32000D0819



Official Journal L 333 , 29/12/2000 P. 0084 - 0091


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tal-20 ta' Diċembru 2000

dwar programm multi-annwali għall-intrapriża u l-intraprenditorija, u partikolarment għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (IŻM) (2001-2005)

(2000/819/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment Artikolu 157(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [4],

Billi:

(1) L-importanza ta' l-intrapriża u l-intraprenditorija għall-kisba ta' l-għanijiet tal-Komunità u d-diffikultajiet li l-intrapriżi u l-intraprendituri jiffaċjaw kienu s-soġġett ta' numru ta' komunikazzjonijiet, Deċiżjonijiet u rapporti, u l-aktar riċenti tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' April 2000 dwar "'il-politika dwar l-intrapriża fl-ekonomija mmexxija mit-tagħrif'". Dawn identifikaw oqsma maġġuri għall-azzjoni fuq il-livell tal-Komunitá.

(2) L-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (IŻM) jagħmlu kontribuzzjoni sinifikanti f'termini ta' kompetitività, riċerka, innovazzjoni, prattika u impjiegi u jiffaċjaw problemi partikolari.

(3) Azzjoni hija meħtieġa biex tgħin ħalli jingħelbu dawn id-diffikultajiet. Sensiela ta' Programmi, b'mod partikolari it-Tielet Programm Multi-annwali għall-Intrapriżi Żgħar u ta' daqs Medju (IŻM) fl-Unjoni Ewropea (1997-2000), adottat bid-Deċiżjoni Nru 97/15/KE [5] tal-Kunsill, li jiskadi fil-31 ta' Diċembru 2000, pprovdiet qafas għall-azzjoni bħal din.

(4) Fid-29 ta' Ġunju 1999, il-Kummissjoni rrapportat fil-Komunikazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-evalwazzjoni esterna tal-programm msemmi.

(5) Huwa neċessarju li jiġi adottat programm ieħor għall-perjodu li jibda fl-1 ta' Jannar 2001 u li jkun assigurat li l-politika ta' l-intrapriża hija mogħnija b'riżorsi suffiċjenti biex jintlaħqu l-għanijiet.

(6) Fid-9 ta' Novembru 1999, il-Kunsill approva rapport dwar l-integrazzjoni ta' żvilupp sostenibbli fil-politika ta' l-intrapriża ta' l-Unjoni Ewropea. Għandu jiġi kunsidrat l-iżvilupp sostenibbli meta jiġu definiti u implimentati l-miżuri li għandhom ikunu adottati taħt dan il-programm.

(7) Fl-20 ta' Ġunju 2000, il-Kunsill Ewropew ta' Santa Maria da Feira approva il-Karta Ewropea għall-Intrapriżi ż-Żgħar u talab l-implementazzjoni sħiħa tagħha b'mod partikolari bħala parti mill-proposti għall-Programm Multi-annwali għall-Intrapriżi u l-Intraprenditorija. Miżuri mill-Unjoni biex jitmexxew 'l quddiem l-IŻM għandhom jikkunsidraw l-għanijiet stabbiliti mill-Karta.

(8) Azzjonijiet simili ġew imnieda fil-qafas ta' l-OECD, u b'mod partikolari mal-Karta dwar il-politika li tikkonċerna l-IŻM adottati mill-Ministri għall-Industrija ta' l-OECD f'Bologna fil-15 ta' Ġunju 2000.

(9) Fis-7 ta' Novembru 2000, il-Kunsill emfasizza il-bżonn biex itejjeb b'mod sinifikanti il-finanzjament ta' kumpaniji innovattivi u biex jerġa' jagħti direzzjoni lill-istrumenti finanzjarji lejn l-appoġġ biex jibdew negozji ġodda, ażjendi b' teknoloġija avvanzata u micro-intrapriżi.

(10) Il-miżuri meħtieġa għall-implementazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandhom ikunu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri ta' l-implementazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni [6].

(11) Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi il-bażi legali għall-miżuri speċifiċi kumplimentarji li ma jagħmlux parti minn xi politika oħra tal-Komunità u li ma jistgħux ikunu mwettqa aħjar fil-livell ta' Stat Membru.

