32000D0731



Official Journal L 293 , 22/11/2000 P. 0031 - 0032


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

ta' l-10 ta' Novembru 2000

li tistabilixxi regoli ta' proċedura tal-Forum Konsultattiv dwar l-iskema riveduta ta' Eko-tikketta Komunitarja

(notifikata taħt dokument numru K(2000) 3281)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2000/731/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 175(1) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1980/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Lulju 2000 dwar skema riveduta ta' l-Eko-tiketta Komunitarja [1], u b'mod partikolari Artikolu 15 tagħha,

Billi:

(1) L-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 1980/2000 jipprovdi li l-Kummissjoni għandha twaqqaf Bord ta' l-Unjoni Ewropea għall-Ittikkettjar Ekoloġiku, hawnhekk u 'il quddiem imsejjaħ "EUEB", li jkun jikkonsisti mill-korpi kompetenti msemmija f'Artikolu 14 u mill-Forum Konsultattiv imsemmi f'Artikolu 15.

(2) L-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 1980/2000 jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tiżgura li fit-twettiq ta' l-attivitajiet tagħha l-EUEB josserva, dwar kull grupp ta' prodotti, il-parteċipazzjoni bilanċjata tal-partijiet rilevanti interessati li għandhom x'jaqsmu ma' dak il-grupp ta' prodotti bħall-industrija u lil dawk li jagħtu s-servizzi, inklużi SMEs, is-snajja u l-organizzazzjonijiet tan-negozju tagħhom, trade unions, negozjanti, bejjiegħa bl-imnut, importaturi, gruppi tal-protezzjoni ta' l-ambjent u organizzazzjonijiet tal-konsumatur.

(3) L-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 1980/2000 jipprovdi li dawn il-partijiet għandhom jiltaqgħu f'Forum Konsultattiv.

(4) L-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 1980/2000 jipprovdi li r-regoli ta' proċedura tal-Forum Konsultattiv għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 17.

(5) Il-Premess 5 tar-Regolament (KE) Nru 1980/2000 jipprovdi illi sabiex il-pubbliku in ġenerali jaċċetta s-Sistema ta' Għoti ta' l-Eko-tiketta Komunitarja huwa essenzjali li l-għaqdiet mhux governattivi (NGOs) ta' l-ambjent u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur għandhom parti mportanti fl-iżvilupp u l-issettjar tal-kriterji għall-Eko-tiketta Komunitarja.

(6) L-Anness IV(1) tar-Regolament (KE) Nru 1980/2000 jipprovdi li grupp ad hoc speċifiku tax-xogħol li jinvolvi l-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 15 u l-korpi kompetenti msemmija fl-Artikolu 14 għandu jitwaqqaf fi ħdan l-EUEB għall-iżvilupp tal-kriterji għall-Eko-tikketta għal kull grupp ta' prodotti.

(7) Billi l-miżuri provduti f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat imwaqqaf bis-saħħa ta' l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1980/2000,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-regoli ta' proċedura tal-Forum Konsultattiv, imniżżel fl-Anness hawn mehmuż, huma b'dan adottati.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Novembru 1992 li twaqqaf ir-regoli ta' proċedura għall-Forum Konsultattiv ta' l-Iskema ta' Għoti ta' l-Eko-tikketta Komunitarja [2] hija b'dan imħassra.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija ndirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fl-10 ta' Novembru 2000.

Għall-Kummissjoni

Margot Wallström

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 237, tal-21.9.2000, p. 1.

[2] Ċ(92) 2314 finali, tat- 18.11.1992.

--------------------------------------------------

ANNESS

Regoli ta' proċedura għall-Forum Konsultattiv

1. Ir-regoli ta' proċedura għall-Forum Konsultattiv (il-Forum) msemmija fl-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 1980/2000 huma b'dan stabbiliti. Il-Forum għandu jaħdem skond l-imsemmi Regolament.

2. Il-Forum Konsultattiv u l-membri tiegħu għandhom ikunu membri tal-Bord ta' l-Unjoni Ewropea għall-Ittikkettjar Ekoloġiku (EUEB) u għandu jieħu sehem fl-attivitajiet kollha ta' l-EUEB, b'mod partikolari:

- jitlob lill-Kummissjoni biex tibda l-proċedura għall-issettjar tal-kriterji ekoloġiċi kif ukoll l-istima relatata u l-konformità mal-ħtiġiet ta' verifikazzjoni għall-gruppi ta' prodotti,

- jissettja u jirrevedi l-kriterji għall-Eko-tikketta kif ukoll ta' l-istima relatata u l-konformità mal-ħtiġiet tal-verifikazzjoni għall-gruppi tal-prodotti,

- jiġi kkonsultat mill-Kummissjoni dwar il-pjan tax-xogħol għall-Eko-tikketta Komunitarja,

- il-promozzjoni u l-użu ta' l-Eko-tikketta Komunitarja.

3. L-organizzazzjonijiet li ġejjin, illi fost l-oħrajn, jirrappreżentaw il-partijiet interessati msemmija f'Artikolu 15 ta' l-imsemmi Regolament, għandhom ikunu membri tal-Forum, u għalhekk ta' l-EUEB:

- Coface (konsumaturi, li jirrappreżentaw ukoll l-BEUC, Eurocoop u AEC),

- EEB (ambjentali),

- ETUC (trade unions),

- UNICE (industrija)

- UEAPME (SMEs, snajja),

- Eurocommerce (kummerċ)

Biex tiġi żgurata parteċipazzjoni bilanċjata tal-partijiet kollha relevanti interessati, l-EUEB jista’ jaddatta s-sħubija tagħhom kif jixraq, jew fuq it-talba tal-Kummissjoni jew fuq l-inizjattiva tiegħu stess, suġġetta għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni.

4. Kull membru tal-Forum għandu jinnomina persuna li wieħed jikkuntattja.

5. Il-Forum għandu jiltaqa’ fil-laqgħat tal-EUEB.

6. B'żieda mar-rappreżentanti ġenerali li għandhom jieħdu sehem fil-laqgħat ta' l-EUEB, kull membru tal-Forum għandu jaħtar ta' l-anqas rappreżentat tekniku wieħed għal kull grupp ta' prodotti biex jieħu sehem fil-gruppi tax-xogħol ad hoc imwaqqfa mill-EUEB b'relazzjoni ma’ gruppi speċifiċi ta' prodotti, kif ukoll fil-laqgħat tal-EUEB fejn il-grupp ta' prodotti in kwsitjoni għandu jiġi diskuss kollu kemm hu. Dawn ir-rappreżentanti tekniċi għandhom sa fejn hu possibbli jkunu esperti u jkunu jafu dwar il-grupp ta' prodotti in kwistjoni.

7. Il-membri tal-Forum u r-rappreżentanti ġenerali u r-rappreżentanti tekniċi għandhom jaġixxu f'konformità ma’ l-għanijiet u l-prinċipji mniżżla f'Artikolu 1 ta' l-imsemmi Regolament kif ukoll mal-prinċipji ta' proċedura mniżżla f'Anness IV ta' l-imsemmi Regolament.

--------------------------------------------------