32000D0209



Official Journal L 064 , 11/03/2000 P. 0022 - 0023


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

ta' l-24 ta' Frar 2000

li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 79/542/KEE u d-Deċiżjonijiet 92/260/KEE, 93/195/KEE u 93/197/KEE fir-rigward tal-kondizzjonijiet tas-saħħa ta' l-annimali għad-dħul temporanju, dħul lura u importazzjoni fil-Komunità ta' żwiemel irreġistrati mir-Repubblika tal-Korea

(notifikata permezz tad-dokument numru C(2000) 472)

(Test b'relevanza ŻEE)

(2000/209/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/426/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar il-kondizzjonijiet tas-saħħa ta' l-annimali li jirregolaw iċ-ċaqliq u l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi ta' annimali tar-razza taż-żwiemel [1], kif l-aħħar emendata bl-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-Awstria, il-Fillandja u l-Iżvezja, u b'mod partikolari l-Artikoli 12, 13, 15, 16 u 19(ii) tagħha,

Billi:

(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 79/542/KEE [2], kif l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/2/KE [3], stabbiliet lista ta' pajjiżi terzi li minnhom l-Istati Membri jawtorizzaw l-importazzjonijiet ta' l-annimali tal-fart, tal-majjali, ta' l-annimali tar-razza taż-żwiemel, tan-nagħaġ u tal-mogħoż, tal-laħam frisk u tal-prodotti tal-laħam;

(2) Il-kondizzjonijiet tas-saħħa u ċ-ċertifikazzjoni veterinarja għad-dħul temporanju, l-importazzjonijiet u dħul lura ta' żwiemel irreġistrati huma stabbiliti rispettivament fid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 92/260/KEE [4] u 93/197/KEE [5], it-tnejn li huma kif l-aħħar emendati bid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 1999/613/KE [6] u 93/195/KEE [7], kif l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni 1999/558/KE [8].

(3) Wara missjoni ta' spezzjoni veterinarja tal-Kummissjoni fir-Repubblika tal-Korea is-sitwazzjoni tas-saħħa ta' l-annimali tidher li hija taħt il-kontroll sodisfaċenti tas-servizzi veterinarji;

(4) Billi l-awtoritajiet veterinarji tar-Repubblika tal-Korea pprovdew impenn bil-miktub li jinnotifikaw fi żmien 24 siegħa permezz tat-telefax, telegramm jew telex lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-konferma ta' xi mard infettuż jew li jittieħed fir-razza taż-żwiemel imsemmija fl-Anness A tad-Direttiva 90/426/KEE, li għandhom ikunu nnotifikati b'obligazzjoni fil-pajjiż u fiż-żmien kif imiss kull bidla fl-istrateġija tat-tilqim jew l-importazzjoni dwar ir-razza taż-żwiemel;

(5) Wara stħarriġ seroloġiku mwettaq bi tħejjija għal-Logħob Olimpiku fl-1986 u waqt li jingħata akkont tar-riżultati ta' l-ispezzjonijiet tal-missjoni, il-pajjiż għandu jitqies bħala ħieles mill-glanders u dourine għal ta' l-anqas sitt xhur; id-deni Afrikan taż-żwiemel, l-encephalomyelitis tal-Venezwela taż-żwiemel u l-istomatitis vesikulari qatt ma seħħew.

(6) Ir-Repubblika tal-Korea ma tistax titqies ħielsa mill-B-encephalitis tal-Ġappun u qiegħed isir tilqim kontra din il-marda.

(7) Billi l-kondizzjonijiet tas-saħħa ta' l-annimali u ċ-ċertifikazzjoni veterinarja għandhom ikunu adottati bi qbil mas-sitwazzjoni tas-saħħa ta' l-annimali tal-pajjiż terz ikkonċernat; billi l-każ preżenti jirrelata biss għal żwiemel reġistrati;

(8) Għall-kjarezza, il-kodiċi ISO tal-pajjiż għandha tintuża għall-emendi fil-listi ta' pajjiżi terzi.

(9) Id-Deċiżjoni 79/542/KEE u d-Deċiżjonijiet 92/260/KEE, 93/195/KEE u 93/197/KEE għandhom ikunu hekk emendati;

(10) Il-miżuri li hemm provvediment dwarhom f'din id-Deċiżjoni huma bi qbil ma' l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti Veterinarju,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fil-Parti 2 ta' l-Anness tad-Deċiżjoni 79/542/KEE, il-kolonna speċjali għaż-żwiemel irreġistrati, il-linja li ġejja hija mdaħħla skond l-ordni alfabetiku tal-kodiċi ISO tal-pajjiż:

"KR | Repubblika tal-Korea | x" | |

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni 92/260/KEE hija emendata kif ġej:

(1) Il-lista ta' pajjiżi terzi fil-Grupp C ta' l-Anness hija mibdula b'dan li ġej:

"il-Kanada (CA), l-Hong Kong (HK), il-Ġappun (JP), ir-Repubblika tal-Korea (KR), Macau (MO), il-Malasja (Peninżula) (MY), Singapor (SG), it-Tajlandja (TH), l-Istati Uniti ta' l-Amerika (US).".