(12) Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) li ġie konkluż mal-pajjiżi ta' l-EFTA/ŻEE u l-protokolli addizzjonali għall-Ftehim ta' l-Assoċjazzjoni konklużi mal-pajjiżi ta' l-Ewropa Centrentralu u tal-Lvant jipprovdu għall-parteċipazzjoni ta' dawk il-pajjiżi fil-programmi tal-Komunità. Għandha ssir dispożizzjoni għall-parteċipazzjoni ta' Ċipru, Malta u t-Turkija fil-qafas tal-Ftehim ta' l-Assoċjazzjoni konklużi ma dawk il-pajjiżi. Il-parteċipazzjoni minn pajjiżi oħra tista' tkun ikkunsidrata meta l-ftehim u l-proċeduri jippermettu.

(13) Referenza finanzjarja, fit-tifsira tal-punt 34 tal-Ftehim Inter-istituzzjonali tas-6 ta' Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina fl-estimi u t-titjib tal-proċedura ta' l-estimi [7], hija nkluża f'din id-Deċiżjoni għat-tul kollu tal-programm, għalkemm din ma taffetwax il-poteri ta l-awtorità ta' l-estimi kif definit bit-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Programm għall-politika tal-Komunità għall-intrapriża u l-intraprenditorija, b'mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (IŻM), minn hawn "il quddiem riferit bħala" dan il-programm, huwa b'dan adottat għal perjodu ta' ħames snin mil-1 ta' Jannar 2001.

Artikolu 2

1. Dan il-programm għandu jkollu l-għanijiet li ġejjin:

(a) biex isaħħaħ it-tkabbir u l-kompetitività tal-kummerċ f'ekonomija internazzjonalizzata bażata fuq it-tagħrif;

(b) biex imexxi l-quddiem l-intraprenditorija;

(ċ) biex jissimplifika u jtejjeb il-qafas amministrattiv u regolatorju għall-kummerċ sabiex ir-riċerka, l-innovazzjoni u b'mod partikolari il-ħolqien tal-kummerċ ikunu jista' jiffjorixxi;

(d) biex itejjeb l-ambjent finanzjarju għall-kummerċ, speċjalment l-IŻM;

(e) biex jagħti lill-kummerċ aċċess aktar faċli għas-servizzi ta' l-appoġġ tal-Komunitá, programmi u networks u biex itejjeb il-koordinazzjoni ta' dawn il-faċilitajiet.

2. Dawn l-għanijiet għandhom jiġu implementati l-aktar permezz ta' l-oqsma ta' l-azzjoni deskritta f'Anness I.

3. Barra minn dan, fin-natura propja tiegħu, dan il-programm għandu jiġi wżat bħala mezz biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti mill-Karta Ewropea għall-Intrapriżi ż-Żgħar.

Artikolu 3

1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjjuna mil-Kumitat ta' Ġestjoni tal-Programm ta' l-Intrapriża, (minn hawn il-quddiem riferit bħala il-"Kumitat").

2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom ikunu applikabbli.

Il-perjodu stabbilit f'Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni Nru 1999/468/KE għandu jkun stabbilit għal tlett xhur.

3. Il-Kumitat għandu jadotta ir-Regoli tiegħu tal-Proċedura.

Artikolu 4

1. Il-miżuri u l-azzjonijiet meħtieġa għall-implementazzjoni ta' dan il-programm li jirrigwardjaw il-materji riferiti hawn taħt għandhom jiġu adottati skond il-proċedura tal-ġestjoni riferita f'Artikolu 3(2):

- il-programm annwali tax-xogħol u l-allokazzjonijiet korrespondenti ta' l-estimi;

- il-kriterji u l-kontenut ta' l-istediniet għal offerti li jeċċedu EUR 100000;

- l-indikaturi tal-prestazzjoni biex jiġu evalwati l-azzjonijiet meħtieġa sabiex jinkisbu l-għanijiet stabbiliti f'Artikolu 2.

2. Il-Kumitat għandu, barra minn hekk, ikun infurmat regolarment dwar kull kwistjoni oħra li tikkonċerna dan il-programm, b'mod partikolari dwar ir-rapport ta' l-implementazzjoni annwali msemmija f'Artikolu 5(1).

Artikolu 5

1. Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-implementazzjoni ta' dan il-programm u għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni:

- kull sentejn, rapport ta' evalwazzjoni dwar il-progress billi jittieħed kont, b'mod koordinat,

- tal-politika ta' l-intrapriża f'kull politika u programme tal-Komunità,

- ta' l-implementazzjoni tal-Karta Ewropea għall-Intrapriżi ż-Żgħar,

- rapport estern dwar l-evalwazzjoni sa l-aħħar ta' Diċembru 2004.

