32000E0401



Official Journal L 159 , 30/06/2000 P. 0216 - 0217


Azzjoni konġunta tal-Kunsill

tat-22 ta' Ġunju 2000

dwar il-kontroll ta' assistenza teknika fir-rigward ta' ċerti użi militari finali

(2000/401/CFSP)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 14 tiegħu,

Billi:

(1) Fit-22 ta' Ġunju 2000 il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 1334/2000 [1] li jistabbilixxi reġim tal-Komunità għall-kontroll ta' esporti ta' oġġetti b'żewġ użi u t-teknoloġija, li tipprovdi sistema effettiva ta' kontrolli fuq l-esport ta' oġġetti li għandhom żewġ użi, incluż software u teknoloġija. Dak ir-Regolament, fl-Artikolu 4, li jinsabu fih inter alia dispoSizzjonijiet dwar oġġetti mhux imniżżla fl-Anness I li huma jew jistgħu jkunu maħsuba għall-użu in konnessjoni ma’ l-armi ta' distruzzjoni tal-massa jew missili għall-kunsinNa ta' dawn l-armi, jew in konnessjoni mal-merkanzija militari għall-pajjiżi soġġetti għal embargoes ta' l-armi ta' l-UE, l-OSCE jew il-UN.

(2) L-impenn ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea dwar in-nuqqas ta' proliferazzjoni ta' armi ta' distruzzjoni tal-massa u l-esport ta' merkanzija militari konvenzjonali lill-pajjiżi soggetti għal embargoes ta' l-armi jeħtieġu sistema effettiva ta' kontroll fuq l-esport li għandha tkopri wkoll, fuq il-bażi ta' standards komuni, assistenza teknika, incluż trasferimenti bil-fomm ta' teknoloġija meħtieġa li jiġi kkontrollata mir-reġimi ta' kontroll ta' l-esport internazzjonali, organi u trattati għall-armi ta' distruzzjoni tal-massa u missili u għall-merkanzija militari konvenzjonali esportata lill-pajjiżi soġġetti għall-embargoes ta' l-armi tax-xorta msemmija hawn fuq. Hu xieraq li dawn l-istandards komuni jiġu definiti f'Azzjoni Konġunta,

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

Artikolu 1

Għall-iskop ta' din l-Azzjoni Konġunta:

(a) "assistenza teknika" tfisser kwalunkwe appoġġ tekniku konness ma’ tiswijiet, żvilupp, fabbrikar, immuntar, ittestjar, manteniment, jew kwalunkwe servizz tekniku ieħor, u jista’ jieħu forom bħal istruzzjoni, taħriġ, trasmissjoni ta' għarfien li jgħin fix-xogħol jew kapaċitajiet jew servizzi ta' konsultazzjoni;

(b) "assistenza teknika" tinkludi forom t'assistenza bil-fomm;

(ċ) "reġim tal-kontroll ta' l-esport internazzjonali, organi u trattati" jfisser il-grupp ta' l-Awstralja, ir-Reġim tal-Kontroll tat-Teknoloġija tal-Missili, il-Grupp tal-Fornituri Nukleari, l-Arranġament Wassenaar, il-Kumitat Zangger u l-Konvenzjoni ta' l-Armi Kimiċi.

Artikolu 2

Assistenza teknika għandha tkun soġġetta għal kontrolli (projbizzjoni jew il-ħtieġa ta' awtorizzazzjoni) adottati skond l-artikolu 5 fejn hi pprovduta barra mill-Komunità Ewropea minn persuna naturali jew legali stabbilita fil-Komunità Ewropea u hu maħsub, jew il-fornitur hu konxju li hu maħsub, għall-użu in konnessjoni ma’ l-iżvilupp, produzzjoni, ġestjoni, operazzjoni, manteniment, ħażna, skoperta, identifikazzjoni jew tixrid ta' armi kimiċi, bioloġiċi jew nukleari jew apparat splożiv nukleari ieħor jew l-iżvilupp, produzzjoni, manteniment jew ħażna ta' missili li kapaċi jagħtu dawn l-armi.

Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw l-applikazzjoni ta' dawn il-kontrolli wkoll f'każijiet fejn l-assistenza teknika tirrigwarda użi militari finali barra dawk imsejħa fl-Artikolu 2 u hi pprovduta f'pajjiżi ta' destinazzjoni soġġetti għal embargo ta' l-armi deċiża minn posizzjoni komuni jew azzjoni konġunta adottata mill-Kunsill jew deċiżjoni ta' l-OSCE jew embargo ta' l-armi imposta minn resoluzzjoni vinkolanti tal- Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Maqgħuda.

Artikolu 4

L-Artikolu 2 ma japplikax lil "assistenza teknika":

(a) fejn hi pprovduta f'pajjiż imniżżel fil-Parti 3 ta' l-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1334/2000;

(b) fejn tieħu l-forma tat-trasferiment ta' informazzjoni li hi "fid-dominju pubbliku" jew "riċerka xjentifika bażika" kif dawn it-termini huma rispettivament definiti fir-reġimi tal-kontroll ta' l-esport internazzjonali, organi u trattati; jew

(ċ) fejn hi bil-fomm u mhux konnessa ma’ oġġetti li hu meħtieġ li jiġu kkontrollati minn wieħed jew aktar mir-reġimi tal-kontroll ta' l-esport internazzjonali, organi u trattati.

Artikolu 5

Kull Stat Membru li għadu ma jinkludix fil-leġislazzjoni jew prattiċi nazzjonali tiegħu disposizzjonijiet ta' kontroll li jimplimentaw din l-Azzjoni Konġunta jew stabbilixxa s-sanzjonijiet li għandhom jittieħdu għandu jagħmel proposti xierqa biex:

(a) jimplimenta din l-Azzjoni Konġunta billi jistipola disposizzjonijiet ta' kontroll;

(b) jistabbilixxi li għandhom jittieħdu fuq livell nazzjonali.

Artikolu 6

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 7

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-22 ta' Ġunju 2000.

Għall-Kunsill

Il-President

J. Sócrates

[1] Ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

--------------------------------------------------