32000D0791



Official Journal L 316 , 15/12/2000 P. 0069 - 0073


Id-Deċiżjoni tal-Fondazzjoni Ewropea għat-titjib tal-kondizzjonijiet tal-għixien u tax-xogħol

tal-11 ta' Frar 2000

li tistabbilixxi kodiċi ta' mġieba amministrattiva tajba

(2000/791/KE)

IL-FONDAZZJONI EWROPEA GĦAT-TITJIB TAL-KONDIZZJONIJIET TAL-GĦIXIEN U TAX-XOGĦOL,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1365/75 tas-26 ta' Mejju 1975 dwar il-ħolqien ta' Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Għixien u tax-Xogħol u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1947/93,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1860/76 tad-29 ta' Ġunju 1976 li jistabbilixxi l-Kondizzjonijiet tax-Xogħol tal-Persunal tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib fil-Kondizzjonijiet tal-Għixien u tax-Xogħol u li jemenda Regolamenti (KEE) Nru 680/87, (KEE) Nru 1238/80 u (KEE) Nru 510/82,

Wara li kkunsidrat id-disposizzjonijiet dwar it-trasparenza fit-Trattat ta' Amsterdam, u b'mod partikolari Artikolu 1 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u Artikolu 21 tat-Trattat dwar il-Komunitá Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-rapport tal-Kumitat dwar il-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew rigward l-attivitajiet tiegħu stess fis-snin 1996 sa’ l-1997 [1], billi sejjaħ għal kodiċi ta' mġieba amministrattiva tajba,

Wara li kkunsidrat ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Lulju 1998 rigward ir-Rapport Annwali dwar l-attivitajiet ta' l-Ombusdman Ewropew fis-sena 1997 (Ċ4-0270/98) [2],

Wara li kkunsidrat l-inkjesta ta' l-inizzjattiva minn rajh ta' l-Ombudsman Ewropew dwar l-eżistenza u l-aċċessibbiltà pubblika, fl-istituzzjonijiet u fil-korpi differenti Komunitarji, ta' kodiċi ta' mġieba amministrattiva tajba għall-uffiċjali fir-relazzjonijiet tagħhom mal-pubbliku,

Wara li kkunsidrat ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' April 1998 rigward ir-Rapport Annwali dwar l-attivitajiet ta' l-Ombusdman Ewropew fis-sena 1998 (Ċ4-0138/99),

Wara li kkunsidrat l-eżistenza ta' Kodiċi ta' kondotta dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Fondazzjoni, kontenuta fid-Deċiżjoni tal-Bord Amministrattiv tal-21 ta' Novembru 1997 [3],

Billi t-Trattat ta' Amsterdam daħħal b'mod espliċitu l-kunċett tat-trasparenza fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, billi ddikjara illi jimmarka stadju ġdid fil-proċess tal-ħolqien ta' għaqda dejjem eqreb fejn deċiżjonijiet jittieħdu b'mod kemm jista’ jkun miftuħ u b'mod kemm jista jkun qrib taċ-ċittadin,

Billi, sabiex l-amministrazzjoni titressaq aktar qrib iċ-ċittadin u sabiex tiġi garantita kwalità aħjar ta' amministrazzjoni, għandu jiġi adottat kodiċi li jkun fih il-prinċipji bażiċi ta' l-imġieba amministrattiva tajba għall-uffiċjali fir-relazzjonijiet tagħhom mal-pubbliku,

Billi dan il-kodiċi huwa ta' ħtieġa kemm għall-membri tal-Persunal, billi jinfurmahom b'mod dettaljat bir-regoli li jridu jħarsu meta jkollhom x'jaqsmu mal-pubbliku, kif ukoll għaċ-ċittadin, billi jipprovdih/a bit-tagħrif dwar l-i standard tal-kondotta illi huma intitolati li jistennew meta jkollhom x’jaqsmu ma l-amministrazzjonijiet Komunitarji,

Billi dan il-kodiċi jista’ jkun effiċjenti biss jekk ikun dokument aċċessibbli pubblikament għaċ-ċittadin, u b'hekk ippubblikat fil-għamla ta' deċiżjoni bħad-Deċiżjoni msemmija hawn fuq dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Fondazzjoni,