2. Dawn ir-rapporti għandhom jeżaminaw jekk l-għanijiet ta' dan il-programm ikunux intlaħqu. Għandhom iwettqu analiżi tal-kost u l-benefiċċju tal-miżuri u l-azzjonijiet implementati, b'mod partikolari fuq il-bażi ta' l-indikaturi tal-prestazzjoni riferita fit-tielet inċiż ta' Artikolu 4(1).

Artikolu 6

Dan il-programm għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni ta':

- il-pajjiżi ta' l-EFTA/ŻEE skond il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim taż-ŻEE;

- il-pajjiżi assoċjati ta' l-Ewropa ċentralu u tal-lvant (CEEC) skond il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim ta' l-Ewropa, fil-protokolli addizzjonali u fid-deċiżjonijiet tal-Kunsilli ta' l-Assocjazzjoni rispettivi;

- Ċipru, huwa ffinanzjat b'approprjazzjonijiet addizzjonali skond il-proċeduri li għandhom jiġu miftehma ma' dak il-pajjiż;

- Malta u t-Turkija, huma finanzjati b'approprjazzjonijiet addizzjonali, skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattat;

- pajjiżi oħra, meta l-ftehim u l-proċeduri jippermettu.

Artikolu 7

1. L-ammont tar-referenza finanzjarja għall-implementazzjoni ta' dan il-programm għandu jkun EUR 450 miljun.

2. L-approprjazzjonijiet annwali għandhom ikunu awtorizzati mil-awtorità ta' l-estimi fil-limiti tal-perspettiva finanzjarja.

Artikolu 8

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ mill-1 ta' Jannar 2001 u għandha tkopri il-perjodu sal-31 ta' Diċembru 2005.

Artikolu 9

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fl-20 ta' Diċembru 2000.

Għall-Kunsill

Il-President

J.-C. Gayssot

[1] ĠU Ċ 311, tal- 31.10.2000, p. 180.

[2] L-Opinjoni mogħtija fis-26 ta' Ottubru 2000 (għadha mhix ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] L-Opinjoni mogħtija fid-29 ta' Novembru 2000 (għadha mhix ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[4] L-Opinjoni mogħtija fil-21 Settembru 2000 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[5] ĠU L 6, ta' l-10.1.1997, p. 25.

[6] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

[7] ĠU L 172, tat-18.6.1999, p. 1.

--------------------------------------------------

ANNESS I

DESKRIZZJONI TA' L-OQSMA TA' L-AZZJONI

L-oqsma ta' l-azzjoni għandhom ikunu prinċipalment bażati fuq l-identifikazzjoni u l-iskambju ta' l-aħjar prattika skond l-Aħjar Proċedura ġdida deskritta fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' April 2000, filwaqt li tittieħed akkont tal-ħtiġiet ta' l-IŻM, li jkunu mmirati lejn:

1. It-Tisħiħ tat-tkabbir u l-kometittività tal-kummerċ f'ekonomija internazzjonalizzata, bażata fuq it-tagħrif

Dan il-programm għandu jieħu ħsieb, b'mod partikolari, il-miżuri biex:

- tittejjeb il-kometittività u l-innovazzjoni;

- ikun mgħejjun il-moviment liberu tal-merkanzija u l-aċċess għas-suq;

- il-preparazzjoni ta' l-intrapriżi biex jiffaċċjaw il-globalizzazzjoni u, b'mod partikolari, iħeġġu l-parteċipazzjoni ta' l-IŻM fil-proċess tal-istandardizzazzjoni u l-implientazzjoni tagħha;

- jipprovdu medda adegwata ta' abbiltajiet ingranati għall-bżonnijiet ta' l-azjendi żgħar;

- jiġi żviluppat l-użu tat-teknoloġiji l-ġodda ta' l-informazzjoni u tal-komunikazzjoni;

- ikunu inkoraġġuti prattiċi innovattivi;

- jieħdu ħsieb l-integrazzjoni tal-iżvilupp sostenibbli.

2. Promozzjoni tal-intrapriniżmu

Dan il-programm għandu jimmira, b'mod partikolari, lejn:

- l-għajnuna fil-ħolqien u t-trasferiment tan-negozji;

- l-iżvilupp tat-taħriġ fl-intraprenditorija;

- il-kultivazzjoni tal-kultura ta' l-intrapriża fis-soċjeta kollha;

- l-identifikazzjoni u l-promozzjoni ta' politika speċifika favur l-IŻM.

