32000L0005



Official Journal L 054 , 26/02/2000 P. 0042 - 0043


Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2000/5/KE

tal-25 ta' Frar 2000

li temenda l-Annessi Ċ u D tad-Direttiva tal-Kunsill 92/51/KEE dwar sistema ġenerali sekondarja għar-rikonoxximent ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali sabiex tissupplementa d-Direttiva 89/48/KEE

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 92/51/KEE tat-18 ta' Ġunju 1992 dwar sistema ġenerali sekondarja għar-rikonoxximent ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali sabiex tissupplementa d-Direttiva 89/48/KEE [1], kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 97/38/KE [2], u partikolarment l-Artikolu 15 tagħha,

Billi:

(1) Il-Gvernijiet tar-Renju Unit u tar-Repubblika ta' l-Awstrija ssottomettew talbiet irraġunati għall-emendar ta' l-Annessi Ċ u D tad-Direttiva 92/51/KEE.

(2) Taħriġ għal "assistent soċjali approvat — saħħa mentali" u "aġent tat-Trade-Mark" fir-Renju Unit għandhom jiġu imħassra mill-Anness Ċ tad-Direttiva 92/51/KEE. Il-professjoni "assistent soċjali approvat — saħħa mentali" mhijiex irregolata fir-Renju Unit. Taħriġ għal "aġent tat-Trade-Mark" issa jilħaq id-definizzjoni fl-Artikolu 1(a), l-ewwel subparagrafu, it-tieni inċiż (i) tad-Direttiva 92/51/KEE.

(3) Taħriġ fir-Renju Unit li jwassal għal kwalifiki ta' "persuna ċertifikata bħala teknikament kompetenti fl-immaniġġjar ta' l-iskart" għandu jiġi inkluż fl-Anness Ċ tad-Direttiva 92/51/KEE, sakemm il-kwalifiki jkunu akkreditati fir-Renju Unit bħala Kwalifiki Nazzjonali Professjonali (KNP) f'livelli 3 u 4.

(4) Il-kliem tat-Taqsima 5 ta' l-Anness Ċ tad-Direttiva 92/51/KEE, skond liema t-taħriġ imniżżel f'dik it-taqsima jwassal għal kwalifiki akkreditati bħala Kwalifiki Nazzjonali Professjonali (NVQS) jew approvati jew rikonoxxuti mill-Kunsill Nazzjonali għall-Kwalifiki Professjonali, għandhom jiġu emendati. L-approvazzjoni jew ir-rikonoxximent bħala ekwivalenti m'għadhomx aktar ipprovduti fir-Renju Unit. Il-Kunsill Nazzjonali għall-Kwalifiki Professjonali ġie mibdul b'awtorità oħra. Mhuwiex ikkunsidrat meħtieġ li wieħed jispeċifika l-awtorità kompetenti fid-Direttiva.

(5) It-taħriġ bażiku speċjali ġdid introdott fl-Awstrija għal infermiera li jispeċjalizzaw fil-kura tat-tfal u ż-żgħażagħ u għall-infermiera psikjatriċi għandu jiġi inkluż fl-Anness Ċ tad-Direttiva 92/51/KEE. Dan it-taħriġ iwassal għal livell kumparabbli ta' kwalifiki, u meta jintemm, għal livell simili ta' responsabiltà u attività, bħal kors post-sekondarju kif deskritt fl-Artikolu 1(a), l-ewwel subparagrafu, it-tieni inċiż (i) tad-Direttiva 92/51/KEE.

(6) Ir-referenza għall-Kunsill Nazzjonali għall-Kwalifiki Professjonali għandha tiġi mħassra mill-Anness D tad-Direttiva 92/51/KEE. Din inbidlet b'awtorità oħra u mhuwiex ikkunsidrat meħtieġ li wieħed jispeċifika l-awtorità kompetenti fid-Direttiva.

(7) Il-miżuri stipulati f'din id-Direttiva huma skond l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz ta' l-Artikolu 15 tad-Direttiva 92/51/KEE,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

L-Annessi Ċ u D tad-Direttiva 92/51/KEE għandhom jiġu emendati kif stipulat fl-Anness ta' din id-Direttiva.

L-Artikolu 2

1. L-Istati Membri għandhom jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex huma jkunu konformi ma' din id-Direttiva qabel is-27 ta' Frar 2001. Huma għandhom jinformaw lill-Kummissjoni minnufih b' dan.

L-Istati Membri għandhom jinkludu f' dawn il-miżuri referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn din ir-referenza fiż-żmien tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta' kif għandhom jagħmlu din ir-referenza għandhom ikunu esiġiti mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam irregolat minn din id-Direttiva.

L-Artikolu 3

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

L-Artikolu 4

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-ġurnata ta' wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Magħmula fi Brussel, fil-25 ta' Frar 2000.

Għall-Kummissjoni

Frederik Bolkestein

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 209, ta' l-24.7.1992, p. 25.

[2] ĠU L 184, tat-12.7.1997, p. 31.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

A. L-Anness Ċ tad-Direttiva 92/51/KEE għandu jiġi emendat kif ġej:

1.

Is-segwenti għandu jiġi miżjud mat-taqsima 1

"Korsijiet ta' taħriġ paramediku u tal-kura tat-tfal"

wara

"fl-Olanda — assistent veterinarju (

dierenartsassistent

)"

:

- taħriġ bażiku speċjali għall-infermiera li jispeċjalizzaw fil-kura tat-tfal u taż-żgħażagħ,

- taħriġ bażiku speċjali għall-infermiera psikjatriċi."

2. L-ewwel paragrafu fit-taqsima 5,

"Korsijiet tar-Renju Unit akkreditati bħala Kwalifiki Professjonali Nazzjonali jew Kwalifiki Professjonali Skoċċiżi"

, għandhom jiġu emendati kif ġej:

(a)

is-segwenti tipi ta' taħriġ għandhom jiġu mħassra:

— "assistent soċjali approvat — saħħa mentali",

— "aġent tat-trade—mark";

(b) "persuna ċċertifikata bħala teknikament kompetenti fl-immaniġġjar" ta' l-iskart għandha tiżdied bħala l-aħħar inċiż;

(ċ) Il-kliem"jew approvati jew rikonoxxuti bħala ekwivalenti mill-Kunsill Nazzjonali għall-Kwalifiki Professjonali"għandhom jiġu mħassra.

B. L-Anness D għad-Direttiva 92/51/KEE għandu jiġi emendat kif ġej:Il-kliem "mill-Kunsill Nazzjonali għall-Kwalifiki Professjonali" fl-ewwel paragrafu għandhom jiġu mħassra.

--------------------------------------------------