Official Journal L 103 , 28/04/2000 P. 0070 - 0071
Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2000/21/KE tal-25 ta' April 2000 li tikkonċerna l-lista ta' leġislazzjoni Komunitarja msemmija fil-ħames inċiż ta' l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE (Test b'relevanza għaż-ŻEE) IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE tas-27 ta' Ġunju 1988 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi li għandhom x'jaqsmu mall-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u t-tikkettjar ta' sustanzi perikolużi [1], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1999/33/KEE [2], u b'mod partikolari l-Artikolu 13(1) tagħha, Billi: (1) L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 67/548/KEE teżenta ċerti sustanzi mid-disposizzjonijiet ta' l-Artikoli 7, 8, 14 u 15 ta' l-imsemmija Direttiva, li jirreferu għan-notifika. Aktar speċifikament, il-ħames inċiż ta' l-Artikolu 13(1) jeżenta sustanzi li huma għal użu esklużiv f'setturi oħra ta' prodott li għalihom jeżistu notifika tal-Komunità jew proċeduri ta' approvazzjoni u li għalihom il-ħtiġiet għas-sottomissjoni tad-data huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti fid-Direttiva 67/548/KEE. Għalhekk, il-Kummissjoni hija meħtieġa tistabbilixxi lista ta' dawk il-biċċiet ta' leġislazzjoni Komunitarja li jikkontjenu din in-notifika jew approvazzjoni ta' proċeduri. Il-lista għandha tiġi rieżaminata perjodikament u, kif neċessarju, riveduta. (2) Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fis-suq [3], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/80/KE [4], tipprovdi għall-inklużjoni ta' sustanzi attivi fl-Anness I tagħha bħala prerekwiżit għall-awtorizzazzjoni tal-prodotti imsemmija qabel it-tqegħid tagħhom fis-suq. Id-Direttiva tal-Kummissjoni 93/90/KEE tad-29 ta' Ottubru 1993 li tikkonċerna l-lista ta' sustanzi msemmija fl-Artikolu 13(1) il-ħames inċiż tad-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE [5] tkopri biss sustanzi attivi għall-inklużjoni fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq. Sustanzi attivi li għandhom jiġu awtorizzati għal skopijiet oħra, inkluża r-riċerka u l-iżvilupp skond l-Artikolu 22 tad-Direttiva 91/414/KEE, għandhom ukoll ikunu koperti sabiex jikkonfinaw il-proċeduri ta' awtorizzazzjoni għal dawn is-sustanzi biss għall-għan tad-Direttiva 91/414/KEE. (3) Sustanzi esklużivament użati bħala sustanzi attivi ta' prodotti bioċidali skond id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 1998 li tikkonċerna it-tqegħid ta' prodotti bioċidali fis-suq [6], jaqgħu taħt il-ħames inċiż ta' l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 67/548/KEE u għandhom għalhekk jiġu eżentati, inkluż għall-iskop ta' riċerka u żvilupp, sabiex jiġu konfinati l-proċeduri ta' awtorizzazzjoni għal dawk is-sustanzi biss għall-iskop tad-Direttiva 98/8/KE. (4) Id-Direttiva 93/90/KEE għandha titħassar. (5) Id-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva huma skond l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Adattament għall-Progress Tekniku tad-Direttivi għall-Eliminazzjoni ta' Barrieri Tekniċi fil-Kummerċ ta' Sustanzi u Preparazzjonijiet Perikolużi, ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA: Artikolu 1 Il-lista ta' leġislazzjoni Komunitarja li tikkonċerna is-setturi ta' prodotti li għalihom jeżistu notifika Komunitarja jew proċeduri ta' approvazzjoni, u li għalihom il-ħtiġiet għas-sottomissjoni ta' data għall-kategoriji ta' sustanzi identifikati fil-lista huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti fid-Direttiva 67/548/KEE, tinstab fl-Anness ma' din id-Direttiva. Artikolu 2 Id-Direttiva 93/90/KEE hija hawnhekk imħassra. Artikolu 3 1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw id-disposizzjonijiet neċessarji sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa l-1 ta' April 2001 u għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni bihom. 2. Meta l-Istati Membri jaddottaw dawn id-disposizzjonijiet, għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikollhom magħhom din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir din ir-referenza. Artikolu 4 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri kollha. Magħmula fi Brussel, fil-25 ta' April 2000. Għall-Kummissjoni Margot Wallström Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU C 196, tas-16.8.1967, p. 1. [2] ĠU L 199, tat-30.7.1999, p. 57. [3] ĠU L 230, tad-19.8.1991, p. 1. [4] ĠU L 210, ta' l-10.8.1999, p. 13. [5] ĠU L 277, ta' l-10.11.1993, p. 33. [6] ĠU L 123, ta' l-24.4.1998, p. 1. -------------------------------------------------- ANNESS Leġislazzjoni Komunitarja li tikkonċerna setturi ta' prodott li għalihom jeżistu notifika Komunitarja jew proċeduri ta' approvazzjoni u li għalihom il-ħtiġiet għas-sottomissjoni ta' data għall-kategoriji ta' sustanzi identifikati huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikoli 7, 8, 14 u 15 tad-Direttiva 67/548/KEE 1. Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. 2. Id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni tas-16 ta' Frar 1998 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta' prodotti bioċidali. Għal sustanzi għal użu esklużiv bħala sustanzi attivi ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u/jew prodotti bioċidali. --------------------------------------------------