3. Is-simplifikazzjoni u t-titjib ta' l-ambjent amministrattiv u regolatorju għall-kummerċ, b'mod partikolari biex imexxu l-quddiem ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-ħolqien tal-kummerċ

Dawn li ġejjin għandhom ikunu partikolarment imfittxija:

- aktar żvilupp tas-sistema ta' l-estimi tal-impatt tal-kummerċ għall-leġislazzjoni proposta tal-Komunità;

- regolazzjoni aħjar u ambjent amministrattiv aktar sempliċi b'mod ġenerali.

4. Jittejjeb l-ambjent finanzjarju għall-kummerċ, speċjalment l-IŻM

Bi tweġiba għall-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Lisbona fit-23 u fl-24 ta' Marzu 2000, dan il-programm għandu jrawwem b'mod partikolari:

(a) il-miżuri biex jittejjeb l-ambjent finanzjarju għal kummerċ, speċjalment l-IŻM. Dawn il-miżuri, li l-arranġamenti għall-operazzjoni tagħhom huma stabbiliti fuq bażi indikattiva f'Anness II, huma kif ġejjin:

(i) L-Iskema Start-up tal-Faċilità Teknoloġika Ewropea (ETF), operata mil-Bank ta' l-Investiment Ewropew (EIF)

L-Iskema Start-up ta' l-ETF għandha tappoġġa l-istabbiliment u l-finanzjament ta' l-IŻM fil-fażi tagħhom ta' start-up:

- billi tinvesti f'fondi kapitali spekulattivi speċjalizzati relevanti, b'mod partikolari f'fondi tal-bidu, fondi iżgħar, fondi li joperaw reġjonalment jew fondi ċċentrati fuq setturi u teknoloġiji speċifiċi, jew fondi ta' kapital spekulattiv li jiffinanzja l-esplojtazzjoni tar-riżultati tar-R&Ż (R&D), eż. fondi li għandhom x'jaqsmu maċ-ċentri tar-riċerka u ċentri tax-xjenza li minn naħa tagħhom jipprovvdu lill-IŻM b'kapital spekulattiv. Din l-iskema għandha ssaħħaħ upstream lill-ETF stabbilita mill-Bank ta' Investiment Ewropew (EIB) bil-kooperazzjoni tal-FIE billi tadotta politika ta' investiment li tinvolvi profil ta' riskju akbar, kemm rigward il-fondi intermedjarji u l-politika tagħhom ta' l-investiment.

L-FIE għandha tagħżel, tagħmel u tamministra l-investimenti fil-fondi tal-kapital spekulattiv, u meta xieraq, taħdem ma' l-iskemi nazzjonali. It-termini u l-kondizzjonijiet dettaljati għall-implementazzjoni tal-faċilitá ta' start-up ta' l-ETF, inklużi l-monitoraġġ u l-kontroll tagħha, għandhom ikunu stabbiliti bi ftehim ta' kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-EIF li jikkunsidraw l-istruttura indikattiva f'Anness II.

- billi jappoġġjaw l-istabbiliment u l-iżvilupp ta' l-inkubaturi tan-negozji u l-programmi assoċjati li jsegwu ("mentoring schemes").

(ii) Il-Faċilità ta' Garanzija ta' l-IŻM, imħaddma mill-EIF

Il-Faċilità tal-Garanzija ta' l-IŻM għandha tipprovvdi garanziji reċiproki jew, meta xieraq, garanziji konġunti għall-iskemi tal-garanzija li joperaw fl-Istati Membri, u l-graranziji diretti fil-każ tal-EIB jew ta' kwalunkwe tip ta' intermedjarji finanzjarji oħrajn xierqa, it-telf tagħha mil-garanziji relevanti ikun kopert mill-istima ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea.

Din ikun jgħin biex in-nuqqasijiet tas-suq ikunu rimedjati fl-oqsma li ġejjin:

- is-self għall-IŻM b'potenzjal ta' tkabbir, sabiex jitnaqqsu d-diffikultajiet partikolari li jiffaċjaw minħabba r-riskju għoli li jirrappreżentaw (eż. kumpanniji żgħar jew dawk li għandhom kemm ġew stabbiliti);

- il-microcredit, sabiex jinkoraġġixxu l-istituzzjonijiet finanzjarji biex ikollhom parti akbar f'dak il-qasam billi jiġi offrut self ta' ammont iżgħar li jinvolvi unità ta' spiża proporzjonalment aktar għolja li tieħu ħsieb l-ispejjeż għall-dawk li jisselfu b'garanziji insuffiċjenti;