Billi, fir-Riżoluzzjonijiet tiegħu Ċ4-0270/98 u Ċ4-0138/99, il-Parlament laqa’ tajjeb l-inizjattiva għal kodiċi ta' mġieba amministrativa tajba għall-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji, u enfasizza l-ħtieġa urġenti li dan il-kodiċi jitfassal malajr kemm jista jkun,

Billi l-Parlament enfasizza wkoll l-importanza li dan il-kodiċi jkun l-aktar qrib possibbli ta' l-istituzzjonijiet u l-korpi kollha Ewropej, li jkun aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha Ewropej, u li jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej,

Waqt li għalhekk jikkunsidra li hu mixtieq li jiġi stabbilit Kodiċi li jirregola l-prinċipji ta' mġieba amministrattiva tajba li l-membri tal-Persunal għandhom jirispettaw fir-relazzjonijiet tagħhom mal-pubbliku, u li dan il-kodiċi jkun disponibbli għall-pubbliku,

IDDEĊIEDIET DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

Fir-relazzjonijiet tagħhom mal-pubbliku, il-Persunal tal-Fondazzjoni għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Għixien u tax-Xogħol għandhom iħarsu l-prinċipji stabbiliti f’din id-Deċiżjoni u li jikkostitwixxu l-kodiċi ta' mġieba amministrattiva tajba, minn issa l quddiem imsejjeħ "il-Kodiċi".

Artikolu 2

Il-qasam ta' applikazzjoni Persunali

1. Il-Kodiċi għandu japplika għall-membri kollha tal-Persunal li għalihom japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal, fir-relazzjonijiet tagħhom mal-pubbliku.

2. Il-Fondazzjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiżgura illi d-disposizzjonijiet dikjarati f'dan il-Kodiċi japplikaw ukoll għal persuni oħra li jaħdmu għaliha, bħalma huma l-persuni impjegati fuq kuntratt skond il-liġi privata, l-esperti sekondati mis-servizzi ċivili nazzjonali u persuni fit-taħriġ.

3. Il-kelma ’pubbliku tirreferi għal persuni naturali jew legali, sewwa jekk dawn jirresjedu jew għandhom l-uffiċju reġistrat tagħhom fi Stat Membru u sewwa jekk le.

Artikolu 3

Il-qasam ta' applikazzjoni materjali

1. Dan il-Kodiċi fih il-prinċipji ġenerali dwar l-imġieba amministrattiva tajba li japplikaw għar-relazzjonijiet kollha tal-membri tal-Persunal tal-Fondazzjoni mal-pubbliku, għajr jekk regolati b'disposizzjonijiet speċifiċi.

2. Il-prinċipji ddikjarati f'dan il-Kodiċi ma japplikawx għar-relazzjonijiet bejn il-Fondazzjoni u l-membri tal-Persunal tagħha. Dawn ir-relazzjonijiet huma regolati bir-Regolamenti tal-Persunal.

Artikolu 4

Il-legalità

Il-membru tal-Persunal għandu jaġixxi skond il-liġi u japplika r-regoli u l-proċeduri stabbiliti fil-leġislazzjoni Komunitarja. Il-membru tal-Persunal għandu b'mod partikolari joqgħod attent illi d-deċiżjonijiet li jistgħu jaffettwaw d-drittijiet jew l-interessi ta' l-individwi jkollhom bażi fil-liġi u li l-kontenut tagħhom iħares il-liġi.

Artikolu 5

In-nuqqas tad-diskriminazzjoni

1. Waqt li jittratta t-talbiet mill-pubbliku u fit-teħid tad-deċiżjonijiet, il-membru tal-Persunal għandu jiżgura illi jiġi rrispettat il-prinċipju ta' l-ugwaljanza fit-trattament. Il-membri tal-pubbliku għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod fejn għandha x'taqsam kwistjoni simili.

2. Jekk issir differenza fit-trattament, il-membru tal-Persunal għandu jiżgura illi hija ġustifikata bil-karatteristiċi rilevanti oġġettivi tal-każ partikolari.

