32000D0040

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Diċembru 1999 li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi għall-għoti ta' l-eko-tikketta Komunitarja għar-refriġeraturi (notifikata bid-dokument numru K(1999) 4522)Test b'relevanza għaż-ŻEE.

Official Journal L 013 , 19/01/2000 P. 0022 - 0026
CS.ES Chapter 15 Volume 05 P. 11 - 15
ET.ES Chapter 15 Volume 05 P. 11 - 15
HU.ES Chapter 15 Volume 05 P. 11 - 15
LT.ES Chapter 15 Volume 05 P. 11 - 15
LV.ES Chapter 15 Volume 05 P. 11 - 15
MT.ES Chapter 15 Volume 05 P. 11 - 15
PL.ES Chapter 15 Volume 05 P. 11 - 15
SK.ES Chapter 15 Volume 05 P. 11 - 15
SL.ES Chapter 15 Volume 05 P. 11 - 15


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tas-16 ta' Diċembru 1999

li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi għall-għoti ta' l-eko-tikketta Komunitarja għar-refriġeraturi

(notifikata bid-dokument numru K(1999) 4522)

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

(2000/40/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 880/92 tat-23 ta' Marzu 1992 dwar l-iskema ta' l-għoti tat-tikketta eko-Komunitarja [1], u l-aktar it-tieni sotto-paragrafu ta' l-Artikolu 5(1) tiegħu,

(1) Billi l-ewwel sotto-paragrafu ta' l-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KEE) Nru 880/92 jipprovdi li l-kondizzjonijiet għall-għoti ta' l-eko-tikketta Komunitarja għandhom jiġu ddefiniti skond il-gruppi tal-prodott;

(2) Billi l-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KEE) Nru 880/92 jgħid li t-turija ta' l-ambjent ta' prodott għandha tkun ivvalutata b'referenza għall-kriterji speċifiċi tal-gruppi tal-prodott;

(3) Billi huwa xieraq li jkunu stabbiliti kriterji li jesprimu l-metodi tal-prova u l-klassifikazzjoni għall-konsum ta' l-enerġija fi qbil mad-Direttiva tal-Kummissjoni 94/2/KE tal-21 ta' Jannar 1994 li timplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 92/75/KEE dwar l-ittikkettjat ta' l-enerġija ta' refriġeraturi u friżers tad-dar li jaħdmu bl-elettriku, kif ukoll tat-tagħmir li jaqbad magħhom, [2] u, aktar minn hekk, biex il-kriterji tal-konsum ta' l-enerġija jiġu addattati għall-innovazzjoni teknoloġika u l-iżviluppi fis-suq;

(4) Billi, bid-Deċiżjoni 96/703/JKE [3], il-Kummissjoni stabbiliet il-kriterji ekoloġiċi għall-għoti ta' l-eko-tikketta Komunitarja għar-refriġeraturi li, skond l-Artikolu 3 tagħha, dawn se jiskadu fis-27 ta' Novembru 1999;

(5) Billi huwa xieraq li tkun addottata Deċiżjoni ġdida li tkun tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi għal dan il-grupp tal-prodott, biex il-fabbrikanti u l-importaturi ta' refriġerejeters ikunu jistgħu jieħdu sehem fl-iskema ta' l-għoti ta' l-eko-tikketta Komunitarja;

(6) Billi fi qbil ma' l-Artikolu 6 tar-Regolament (KEE) Nru 880/92 il-Kummissjoni kkonsultat il-gruppi ewlenin interessati f'forum ta' konsultazzjoni;

(7) Billi l-miżuri li hemm f'din id-Deċiżjoni huma fi qbil ma' l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skond l-Artikolu 7 tar-Regolament (KEE) Nru 880/92,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-grupp tal-prodott "refriġeraturi" (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ "il-grupp tal-prodott") għandu jfisser:

Refriġeraturi tad-dar li jaħdmu bl-elettriku, kaxxi tal-friża għall-ħażna ta' l-ikel, friżers ta' l-ikel u t-tagħmir li jaqbad magħhom.

Tagħmir li jista' jagħmel użu minn għejjun oħrajn ta' enerġija, bħalma huma l-batteriji, huwa esklużi.

Artikolu 2

It-turija ambjentali u l-addattabbiltà għall-użu tal-grupp tal-prodott għandhom jiġu vvalutati b'referenza għall-kriterji stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 3

Id-definizzjoni tal-grupp tal-prodott u l-kriterji għall-grupp tal-prodott għandhom ikunu validi mid-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni sa l-1 ta' Diċembru 2002. Jekk, madankollu, fl-1 ta' Diċembru 2002 Deċiżjoni ġdida li tistabbilixxi id-definizzjoni tal-grupp tal-prodott u l-kriterji għal dan il-grupp tal-prodott ma tkunx għadha ġiet addottata, dan il-perjodu ta' validità għandu jintemm minflok fl-1 ta' Diċembru 2003 jew fid-data ta' l-addozzjoni tad-Deċiżjoni l-ġdida, liema minn dawn ikunu jiġu l-ewwel.