- investimenti mill-fondi propji fl-IŻM b'potenzjal ta' tkabbir, inkluż l-investiment mill-fondi lokali jew reġjonali li jipprovdu l-kapital tal-bidu u/jew il-kapital tal-fażi start-up, sabiex jitnaqqsu partikolarment id-diffuktajiet li l-IŻM jiffaċċjaw minħabba l-istruttura finanzjarja dgħajfa tagħhom;

- L-esplojtazzjoni mill-impriżi ż-żgħar tal-possibilitajiet ġodda ippresentati mill-Internet u l-e-commerce- self garantit jista' jkopri l-apparat ta' l-IT, software u taħriġ sabiex jgħinu l-impriżi bħal dawn biex jimmodernizzaw lilhom nfushom f'dawn l-oqsma u jkunu aktar kompetitivi.

Kif ukoll garanziji u garanziji reċiproki, għajnuna addizzjonali lill-intermedjarji internazzjonali li jistgħu ikunu previsti, b'mod partikolari fir-rigward tal-microcredit.

Għajnuna bħal din hija intiża biex parzjalment tagħmel tajjeb għall-ispejjeż amministrattivi għolja inerenti għal attivitajiet bħal dawn.

L-allokazzjoni ta' l-estimi għandha tkopri l-ispiża kollha tal-faċilitá, inklużi t-telf ta' garanziji ta' l-EIF u kull tip ta' infieq u spejjeż eliġibbli tal-faċilità.

L-ispiża tal-faċilità għall-estimi ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għandha tkun ikkapjata hekk li taħt l-ebda ċirkostanzi ma teċċedi l-allokkazzjonijiet ta' l-estimi li jkunu disponibli għall-EIF permezz ta' din il-faċilita; m'għandu jkun hemm l-ebda kontinġenza ta' responsabbilità fuq l-estimi.

It-termini u l-kundizzjonijiet dettaljati għall-implementazzjoni tal-faċilitá tal-garanzija ta' l-IŻM, inklużi l-monitoraġġ u l-kontroll, għandhom ikunu stabbiliti bi ftehim ta' kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-EIF li jieħu kont ta' l-istruttura indikattiva f'Anness II.

(iii) L-Azzjoni tal-Kapital tal-Bidu, operat mill-EIF

L-azzjoni tal-Kapital tal-Bidu għadu l-għan li jistimula il-forniment tal-kapital għall-ħolqien ta' kummerċ ġdid innovattiv b'potenzjal tat-tkabbir u l-ħolqien tax-xogħol, inklużi dawk fl-ekonomija tradizzjonali, permezz ta' l-appoġġ għall-fondi tal-bidu, l-inkubaturi jew l-organizzazzjonijiet simili li fihom l-EIF tipparteċipa - jew mir-riżorsi tagħha jew fuq l-awtorizzazzjoni tagħha - mill-ewwel snin tagħhom 'l quddiem.

(iv) Impenn konġunt Ewropew

Dan il-programm jimmira li juża l-impenji effetwati sal-31 ta' Diċembru 2000 għall-benefiċju ta' l-impriżi li jkunu jippjanaw li jidħlu fi sħubija transnazzjonali. Il-kontribuzzjoni massima għall-kull proġett hija ta' EUR 100000.

Dawn il-miżuri finanzjarji jistgħu jkunu adattati fid-dawl ta' deċiżjonijiet futuri tal-Kunsill. Dawn il-faċilitajiet finanzjarji ser ikollhom ikunu implementati b'kollaborazzjoni stretta ma' l-Istati Membri.

(b) l-użu ta' l-euro min-negozji;

(ċ) il-miżuri biex jinkoraġġixxu il-finanzjament lokali, u b'mod partikolari biex jiżviluppaw networks ta' Business Angels;

(d) il-promozzjoni ta' network mall-Komunità kollha ta' fondi ta' kapital tal-bidu u l-amministraturi tagħhom u l-istimulazzjoni ta' skambju ta' l-aħjar prattiċi u taħriġ;

(e) l-organizzazzjoni ta' Round Tables ta' bankiera u tal-IŻM.