3. Il-membru tal-Persunal għandu b'mod partikolari jevita kull diskriminazzjoni mhux ġustifikata bejn membri tal-pubbliku bażata fuq in-nazzjonaliá, is-sess, l-oriġni razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilitá, l-etá jew l-orjentament sesswali.

Artikolu 6

Il-proporzjonalitá

1. Fit-teħid tad-deċiżjonijiet, il-membru tal-Persunal għandu jiżgura illi l-miżuri meħuda huma fil-proporzjon ta' l-għan segwit. Il-membru tal-Persunal għandu b'mod partikolari jevita li jirrestrinġi d-drittijiet taċ-ċittadini jew li jimponi imposti fuqhom, fejn dawn ir-restrizzjonijiet jew imposti ma jkollhomx x'jaqsmu b'mod raġjonevoli ma’ l-iskop ta' l-azzjoni segwita.

2. Fit-teħid tad-deċiżjonijiet, il-membru tal-Persunal għandu jikkalkola bilanċ xieraq bejn l-interessi ta' persuni privati u l-interess pubbliku ġenerali.

Artikolu 7

In-nuqqas ta' l-abbuż tal-poter

Il-poteri għandhom jiġu eżerċitati bil-għanijiet waħdiena li għalihom ikunu ġew konferiti mid-disposizzjonijiet rilevanti. Il-membru tal-Persunal għandu jevita b'mod partikolari li juża dawn il-poteri għal skopijiet li ma għandhomx bażi fil-liġi jew li ma jkunu motivati minn ebda interess pubbliku.

Artikolu 8

L-imparzjalitá u l-indipendenza

1. Il-membru tal-Persunal għandu jkun imparjzali u indipendenti. Il-membru tal-Persunal għandu jastjieni minn kull azzjoni arbitrarja li taffettwa b'mod żvantaġġuż il-membri tal-pubbliku, kif ukoll kull trattament prefenzjali tkun xi tkun ir-raġuni.

2. Il-membru tal-Persunal ma għandu jiġi ggwidat minn ebda influwenza tkun xi tkun il-għamla tagħha, inklużi l-influwenzi politiċi, jew l-interessi personali.

3. Il-membru tal-Persunal għandu jastjeni milli jiġi involut fit-teħid ta' deċiżjoni dwar materja li tirrigwarda l-interessi tiegħu, jew dawk tal-familja, il-qraba, il-ħbieb u l-konnoxxenti tiegħu jew tagħha.

Artikolu 9

L-oġġettivitá

Fit-teħid tad-deċiżjonijiet, il-membru tal-Persunal għandu jqis il-fatturi rilevanti u jagħti lil kull wieħed minnhom l-importanza approprjata fid-deċiżjoni, filwaqt li jeskludi kull element irrilevanti mill-konsiderazzjoni.

Artikolu 10

L-aspettativi leġittimi u l-konsistenza

1. Il-membru tal-Persunal għandu jkun konsistenti fl-imġieba amministrattiva tiegħu kif ukoll ma’ l-azzjoni amministrattiva tal-Fondazzjoni. Il-membru tal-Persunal għandu jsegwi l-prattiċi amministrattivi normali tal-Fondazzjoni, għajr jekk ikun hemm raġjunijiet leġittimi li ma jsegwix dawn il-prattiċi f'każ individwali.

2. Il-membru tal-Persunal għandu jirrispetta l-aspettativi leġittimi u raġjonvoli li jkollhom il-membri tal-pubbliku fid-dawl ta' kif il-Fondazzjoni tkun aġixxiet fil-passat.

Artikolu 11

Is-sens tal-ġustizzja

Il-membru tal-Persunal għandu jaġixxi b'sens ta' ġustizzja u b'mod raġjonevoli.

Artikolu 12

Il-korteżija

1. Il-membru tal-Persunal għandu jkun leali lejn is-servizz, korrett, ħelu fil-manjieri tiegħu u aċċessibbli fejn għandu x'jaqsam il-pubbliku. Fit-tweġib tal-korrispondenza, fuq it-telefon u fl-e-mails, il-membru tal-Persunal għandu jipprova kemm jista’ jkun li jkun ta' għajnuna u li jwieġeb il-mistoqsijiet magħmula lilu.

