32000D0113(01)



Official Journal C 009 , 13/01/2000 P. 0001 - 0001


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tas-17 ta' Diċembru, 1999,

dwar il-ħatra mill-Kunsill tal-membri tal-panel ta' għażla għall-azzjoni tal-Komunità dwar "Kapitali Ewropea ta' Kultura"

(2000/C 9/01)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjonii Nru 1419/1999/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju, 1999, li stabbiliet azzjoni tal-Komunità dwar Kapitali Ewropea ta' Kultura għas-snin 2005 sa 2019 [1], u partikolarment l-Artikolu 2(2) tagħha,

Billi l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Nru 1419/1999/KE jipprovdi illi l-Kummissjoni għandha taħtar kull sena panel ta' għażla li għandu jagħmel rapport dwar in-nomina jew nomini mqabblin ma' l-oġġettivi u l-karatteristiċi ta' l-azzjoni, u illi l-panel imsemmi għandu jkun magħmul minn seba' persuni ewlenin indipendenti li jkunu esperti fil-qasam kulturali, u li tnejn minnhom għandhom ikunu maħturin mill-Kunsill,

IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

1. Bil-għan li tkun stabbilita belt bħala "Kapitali Ewropea ta' Kultura" mis-sena 2005, matul l-ewwel nofs ta' kull sena u għall-ewwel darba fis-sena 2000 iż-żewġ Stati li jkollhom il-Presidenza tal-Kunsill matul is-sena kurrenti għandhom kull wieħed minnhom jinnominaw persuna ewlenija li tassigura garanziji ta' indipendenza u tagħrif espert meħtieġa biex hija tagħmel parti mill-panel ta' għażla msemmi fl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni 1419/1999/KE.

2. Matul it-tieni nofs ta' kull sena u għall-ewwel darba fis-sena 2000 il-Kunsill għandu jaħtar b'maġġoranza sempliċi liż-żewġ persuni ewlenin li għandhom jagħmlu parti mill-panel ta' għażla għas-sena ta' wara.

3. Il-Presidenza għandha tgħarraf lill-Kummissjoni bil-ħatra.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Magħmul fi Brussell, 17 ta' Diċembru, 1999.

Għall-Kunsill

Il-President

K. HemilÄ

[1] ĠO L 166, 1.7.1999, p. 1.

--------------------------------------------------