Artikolu 4

Għal għanijiet amministrattivi in-numru tal-kodiċi tal-grupp tal-prodotti għal dan il-grupp tal-prodott għandu jkun "012"'.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fis-16 ta' Diċembru 1999.

Għall-Kummissjoni

Margot Wallström

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 99, 11.04.1992, p. 1.

[2] ĠU L 45, 17.02.1994, p. 1.

[3] ĠU L 323, 13.12.1996, p. 34.

--------------------------------------------------

ANNESS

IL-KRITERJI EKOLOĠIĊI

IL-QAFAS

Biex jingħata l-eko-tikketta, it-tagħmir għandu jkun konformi mal-kriterji ta' dan l-Anness, li l-għan tagħhom huwa li jmexxu 'l quddiem:

- it-tnaqqis tal-ħsara ambjentali jew ir-riskji marbuta ma' l-użu ta' l-enerġija (it-tisħin globali, l-aċidifikazzjoni, it-tnaqqis ta' għejjun ta' enerġija li ma jiġġeddux), billi jitnaqqas il-konsum ta' l-enerġija

- it-tnaqqis tal-ħsara ambjentali jew ir-riskji marbuta ma' l-użu li jista' jnaqqas l-ożonu u sustanzi oħra perikolużi, bit-tnaqqis ta' l-użu ta' dawn is-sustanzi

- it-tnaqqis tal-ħsara ambjentali jew ir-riskji marbuta ma' l-użu ta' sustanzi li jista' jkollhom potenzjal ta' tisħin globali.

Barra minn hekk, il-kriterji jinkoraġġixxu l-implimentazzjoni ta' l-aħjar prattika (l-aħjar użu ambjentali) waqt li jsaħħu l-għarfien tal-konsumaturi dwar l-ambjent.

Aktar minn hekk, l-immarkar ta' komponenti tal-plastik jinkoraġġixxi r-riċiklaġġ tal-magna.

L-entitajiet kompetenti huma rrakkomandati li jqisu l-implimentazzjoni ta' skemi magħrufa ta' amministrazzjoni ambjentali, bħalma huma l-EMAS jew l-ISO 14001, meta tkun qed issir il-valutazzjoni ta' l-applikazzjonijiet u l-konformità tal-monitoraġġ mal-kriterji f'dan l-Anness (nota: mhuwiex meħtieġ li jkunu implimentati dawn l-iskemi ta' amministrazzjoni).

IL-KRITERJI EWLENIN

1. Il-Konsum baxx ta' l-enerġija

It-tagħmir għandu jkollu indiċi ta' effiċjenza ta' l-enerġija iktar baxx minn 42 %, kif iddefinit fid-Direttiva 94/2/KE [1], l-Anness V, li tuża l-istess metodu ta' prova EN 153 u l-istess klassifikazzjoni f'10 kategoriji.

L-applikant għandu jipprovdi kopja tad-dokumentazzjoni teknika msemmija taħt l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-Kummissjoni 94/2/KE. Din id-dokumentazzjoni għandha tinkludi r-rapporti ta' mill-inqas tliet qisien ta' konsum ta' l-enerġija meħuda skond il-kodiċi EN 153. Il-medja aritmetika ta' dawn il-qisien għandha tkun inqas jew ugwali għall-kriterju t'hawn fuq. Il-valur iddikjarat fuq it-tikketta ta' l-enerġija m'għandux ikun aktar baxx minn din il-medja, u l-klassi ta' l-effiċjenza ta' l-enerġija murija fuq it-tikketta ta' l-enerġija għandha tkun tikkorrispondi ma' dan il-valur medju.

Fil-każ li ssir verifika, li mhix meħtieġa għall-applikazzjoni, l-entitajiet kompetenti għandhom jgħoddu t-tolleranzi u l-proċeduri tal-kontroll stabbiliti fil-kodiċi EN 153.

2. It-tnaqqis tal-potenzal li jitnaqqas l-ożonu (ODP) minn aġenti tat-tkessiħ u li jiffurmaw il-foam

Ir-refriġeranti fiċ-ċirkuwitu tat-tkessiħ u l-aġenti li jiffurmaw il-foam li jintużaw għall-iżolament tat-tagħmir għandhom ikollhom potenzal ta' tnaqqis ta' l-ożonu li jkun ugwali għal żero.