2. Jekk il-membru tal-Persunal ma jkunx responsabbli mill-materja involuta, hu jew hi għandhom jidderieġu liċ-ċittadin lill-membru tal-Persunal approprjat.

3. Jekk jinqala’ żball li jaffettwa negattivament id-drittijiet jew l-interessi ta' membru tal-pubbliku, il-membru tal-Persunal għandu jitlob skuża għalih.

Artikolu 13

It-tweġib għall-ittri fl-ilsien taċ-ċittadin

Il-membru tal-Persunal għandu jagħraf id-dritt ta' kull ċittadin ta' l-Unjoni jew kull membru tal-pubbliku li jikteb lill-Fondazzjoni f'wieħed mill-ilsna tat-Trattat u li jirċievi tweġiba fl-istess ilsien.

Artikolu 14

Id-dikjarazzjoni ta' l-irċevuta u l-indikazzjoni ta' l-uffiċjal kompetenti

1. Kull ittra jew ilment lill-Fondazzjoni għandhom jirċievu dikjarazzjoni ta' l-irċevuta fi żmien ġimagħtejn, għajr jekk tkun tista’ tintbagħat tweġiba sostantiva f'dan il-perjodu taż-żmien.

2. It-tweġiba jew id-dikjarazzjoni ta' l-irċevuta jridu jindikaw l-isem u n-numru tat-telefon tal-membru tal-Persunal li jkun qiegħed jittratta l-materja, kif ukoll tas-servizz li hu jew hija jappartjienu għalih.

3. Ma hemm bżonn li tintbagħat l-ebda dikjarazzjoni ta' l-irċevuta jew ta' tweġiba f'każijiet fejn l-ittri jew l-ilmenti jkunu abbużivi minħabba n-numru eċċessiv tagħhom jew minħabba li jkunu repetittivi jew bla raġuni

Artikolu 15

L-obbligu tat-trasferiment lis-servizz kompetenti tal-Fondazzjoni.

1. Jekk ittra jew ilment lill-Fondazzjoni jiġu indirrizzati jew mibgħuta lil servizz li ma jkollux il-kompetenza li jittrattahom, is-servizz li lilu jkunu mibgħuta għandu jiżgura illi l-fajl jiġi trasferit mingħajr dewmien lis-servizz kompetenti tal-Fondazzjoni.

2. Is-servizz li jkun irċieva l-ittra jew l-ilment fil-bidu għandu javża lill-awtur b'dan it-trasferiment u għandu jindika l-isem u n-numru tat-telefon tal-membru tal-Persunal li lilu jkun bagħat il-fajl.

Artikolu 16

Id-dritt għas-smigħ u li jsiru dikjarazzjonijiet

1. F'każijiet fejn ikunu involuti d-drittijiet jew l-interessi ta' persuni, il-membru tal-Persunal għandu jiżgura illi, f'kull stadju tal-proċedura tat-teħid tad-deċiżjonijiet, jiġu rispettati d-drittijiet tad-difiża.

2. Kull membru tal-pubbliku għandu jkollu d-dritt, fil-każijiet li fihom għandha tittieħed deċiżjoni li taffettwa d-drittijiet tiegħu jew tagħha, li jissottometti kummenti bil-miktub u, fejn hu meħtieġ, li jippreżenta osservazzjonijiet orali qabel ma tittieħed id-deċiżjoni.

Artikolu 17

Il-limitu raġjonevoli taż-żmien għat-teħid tad-deċiżjonijiet

1. Il-membru tal-Persunal għandu jiżgura illi tttieħed deċiżjoni fuq kull talba jew ilment lill-Fondazzjoni f'limitu raġjonevoli taż-żmien, mingħajr dewmien, u f'kull każ mhux aktar tard minn xahrejn mid-data li fiha jkunu ġew irċevuti. L-istess regola għandha tapplika għat-tweġib ta' l-ittri mill-membri tal-pubbliku.