5. Jingħata aċċess aktar faċli lin-negozji għas-servizzi ta' sostenn, programmi u networks tal-Komunità, u tittejjeb il-koordinazzjoni ta' dawn il-faċilitajiet:

Dan il-programm għandu, b'mod partikolari, jiżviluppa azzjonijiet biex:

- jinkoraġġixxi l-aċċess għall-intrapriżi għall-programmi tal-Komunità u jassigura koordinazzjoni aħjar b'mod partikolari mal-ħames programm qafas dwar l-attivitajiet tar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u dimostrazzjonio (FPRD)

- itejjeb l-operazzjoni, l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni ta' networks tal-Komunità, b'mod partikolari l-Euro Info Centres u l-Euro Info Correspondence Centres. Fit-twettiq ta' dawn l-attivitajiet, il-Kummissjoni tista' tirrikorri għall-assistenza teknika ta' l-organizzazzjonijiet jew l-esperti, li l-finanzjament tagħhom jista' jkun provdut fi ħdan il-qafas finanzjarju ġenerali ta' dan il-programm,

- jippromwovi l-organizzazzjoni ta' avvenimenti ta' kooperazzjoni tan-negozji tal-Europartnership,

- jagħmel użu mir-rapport intitolat "Osservatorju Ewropew għall-IŻM".

--------------------------------------------------

ANNESS II

STRUMENTI FINANZJARJI TAL-KOMUNITÀ

I. Il-qafas indikattiv ta' l-implementazzjoni ta' l-iskema Start-up ta' l-ETF

A. Introduzzjoni

L-istart-up għandu jkun operat mill-EIF fuq bażi. fiduċjarja.

B. Intermedjarji

Rigward l-attivitajiet ta' kapital spekulattiv, l-intermedjarji għandhom ikunu magħżula skond l-aħjar prattika tan-negozju u tas-suq b'manjiera ġusta u trasparenti sabiex ikun evitat kull tip ta' distorsjoni fil-kompetizzjoni, waqt li jkun hemm konsiderazzjoni ta' l-għan li wieħed jopera permezz ta' sensiela kbira ta' fondi speċjalizzati.

Rigward l-implementazzjoni ta' l-azzjoni addizzjonali biex imexxu 'l quddiem l-inkubaturi tan-negozji, l-EIF għandha tistrieħ fuq l-esperjenza akkwistata mill-Istati Membri f'dak il-qasam.

Ċ. Investiment massimu

L-investiment aggregat massimu f'fond ta' kapital spekulattiv intermedjarju għandu ikun ta' 25 % tat-total tal-kapital azzjonarju miżmum mill-fondi relevanti, jew ta' 50 % f'każi eċċezzjonali li x'aktarx għandhom rwol katalitiku partikolarment qawwi fl-iżvilupp ta' swieq ta' kapital spekulattiv għall-teknoloġija speċifika jew f'reġjun speċifiku. L-ebda impenn f'fond ta' kapital spekulattiv wieħed m'għandu jeċċedi EUR 10 miljuni apparti milli f'każijiet eċċezzjonali, issostanzjati kif meħtieġ; l-impennji m'għandhom fl-ebda każ jeċċedu EUR 15-il miljun. Il-fondi intermedjarji tal-kapital spekulattiv għandhom ikunu konformi mal-prattiċi stabbiliti tas-suq rigward id-diversifikazzjoni tal-portfolio.

D. Investiment pari passu

L-investiment magħmul mill-ETF start-up fil-fondi intermedjarji għandu ikunu pari passu ma' l-investituri azzjonarji oħrajn. Kull eċċezzjoni għal din ir-regola għandha tkun soġġett għall-opinjoni tal-Kumitat riferit f'Artikolu 3.

E. Tul ta' żmien tal-faċilità

L-iskema start-up ta' l-FTE hija stabbilita bħala faċilità fit-tul li normalment tieħu pożizzjonijiet f'fondi ta' kapital spekulattiv ta' minn 5 sa 12-il sena. Fi kwalunkwe każ, l-investimenti m'għandhomx jaqbżu s-16-il sena mill-waqt tal-firma tal-ftehim ta' kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-EIF riferit f'Anness I.

F. Realizzazzjoni ta' l-investimenti

Bħal bosta mill-investimenti li għandhom iseħħu taħt l-iskema start-up ta' l-ETF jkunu f'entitajiet mhux kwotati, u mhux likwidi, ir-realizzazzjoni ta' dawk l-investimenti għandha tkun bażata fuq it-tqassim tad-dħul akkwistat mil-fondi intermedjarji mill-bejgħ ta' l-investimenti tagħhom fl-IŻM.

