Official Journal 197 , 12/07/2000 P. 0001 - 0002
Att tal-Kunsill tad-29 ta' Mejju 2000 li jistabbilixxi skond l-Artikolu 34 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea l-Konvenzjoni dwar l-Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali bejn l-Istati Membri fl-Unjoni Ewropea (2000/C 197/01) IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 31(a) u 34(2)(d) tiegħu, Wara li kkunsidra l-inizjattiva ta' l-Istati Membri, Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1] Billi: (1) Sabiex jinkisbu l-għanijiet ta' l-Unjoni, ir-regoli dwar assistenza reċiproka f'materji kriminali bejn l-Istati Membri fl-Unjoni Ewropea għandhom ikunu mtejba u Konvenzjoni, kif deskritta fl-Anness ta' dan l-Att, għandha tkun stabbilita għal dan il-għan. (2) Uħud mid-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni jaqgħu taħt l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż bejn il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l-acquis ta' Schengen [2]. (3) Dan japplika fil-każ ta' l-Artikoli 3,5,6,7,12 u 23, u sa fejn hu rilevanti għall-Artikoli 12, fil-każ ta' l-Artikoli 15 u 16, u sa fejn hu rilevanti għall-Artikoli msemmija, fil-każ ta' l-Artikolu 1. (4) Il-proċeduri stabbiliti fil-Ftehim konkluż bejn il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea mar-Repubblika ta' l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ pajjiżi ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l-acquis tas-Schengen [3] kienu osservati fir-rigward ta' dawn id-dispożizzjonijiet. (5) Meta l-adozzjoni ta' dan l-Att tkun notifikata lir-Repubblika ta' l-Islanda u lir-Renju tan-Norveġja skond l-Artikolu 8(2)(a) ta' l-imsemmi Ftehim, dawn iż-żewġ Stati jiġu informati b'mod partikolari tal-kontenut ta' l-Artikolu 29 dwar id-dħul fis-seħħ għall-Islanda u n-Norveġja u jiġu mistiedna jissottomettu d-dikjarazzjonijiet rilevanti taħt l-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni meta jinformaw lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar is-sodisfazzjonijiet tal-ħtiġijiet kostituzzjonali tagħhom. IDDEĊIEDA illi l-Konvenzjoni, li t-test tagħha qiegħed fl-Anness u li kienet iffirmata illum mir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni, qiegħda tiġi b'dan stabbilita, JIRRAKKOMANDA illi tkun adottata mill-Istati Membri skond il-ħtiġijiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom, JISTIEDEN lill-Istati Membri biex jibdew il-proċeduri meħtieġa sabiex jintlaħaq dak il-għan qabel l-1 ta' Jannar 2001. Magħmul fi Brussel, fid-29 ta' Mejju 2000. Għall-Kunsill Il-President A. Costa [1] Opinjoni meħuda fis-17 ta’ Frar 2000 (Ada mħux ippubblikata fil-Ġurnal ufficjali). [2] ĠU L 176, ta’ l-10.7.1999, p. 31. [3] ĠU L 176, ta’ l-10.7.1999, p. 36. --------------------------------------------------