2. Jekk ma jistgħux jittieħdu deċiżjonijiet fuq talba jew ilment lill-Fondazzjoni, minħabba l-komplessitá tal-materji li jqajmu, fil-limitu taż-żmien imsemmi hawn fuq, il-membru tal-Persunal għandu jgħarraf lill-awtur b'dan malajr kemm jista’ jkun. F'dan il-każ, deċiżjoni definittiva għandha tiġi nnotifikata lill-awtur fl-inqas żmien possibbli.

Artikolu 18

Id-dmir li jiġu dikjarati r-raġjunijiet dwar id-deċiżjoniiet

1. Kull deċiżjoni tal-Fondazzjoni li tista’ taffettwa b'mod żvantaġġuż id-drittijiet jew l-interessi ta' persuna privata għandha tiddikjara r-raġjunijiet li fuqhom tkun ibbażata b'indikazzjoni ċara tal-fatti rilevanti u tal-bażi legali tad-deċiżjoni.

2. Il-membru tal-Persunal għandu jevita li jieħu deċiżjonijiet li jkunu bażati fuq raġunijiet qosra u vagi jew li ma jkunx fihom raġunament individwali.

3. Jekk dan ma jkunx possibbli, minħabba n-numru kbir tal-persuni interessati minn deċiżjonijiet simili, li jiġu kommunikati fid-dettal ir-raġunijiet tad-deċiżjoni u fejn għalhekk isiru tweġibiet standard, il-membru tal-Persunal għandu jiġġarantixxi illi huwa jew hija għandhom jipprovdu liċ-ċittadin b'raġunament individwali jekk dan jitlob hekk espressament.

Artikolu 19

L-indikazzjoni tal-possibbiltajiet ta' appell

1. Deċiżjoni tal-Fondazzjoni li tista’ taffettwa b'mod żvantaġġuż id-drittijiet jew l-interessi ta' persuna privata għandu jkun fiha indikazzjoni tal-possibbiltajiet ta' appell disponibbli sabiex tiġi sfidata d-deċiżjoni. Għandha, b'mod partikolari, tindika n-natura tar-rimedji, il-korpi li quddiemhom jistgħu jiġu eżerċtitati, kif ukoll il-limiti taż-żmien għall-eżerċizzju tagħhom.

2. Id-deċiżjonijiet għandhom b'mod partikolari jirreferu għall-possibbitá ta' proċeduri u ilmenti ġuridiċi lill-Ombudsman fuq il-kondizzjonijiet speċifikati rispettivament f'Artikoli 230 u 195 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitá Ewropea.

Artikolu 20

In-notifika tad-deċiżjoni

1. Il-membru tal-Persunal għandu jiżgura illi deċiżjonijiet li jaffettwaw id-drittijiet jew l-interessi ta' persuni individwali jiġu notifikati bil-miktub, malli tittieħed id-deċiżjoni, lill-persuna jew lill-persuni involuti.

2. Il-membru tal-Persunal għandu jastjieni milli jikkommunika d-deċiżjoni lil sorsi oħra sakemm ikunu ġew imgħarrfa l-persuni jew il-persuna involuti.

Artikolu 21

Il-protezzjoni ta' l-informazzjoni

1. Il-membru tal-Persunal li jittratta informazzjoni Persunali dwar ċittadin għandu jirrispetta l-prinċipji stabbiliti fid-Direttiva 95/46/KE dwar il-protezzjoni ta' l-individwi rigward il-proċessar ta' l-informazzjoni Persunali u l-moviment liberu ta' din l-informazzjoni.

2. Il-membru tal-Persunal għandu b'mod partikolari jevita milli jipproċessa l-informazzjoni Persunali għal raġunijiet li mhumiex leġittimi jew it-trasmissjoni ta' din l-informazzjoni lil persuni mhux awtorizzati.

Artikolu 22

It-talbiet għat-tagħrif

1. Meta jkun jew tkun responsabbli mill-materja interessata, il-membru tal-Persunal għandu jipprovdi lill-membri tal-pubbliku t-tagħrif li jitolbu. Il-membru tal-Persunal għandu joqgħod attent illi t-tagħrif ikkomunikat ikun ċar u li jista’ jinftiehem.

2. Jekk talba orali għat-tagħrif tkun ikkomplikata wisq jew wisq komprensiva, il-membru tal-Persunal għandu jagħti parir lill-persuna involuta illi jifformula t-talba tiegħu jew tagħha bil-miktub.