Ġ. Investiment mil-ġdid tad-dħul mill-investimenti realizzati

Id-dħul minn rimborsi effettwati mill fondi ta' l-EIF jistgħu jerġgħu jiġu nvestiti mill-ġdid matul l-ewwel erba' snin wara l-20 ta' Diċembru 2000. Dan il-perjodu jista' jiġi estiż sa tliet snin, soġġett għall-evalwazzjoni sodisfaċenti tal-faċilitá li tkun saret 48 xahar wara l-20 ta' Diċembru 2000.

Ħ. Kont fiduċjarju

Kont fiduċjarju separat fl-EIF biex jinżammu fondi ta' l-estimi li huma ta' sostenn għall-iskema. Dan il-kont għandu jkun bl-imgħaxx; imgħaxx akwistat għandu jkun miżjud mar-riżorsi tal-faċilità. L-Investimenti magħmula mill-EIF taħt l-iskema Start-up ta' l-ETF u t-tariffi ta' l-amministrazzjoni ta' l-EIF u spejjeż oħra eliġibbli ikunu debitati mill-kont tal-fondi, u d-dħul mil-investimenti mwettqa ikunu kkreditati lill-Kont Fiduċjarju. Fit-tmiem tar-raba' sena wara l-20 ta' Diċembru 2000 jew, basta li l-perjodu ta' l-investiment mill-ġdid ta' l-iskema ikun imtawwal, wara l-aħħar tal-perjodu mtawwal ta' investiment mill-ġdid, kull tip ta' bilanċi fil-Kont Fiduċjarju, minbarra l-fondi kommessi u li għadhom mhumiex miġbura/investiti u fondi li huma raġjonevolment meħtieġa biex ikopru nfiq u spejjeż eliġibbli, bħat-tariffa ta' l-immaniġġjar ta' l-EIF, għandhom ikunu mibgħuta lura lejn l-estimi ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea.

I. Qorti ta' l-Awdituri

Arranġamenti xierqa għandhom ikunu magħmula sabiex il-Qorti ta' l-Awdituri titħalla teżerċita il-missjoni tagħha u tivverifika ir-regolarità ta' l-użu tal-fondi.

II. Struttura indikattiva ta' l-implementazzjoni tal-Faċilità tal-Garanzija ta' l-IŻM

A. Introduzzjoni

Il-Faċilità tal-Garanzija ta' l-IŻM għandha tkun operata mill-EIF fuq bażi fiduċjarja.

B. Intermedjarji

L-intermedjarji huma magħżula minn fost l-iskemi ta' garanzija operati mill-Istati Membri fis-settur pubbliku u fis-settur privat, inklużi l-iskemi reċiproki ta' garanzija, l-EIB jew kull tip ta' istituzzjoni finanzjarja xierqa. L-intermedjarji għandhom ikunu magħżula skond l-aħjar prattika tan-negozju u tas-suq b'mod ġust u trasparenti, wara li jiġu kkunsidrati:

(a) l-effet fuq il-volum tal-finanzjament (self, investimenti) li huma disponibbli għall-IŻM, u/jew

(b) l-effett fuq l-aċċess għall-finanzjament mill-IŻM, u/jew

(ċ) l-effett fuq ir-riskju li jittieħed mill-intermedjarji kkonċernati fil-finanzjament ta' l-IŻM.

Ċ. Self eliġibbli ta' l-IŻM

Il-kriterji finanzjarji li jirregolaw l-eliġibilità tal-finanzjament ta' l-IŻM għall-garanziji taħt il-Faċilità tal-Garanzija ta' l-IŻM għandha tkun stabbilita individwalment għal kull intermedjarju fuq il-bażi ta' l-attivitajiet tiegħhu, bil-għan li jintlaħqu kemm jista' jkun possibli IŻM. Dawn ir-regoli għandhom jirriflettu l-kondizzjonijiet u l-prattiċi tas-suq fit-territorji relevanti.

Il-garanziji u l-garanziji reċiproki għandhom ikunu disponibbli l-aktar biex ikopru l-finanzjament għall-IŻM li jkollhom sa 100 impjegat (bil-prijoritá mogħtija lill-IŻM li jkollhom sa 50 impjegat fir-rigward ta' l-attivitajiet speċifiċi biex imexxu l'quddiem l-użu ta' l-Internet u l-e-commerce minn impriżi żgħar). Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-finanzjament għall-kisba ta' assi intanġibbli.

