tikkettjar, il-preżentazzjoni u r-reklamar ta' oġġetti ta' l-ikel [1], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 97/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [2], u b'mod partikolari l-Artikolu 4(2) tagħha, Billi: (1) ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1139/98 [3] stabbilixxa l-indikazzjoni obbligatorja dwar it-tikkettjar ta' l-ikel u ta' l-ingredjenti ta' l-ikel prodotti mis-soya mmodifikata ġenetikament (Glycene max L.) koperta bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/281/KE [4] u l-qamħirrum ġenetikament immodifikat (Zea mays L.) koperti bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/98/KE [5], ta' partikolaritajiet oħra għajr dawk ipprovduti fid-Direttiva 79/112/KEE; (2) ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1139/98 irrikonoxxa illi ma tistax tiġi eskluża l-kontaminazzjoni aċċidentali ta' l-oġġetti ta' l-ikel mid-DNA jew mill-proteini li jirriżultaw mill-modifika ġenetika; (3) konsegwentement, il-Kunsill, mal-mument li fih adotta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1139/98, stieden lill-Kummissjoni sabiex tistudja kemm ikun prattiku li jiġu stabbiliti l-limiti de minimis għall-preżenza tad-DNA jew tal-proteina li jirriżultaw mill-modifika ġenetika sabiex tiġi kkunsidrata l-problema tal-kontaminazzjoni aċċidentali; (4) minkejja l-fatt illi wħud mill-operaturi jevitaw li jużaw il-fażola tas-soya (Glycene max L.) jew il-qamħirrum (Zea mays L.) mmodifikati ġenetikament jew il-prodotti tagħhom bħala sors għall-ingredjenti tagħhom ta' l-ikel, il-materjal miksub mill-imsemmija organiżmi mmodifikati ġenetikament jista' jkun preżenti fihom b'riżultat tal-kontaminazzjoni aċċidentali matul, per eżempju il-kultivazzjoni, il-ħsad, it-trasport, il-ħażna u l-proċessar; (5) fil-każijiet fejn il-preżenza ta' dan il-materjal tkun aċċidentali u tirrappreżenta biss proporzjon żgħir ta' ingredjent ta' l-ikel ikkunsidrat, dan l-ingredjent ta' l-ikel ma għandux ikun soġġett għall-ħtiġiet tat-tikkettjar tar-Regolament (KE) Nru 1139/98; (6) sabiex jinkiseb dan il-għan, huwa meħtieġ illi jiġi stabbilit livell de minimis għall-preżenza aċċidentali fl-ingredjenti ta' l-ikel, ta' materjal idderivat mis-soya u mill-qamħirrum immodifikati ġenetikament imsemmija hawn fuq; (7) għall-għan taċ-ċarezza, huwa xieraq li jiġi ffissat livell minimu f'termini ta' valur perċentwali wieħed; (8) il-valur ta' 1 % iservi l-aħjar l-għan sabiex jiġi stabbilit livell ta' tolleranza, li jibqa' simultanjament baxx u li jqis il-fattibilità meħtieġa matul il-katina ta' produzzjoni. Il-metodi ta' detection diġà jipprovdu jew ma jdumux ma jipprovdu l-għodda meħtieġa sabiex dan il-valur jiġi implimentat. Minkejja dan, il-valur ta' 1 % għandu jkun ikkunsidrat bħala massimu, u l-operaturi għandhom għalhekk jimmiraw li fil-prattika jiksbu l-iktar livell baxx tal-preżenza aċċidentali tal-materjal imsemmi; (9) huwa xieraq li wieħed jiċċara illi l-valur ta' 1 % għandu jkun il-livell tat-tolleranza mhux biss għall-preżenza aċċidentali tal-materjal miksub mill-organiżmi mmodifikati ġenetikament hawn fuq imsemmija, imma wkoll għall-preżenza aċċidentali kkombinata ta' dan il-materjal u ta' kull materjal ieħor li jitqiegħed fis-suq skond ir-Regolament (KE) Nru 258/97 [6] miksuba minn organiżmi mmodifikati ġenetikament oħra; (10) il-kunċett ta' materjal miksub mill-organiżmi mmodifikati ġenetikament għandu jinftiehem bħala li jirreferi għal dik il-parti ta' kull ingredjent li hija dderivata mill-organiżmi mmodifikati ġenetikament; (11) sabiex jiġi stabbilit illi l-preżenza ta' dan il-materjal hija aċċidentali, l-operaturi għandhom ikunu f'pożizzjoni li jfornu xhieda sabiex jissodisfaw lill-awtoritajiet kompetenti illi jkunu ħadu l-passi approprjati sabiex jevitaw li jużaw bħala sors il-fażola tas-soya (Glycene max L.) jew il-qamħirrum (Zea mais L.) immodifikati ġenetikament u kull organiżmu immodifikat ġenetikament addizzjonali li l-materjal derivat tiegħu jkun tqiegħed fis-suq skond ir-Regolament (KE) Nru 258/97, jew il-prodott tagħhom; (12) għall-għanijiet tal-konsistenza mad-Direttiva 79/112/KEE, ikun adatt illi jiġi applikat lil-livell minimu fil-livell ta' l-ingredjenti ta' l-ikel ikkunsidrati fuq bażi individwali; (13) għandu jiġi kkjarifikat illi għandu jiġi