32000L0041



Official Journal L 145 , 20/06/2000 P. 0025 - 0026


Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2000/41/ke

tad-19 ta' Ġunju 2000

li tipposponi għat-tieni darba d-data li warajha testijiet fuq l-annimali huma pprojbiti għall-ingredjenti jew it-taħlit ta' ingredjenti ta' prodotti kosmetiċi

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill (KEE) Nru 76/768 tas-27 ta' Lulju 1976 fuq l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar il-prodotti kosmetiċi [1], kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni (KEE) 2000/11 [2], u partikolarment l-Artikolu 4(1)(i) tagħha,

Wara li kkonsultat il-Kumitat Xjentifiku fuq il-prodotti kosmetiċi u l-prodotti mhux ta' l-ikel maħsuba għall-konsumaturi,

Billi:

(1) L-għan prinċipali tad-Direttiva 76/768/KEE huwa li tħares is-saħħa pubblika. Għal dan il-għan huwa indispensabbli li jsiru ċerti testijiet tossikoloġiċi biex tiġi vvalutata s-sigurtà għal saħħet il-bniedem ta' l-ingredjenti u t-taħlit ta' l-ingredjenti użati fil-prodotti kosmetiċi.

(2) Skond l-Artikolu 4(1)(i) tad-Direttiva 76/768/KEE l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l-kummerċ tal-prodotti kosmetiċi li jkun fihom ingredjenti jew taħlit ta' ingredjenti ttestjati fuq l-annimali wara t-30 ta' Ġunju 2000 sabiex ikunu konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva.

(3) It-tieni subparagrafu ta' din id-dispożizzjoni jipprovdi wkoll li l-Kummissjoni għandha tibgħat abbozz ta' miżuri biex tipposponi d-data ta' l-implimentazzjoni ta' din id-dispożizzjoni jekk ma jkunx hemm progress suffiċjenti fl-iżvilupp ta' metodi sodisfaċenti minflok l-ittestjar fuq l-annimali, u partikolarment f'dawk il-każijiet fejn metodi alternattivi ta' ttestjar, minkejja l-isforzi raġonevoli kollha, ma jkunux ġew validati xjentifikament bħala li joffru livell ekwivalenti ta' protezzjoni lill-konsumatur, waqt li jitqiesu l-linji gwida tat-testijiet dwar it-tossiċità ta' l-OECD.

(4) Fl-assenza ta' kwalunkwe metodu alternattiv validat xjentifikament għall-esperimenti fuq l-annimali u kwalunkwe linji gwida pertinenti għall-ittestjar dwar it-tossiċità fil-qasam tal-metodi alternattivi adottati mill-OECD, kien meħtieġ li d-data tiġi posposta kif previst fl-Artikolu 4(1)(i) tad-Direttiva 76/768/KEE għall-ewwel darba mid-Direttiva tal-Kummissjoni 97/18/KE b'konformità mat-tieni subparagrafu ta' din id-dispożizzjoni.

(5) Tliet metodi alternattivi ġew validati sal-lum fl-Ewropa. Mhux probabbli li l-aġġornament xjentifiku sa jitbiddel b'mod sinifikanti qabel it-30 ta' Ġunju 2000. Għalhekk, id-data prevista fl-Artikolu 4(1)(i) tad-Direttiva 76/768/KEE għandha tiġi posposta għat-tieni darba b'konformità mat-tieni subparagrafu ta' din id-dispożizzjoni u l-Artikolu 2 tad-Direttiva 97/18/KE.

(6) Dawn it-tliet metodi qegħdin jiġu inkorporati fil-liġi tal-Komunità billi jiddaħħlu fl-Anness V tad-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE tas-27 ta' Ġunju 1967 fuq l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-ippakkjar u t-tikkettjar ta' sustanzi perikolużi [3], kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2000/33/KE [4].

(7) Id-Direttiva tal-Kunsill 86/609/KEE [5] ta' l-24 ta' Novembru 1986 fuq l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri dwar il-ħarsien tal-bhejjem użati għal skopijiet esperimentali u skopijiet xjentifiċi oħra [6] tipprovdi biex test fuq l-annimali ma jsirx jekk ikun hemm disponibbli metodu alternattiv.

(8) Dawn il-metodi huma għalhekk obbligatorji biex jintużaw fis-setturi kollha inkluż dak tal-kosmetiċi.

(9) Il-Kummissjoni pproponiet Direttiva li temenda għas-seba' darba d-Direttiva 76/768/KEE sabiex issolvi definittivament il-kwistjoni ta' l-esperimenti fuq l-annimali fis-settur tal-prodotti kosmetiċi. Din il-proposta għandha tiġi adottata bi proċedura ta' deċiżjoni flimkien li tinvolvi l-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

(10) Waqt li wieħed iqis li huwa mistenni li metodi alternattivi validati jkunu disponibbli għal testijiet oħra fis-sentejn li ġejjin u li d-Direttiva proposta għandha tiġi adottata sa dak iż-żmien, huwa approprjat li tiġi posposta għall-aħħar darba d-data ta' fit-30 ta' Ġunju 2002.

(11) Il-miżuri previsti f'din id-Direttiva huma skond il-fehma tal-Kumitat dwar l-adattament għal progress tekniku tad-Direttivi fuq it-tneħħija ta' ostakli tekniċi għall-kummerċ fis-settur tal-prodotti kosmetiċi,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

Id-data ta' "it-30 ta' Ġunju 2000" għandha titbiddel b' "it-30 ta' Ġunju 2002" fl-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 4(1)(i) tad-Direttiva 76/768/KEE.

L-Artikolu 2

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma' din id-Direttiva mhux aktar tard mid-29 ta' Ġunju 2000. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni dwarhom.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, huma għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'dik ir-referenza fil-ħin tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir din ir-riferenza.

2. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam regolat minn din id-Direttiva.

L-Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fid-19 ta' Ġunju 2000.

Għall-Kummissjoni

Erkki Liikanen

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 262, tas-27.9.1976, p. 169.

[2] ĠU L 65, ta' l-14.3.2000, p. 22.

[3] ĠU L 114, ta' l-1.5.1997, p. 43.

[4] ĠU L 196, tas-16.8.1967, p. 1.

[5] ĠU L 136, tat-8.6.2000, p. 90.

[6] ĠU L 358, tat-18.12.1986, p. 1.

--------------------------------------------------