3. Jekk, minħabba l-kunfidenzjalitá tagħha, uffiċjal ma jistax jiżvela t-tagħrif mitlub, hu jew hi jridu, skond Artikolu 18 ta' dan il-Kodiċi, jindikaw lill-persuna involuta r-raġunijiet għaliex ma jistgħux jagħtu t-tagħrif.

4. B'żieda mat-talbiet għal tagħrif dwar materji li fuqhom ma jkollu l-ebda responsabbilitá, il-membru tal-Persunal għandu jidderieġi lill-persuna li tagħmel it-talba lejn il-persuna kompetenti u jindika ismu jew isimha u n-numru tat-telefon. B'żieda mat-talbiet għal tagħrif dwar korp jew istituzzjoni Komunitarji oħra, il-membru tal-Persunal għandu jidderieġi lill-persuna li tagħmel it-talba lejn din l-istituzzjoni jew dan il-korp.

5. Fejn approprjat, il-membru tal-Persunal għandu, skond is-suġġett tat-talba, jidderieġi lill-persuna li tkun qiegħda tfittex it-tagħrif lejn is-servizz tal-Fondazzjoni responsabbli mill-għoti tat-tagħrif lill-pubbliku.

Artikolu 23

It-talbiet għall-aċċess pubbliku għad-dokumenti

1. B'żieda mat-talbiet għall-aċċess għad-dokumenti tal-Fondazzjoni, il-membru tal-Persunal għandu jagħti l-aċċess għal dawn id-dokumenti skond id-Deċiżjoni tal-Fondazzjoni dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Fondazzjoni [4].

2. Jekk il-membru tal-Persunal ma jistax iħares talba orali għall-aċċess għad-dokumenti, iċ-ċittadin għandu jiġi mgħarraf biex jifformulaha bil-miktub.

Artikolu 24

Iż-żammm ta' reġistrazzjonijiet adegwati

Id-dipartimenti tal-Fondazzjoni għandhom iżommu reġistrazzjonijiet adegwati tal-posta tagħhom li tidħol u li toħroġ, tad-dokumenti li jirċievu, u tal-miżuri li jieħdu.

Artikolu 25

L-aċċess tal-pubbliku għall-Kodiċi

1. Il-Fondazzjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex dan il-Kodiċi jgawdi l-pubbliċità l-iktar wiesgħa possibbli fost iċ-ċittadini.

2. Il-Fondazjoni għandha tipprovdi kopja ta' dan il-Kodiċi lil kull ċittadin li jitolbu.

Artikolu 26

Id-dritt ta' l-ilment lill-Ombudsman Ewropew

Kull nuqqas min-naħa ta' membru tal-Persunal milli jħares il-prinċipji ddikjarati f'dan il-Kodiċi jista’ jkun bla ħsara għal ilment lill-Ombudsman Ewropew skond Artikolu 195 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u l-Istatut ta' l-Ombudsman Ewropew [5].

Artikolu 27

Ir-reviżjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi riveduta wara sentejn ta' ħidma. Fis-sena 2002, id-Direttur tal-Fondazzjoni għandu jissottometti rapport lill-Bord Amministrattiv dwar l-implementazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għall-perjodu taż-żmien bejn it-12 ta' Frar 2000 u l-11 ta' Frar 2002, bħala tħejjija għal din ir-reviżjoni.

Artikolu 28

Id-dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-12 ta' Frar 2000. Għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Magħmula fi Brussel, il-11 ta' Frar 2000.

Għall-Bureau

Marc Bosniel

Viċi-President

[1] A4 - 0190/97.

[2] ĠU Ċ 292, tal-21.9.1998, p. 168.

[3] ĠU L 296, tas-17.11.1999, p. 25.

[4] ĠU L 296, tas-17.11.1999, p. 25.

[5] Deċiżjoni Nru 94/262/KEFA, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 1994 dwar ir-regolamenti u l-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tax-xogħol tad-dmirijiet ta' l-Ombudsman (ĠU L 113, ta' l-4.5.1994, p. 15).

--------------------------------------------------