segwit l-istess approċċ bil-għan li tiġi stabbilita lista ta' l-ingredjenti ta' l-ikel li ma jkunux soġġetti għall-ħtiġiet tat-tikkettjar tar-Regolament (KE) Nru 1139/98 minħabba l-assenza tal-proteina u tad-DNA li jirriżultaw mill-modifika ġenetika skond kif speċifikat fl-Artikolu 1(1) tiegħu; (14) fi kwalunkwe każ, l-ingredjenti ta' l-ikel mhumiex soġġetti għall-ħtiġiet tat-tikkettjar tar-Regolament (KE) Nru 1139/98 meta ma jkunu preżenti la l-proteina u lanqas id-DNA li jirriżultaw mill-modifika ġenetika kif speċifikat fl-Artikolu 1(1). F'dan id-dawl, huwa xieraq li jiġi kkjarifikat illi din il-lista mhix eżawrjenti; (15) f'xi każijiet l-ikel jikkonsisti f'ingredjent wieħed. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi ċċarat il-mod kif dawn it-tipi ta' ikel għandhom jiġu kkunsidrati bil-għan li tiġi stabbilita l-lista msemmija hawn fuq u sabiex jiġi applikat il-livell minimu; (16) Id-Direttiva 79/112/KEE tapplika għall-prodotti li jiġu kkunsinnati bħala tali mhux biss lill-aħħar konsumatur, imma wkoll lill-fornituri ta' l-ikel lill-massa; (17) il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolamenti huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti ta'l-Oġġetti ta' l-ikel, ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT: L-Artikolu 1 Ir-Regolament (KE) Nru 1139/98 huwa emendat kif ġej: 1. Fl-Artikolu 1(1), il-frażi "lill-aħħar konsumatur" tiġi mibdula bil-frażi "lill-aħħar konsumatur jew lill-fornituri ta' l-ikel lill-massa". 2. L-Artikolu 2 jiġi mmodifikat kif ġej: (a) il-paragrafu 2 jiġi mibdul b'li ġej: "2. L-oġġetti ta' l-ikel speċifikati ma għandhomx ikunu soġġetti għall-ħtiġiet speċifiċi addizzjonali tat-tikkettjar fejn: (a) la l-proteina u lanqas id-DNA li jirriżultaw mill-modifika ġenetika kif speċifikat fl-Artikolu 1(1) ma jkunu preżenti fl-ingredjenti ta' l-ikel tagħhom ikkunsidrati individwalment jew l-ikel li jikkonsisti f'ingredjent wieħed; jew (b) il-materjal idderivat mill-organiżmi mmodifikati ġenetikament riferiti fl-Artikolu 1(1), flimkien ma' kull materjal imqiegħed fis-suq skond ir-Regolament (KE) Nru 258/97 idderivat minn organiżmi mmodifikati ġenetikament oħra, ikun preżenti fl-ingredjenti ta' l-ikel jew fl-ikel li jikkonsisti f'ingredjent wieħed fi proporzjon mhux iktar għoli minn 1 % ta' l-ingredjenti ta' l-ikel ikkunsidrati individwalment jew ta' l-ikel li jikkonsisti f'ingredjent wieħed, sakemm din il-preżenza tkun aċċidentali; Sabiex jiġi stabbilit illi l-preżenza ta' dan il-materjal hija aċċidentali, l-operaturi għandhom ikunu f'pożizzjoni li jipprovdu xhieda sabiex jissodisfaw lill-awtoritajiet kompetenti li jkunu ħadu l-passi xierqa sabiex jevitaw li jużaw l-organiżmi mmodifikati ġenetikament (jew il-prodott tagħhom) riferiti fil-paragrafu ta' qabel bħala sors." (b) Jiġi mdaħħal il-paragrafu 2a li ġej: "2a. Sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tal-paragrafu 2(a), għandha tiġi mfassla lista mhux eżawrjenti ta' l-ingredjenti ta' l-ikel jew ta' l-ikel li jikkonsisti f'ingredjent wieħed li fihom ma tkun preżenti la l-proteina u lanqas id-DNA li jirriżultaw mill-modifika ġenetika kif speċifikat fl-Artikolu 1(1), skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 79/112/KEE, wara li jiġu kkunsidrati l-iżviluppi tekniċi, l-opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku ta' l-Ikel u kull parir xjentifiku ieħor relevanti." L-Artikolu 2 Il-ħtiġiet tat-tikkettjar tar-Regolament (KE) Nru 1139/98 ma għandhomx japplikaw għall-oġġetti ta' l-ikel speċifikati li għandhom jiġu kkunsinnati bħala tali lill-fornituri ta' l-ikel lill-massa li jkunu ġew iffabbrikati u ttikkettjati legalment fil-Komunità, jew li jkunu ġew importati legalment fil-Komunità u maħruġa fiċ-ċirkolazzjoni libera, qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. L-Artikolu 3 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-disgħin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, fl-10 ta' Jannar 2000. Għall-Kummissjoni Erkki Liikanen Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 33, tat-8.2.1979, p. 1. [2] ĠU L 43, ta' l-14.2.1997, p. 21. [3] ĠU L 159, tat-3.6.1998, p. 4. [4] ĠU L 107, tat-30.4.1996, p. 10. [5] ĠU L 31, ta' l-1.2.1997, p. 69. [6] ĠU L 33, tat-8.2.1979, p. 1. --------------------------------------------------