D. Garanziji ta' l-EIF

Il-garanziji mogħtija mill-EIF għandhom jirrelataw mal-finanzjament individwali f'portfolio speċifiku tat-transazzjonijiet. Il-garanziji maħruġa mill-EIF għandhom ikopru parti mir-riskju meħud mill-intermedjarju finanzjarju fil-portfolio tal-finanzjament.

E. It-Telf kumulattiv massimu kkapjat ta' l-EIF

L-obligu ta' l-EIF li tħallas is-seħem tagħha mit-telf finanzjarju lill-intermedjarju għandha tibqa' sa kemm l-ammont kumulattiv tal-pagamenti magħmula biex ikopru t-telf minn portfolio finanzjarju speċifiku, imnaqqas meta xieraq bl-ammont kumulattiv ta' l-irkupru korrespondenti tat-telf, flimkien ma' introjtu ieħor, jilħaq ammont mifthiem minn qabel, u wara dan il-garanzija tal-EIF tkun awtomatikament ikkanċellata.

F. EIF pari passu ma' l-intermedjarju

Il-garanziji mogħtija mill-EIF issoltu tkun ta' l-istess qawwa pari passu mal-garanżiji jew meta xieraq mal-finanzjament mogħti mill-intermedjarju.

Ġ. Kont fiduċjarju

Kont fiduċjarju għandu jkun stabbilit fl-EIF biex iżomm il-fondi ta' l-estimi li previsti għall-iskema. Dan il-kont għandu jkun bl-imgħaxx; l-imgħaxx akkwistat għandu jkun miżjud mar-riżorsi tal-faċilitá.

Ħ. Id-dritt ta' l-EIF biex tirtira l-fondi mill-Kont Fiduċjarju

L-EIF għandha jkollha d-dritt li tiddebita il-Kont Fiduċjarju għall-ħlas sabiex tilħaq l-obligi tagħha għat-telf kumulattiv massimu tagħha taħt il-faċilità tal-garanzija, u, soġġett għall-ftehim mill-Kummissjoni, kull tip ta' spejjeż eliġibbli oħra, per eżempju, l-ispejjeż amministrattivi, l-ispejjeż legali eliġibbli u l-ispejjeż promozzjonali ta' l-iskema.

I. Irkupru tat-telf u d-dħul ta' flus pagabbli għall-Kont Fiduċjarju

Kull somma ta' flus irkuprata minn telf ta' self li għalihom ikun sar il-pagament permezz tal-garanziji msejħa, flimkien ma dħul ieħor ta' flus, għandhom ikunu akkreditati fil-Kont Fiduċjarju.

J. Tul ta' l-Iskema

Huwa meqjus li l-garanziji individwali ta' l-IŻM għandhom ikollhom maturità ta' 10 snin. Kull ammont li jkun fadal fil-Kont Fiduċjarju fid-data ta' l-egħluq ta' l-aħħar garanziji għandu jkun trasferit fl-estimi ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea.

K. Qorti ta' l-Awdituri

Arrangamenti xierqa għandhom isiru biex jippermettu lill-Qorti ta' l-Awdituri li teżerċita l-missjoni tagħha u tivverifika ir-regolarità ta' l-użu tal-fondi.

III. Struttura indikattiva ta' l-implementazzjoni ta' l-Azzjoni tal-Kapital tal-Bidu

A. Introduzzjoni

L-Azzjoni tal-Kapital tal-Bidu għandu jkun operat mill-EIF.

B. Qorti ta' l-Awdituri

Arranġamenti xierqa għandhom isiru biex jippermettu lill-Qorti ta' l-Awdituri biex teżerċita il-missjoni tagħha u tivverifika ir-regolaritá ta' l-użu tal-fondi.

IV. Impenn Konġunt Ewropew

L-esperjenza wriet li din l-iskema għandha bżonn tkun issimplifikata sabiex tiffaċilita t-talbiet ta' l-IŻM għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji li jkunu ttrattati malajr mill-intermedjarji finanzjarji u mid-dipartimenti tal-Kummissjoni u biex tassigura li r-riżorsi tal-Komunità ikunu użati b'mod korrett. Barra minn dan, il-Kummissjoni qiegħda preżentament teżamina l-possibilità li tadatta il-kriteria ta' l-eġibilità sabiex tirrispondi b'mod aktar effettiv għall-bżonnijiet ta' l-IŻM rigward l-investimenti trans-konfini, inklużi dawk fl-Istati applikanti.

--------------------------------------------------