(2) It-titolu taċ-ċertifikat tas-saħħa stabbilit fl-Anness II C huwa mibdul b'dan li ġej:

"ĊERTIFIKAT TAS-SAĦĦA

għad-dħul temporanju fit-territorju tal-Komunità ta' żwiemel irreġistrati mill-Kanada, l-Hong Kong, il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Korea, Macau, il-Malasja (Peninżula), Singapor, it-Tajlandja, l-Istati Uniti ta' l-Amerika għal perjodu ta' anqas minn 90 jum.".

(3) "Repubblika tal-Korea (KR)" hija miżjuda mat-tielet inċiż tal-paragrafu (d) fil-Kapitolu III ta' l-Anness II C.

(4) Fin-nota ta' l-aħħar tal-paġna (6) fl-Anness II C il-kliem "il-Hong Kong, il-Ġappun, Macau, il-Malasja (Peninżula), is-Singapor u t-Tajlandja", huma mibdula bil-kliem "il-Hong Kong, il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Korea, Macau, il-Malasja (Peninżula), is-Singapor, it-Tajlandja".

(5) "Repubblika tal-Korea (KR)" hija miżjuda mat-tielet inċiż tal-Kapitolu III, il-punt (d) ta' l-Annessi II A, B, D u E.

Artikolu 3

Id-Deċiżjoni 93/195/KEE hija emendata kif ġej:

(1) Il-lista ta' pajjiżi terzi fil-Grupp C ta' l-Anness I hija mibdula b'dan li ġej:

"il-Kanada (CA), il-Hong Kong (HK), il-Ġappun (JP), ir-Repubblika tal-Korea (KR), Macau (MO), il-Malasja (Peninżula) (MY), is-Singapor (SG), it-Tajlandja (TH), l-Istati Uniti ta' l-Amerika (US).".

(2) Il-lista ta' pajjiżi terzi taħt Grupp C fit-titolu taċ-ċertifikat tas-saħħa elenkat fl-Anness II C hija mibdula b'dan li ġej:

"il-Kanada (CA), l-Hong Kong (HK), il-Ġappun (JP), ir-Repubblika tal-Korea (KR), Macau (MO), il-Malasja (Peninżula) (MY), is-Singapor (SG), it-Tajlandja (TH), l-Istati Uniti ta' l-Amerika (US).".

Artikolu 4

Id-Deċiżjoni 93/197/KEE hija emendata kif ġej:

(1) Il-lista ta' pajjiżi terzi fil-Grupp C ta' l-Anness I hija mibdula b'dan li ġej:

"il-Kanada (CA), il-Hong Kong (HK), il-Ġappun (JP), ir-Repubblika tal-Korea (KR), Macau (MO), il-Malasja (Peninżula) (MY), is-Singapor (SG), it-Tajlandja (TH), l-Istati Uniti ta' l-Amerika (US).".

(2) It-titolu taċ-ċertifikat tas-saħħa elenkat fl-Anness II C huwa mibdul b'dan li ġej:

"ĊERTIFIKAT TAS-SAĦĦA

għall-importazzjoni fit-territorju tal-Komunità ta' żwiemel irreġistrati mill-Hong Kong, il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Korea, Macau, il-Malasja (Peninżula), is-Singapor, it-Tajlandja u r-razez taż-żwiemel irreġistrati u r-razez taż-żwiemel għat-tgħammir u l-produzzjoni mill-Kanada, l-Istati Uniti ta' l-Amerika.".

(3) Fin-nota ta' l-aħħar tal-paġna (5) fl-Anness II C "il-Hong Kong, il-Ġappun, Macau, il-Malasja (Peninżula), is-Singapor u t-Tajlandja", huma mibdula bil-kliem "il-Hong Kong, il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Korea, Macau, il-Malasja (Peninżula), is-Singapor, it-Tajlandja".

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussel, l-24 ta' Frar 2000.

Għall-Kummissjoni

David Byrne

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 224, tat-18.8.1990, pġ. 42.

[2] ĠU L 146, ta’ l-14.6.1979, pġ. 15.

[3] ĠU L 1, ta’ l-4.1.2000, pġ. 17.

[4] ĠU L 130, tal-15.5.1992, pġ. 67.

[5] ĠU L 86, tas-6.4.1993, pġ. 16.

[6] ĠU L 243, tal-15.9.1999, pġ. 12.

[7] ĠU L 86, tas-6.4.1993, pġ. 1.

[8] ĠU L 211, tal-11.8.1999, pġ. 53.

--------------------------------------------------