L-applikant għandu jiddikjara l-konformità tal-prodott ma' dawn il-kriterji. L-applikant u/jew il-fornitur jew il-fornituri tiegħu, skond kif xieraq, għandhom juru lill-entitajiet kompetenti li jkunu qed jagħmlu l-valutazzjoni ta' l-applikazzjoni liema aġenti tat-tkessiħ jew li jiffumraw il-foam ikunu ntużaw kif ukoll id-dettalji dwar il-potenzal tagħhom għat-tnaqqis ta' l-ożonu.

3. It-tnaqqqis potenzali tat-tisħin globali (GWP) ta' l-aġenti tat-tkessiħ u li jiffumraw il-foam

Ir-refriġeranti fiċ-ċirkuwitu tat-tkessiħ u l-aġenti li jiffurmaw il-foam li jkunu użati għall-iżolament tat-tagħmir, għandhom ikollhom potenzal ta' tisħin globali li jkun ugwali għal, jew inqas minn, 15 (imkejla bħala ekwivalenti ta' CO2 fuq perjodu ta' 100 sena).

L-applikant għandu jiddikjara l-konformità tal-prodott ma' dawn il-kriterji. L-applikant u/jew il-fornitur jew il-fornituri tiegħu, skond kif ikun xieraq, għandhom juru lill-entità kompetenti li qed tagħmel il-valutazzjoni ta' l-applikazzjoni liema aġenti tat-tkessiħ jew li jiffumraw il-foam ikunu ntużaw kif ukoll id-dettalji dwar il-potenzal tagħhom għat-tisħin globali.

KRITERJI ADDIZZJONALI

4. Iż-żieda taż-żmien tal-ħajja

Il-fabbrikant għandu joffri garanzija kummerċjali biex jiżgura li t-tagħmir ikun jaħdem għal mill-inqas tliet snin. Din il-garanzija għandha tkun valida mid-data tat-tqassim lill-klijent.

Id-disponibbiltà ta' partijiet ta' tibdil li jkunu kumpatibbli kif ukoll tas-servizz għandu jkun iggarantit għal 12-il sena minn meta l-produzzjoni tkun waqfet.

L-applikant għandu jiddikjara l-konformità tal-prodott ma' dawn il-kriterji.

5. It-teħid lura u r-riċiklaġġ

Il-fabbrikant għandu joffri, mingħajr ħlas, it-teħid lura għar-riċiklaġġ ta' refriġeraturi u ta' komponenti li jkunu tbiddlu, ħlief għal affarijiet li jkunu ġew ikkontaminati mill-utenti (eż. refriġeraturi li jkunu ġejjin minn stabbilimenti mediċi jew nukleari).

Barra minn hekk, ir-refriġeratur għandu jilħaq il-kriterji li ġejjin:

1. Il-fabbrikant għandu jqis iż-żarmar tar-refriġeratur u jipprovdi rapport dwar iż-żarmar. Fost affarijiet oħra, ir-rapport għandu jikkonferma li:

- il-biċċiet huma faċli li ssibhom u jintlaħqu malajr

- l-immuntar elettroniku huwa faċli li ssibu u li jiżżarma

- il-prodott huwa faċli żżarmah bl-użu ta' għodod disponibbli faċilment

- il-materjali li ma jkunux kumpatibbli u li jkunu perikolużi jkunu jistgħu jinfirdu.

2. Il-partijiet tal-plastik li jkunu itqal minn 50 gramma għandu jkollhom marka permanenti li tkun turi l-materjal, fi qbil mal-kodiċi ta' l-ISO 11469. Esklużi minn dan il-kriterju huma partijiet tal-plastik li jkunu estrużi.

3. Il-partijiet tal-plastik li jkunu itqal minn 25 gramma m'għandux ikollhom ir-ritardanti tal-fjamma li ġejjin:

Isem | SAK Nru |

dekabromodifelin | 13654-09-6 |

etere tal-monobromodifelin | 101-55-3 |

etere tad-dibromodifelin | 2050-47-7 |

etere tat-tribromodifelin | 49690-94-0 |

etere tat-tetrabromodifelin | 40088-47-9 |

etere tal-pentabromodifelin | 32534-81-9 |

etere tal-hexabromodifelin | 36483-60-0 |

etere ta' l-eptabromodifelin | 68928-80-3 |

etere ta' l-oktabromodifelin | 32536-52-0 |

etere tan-nonabromodifelin | 63936-56-1 |

etere tad-dekabromodifelin | 1163-19-5 |

Kloroparaffini b'tul ta' katina ta' 10 sa 13-il atomu ta' C, kontenut ta' kloru > 50 % skond it-toqol | 85535-84-8 |

4. Il-partijiet tal-plastik li jkunu itqal minn 25 gramma m'għandux ikollhom sustanzi ta' irritardjanti tal-fjamma jew tħejjijiet li jkun fihom dawk is-sustanzi li jkollhom jew jistgħu jingħataw xi wieħed mill-frażijiet ta' riskju R45 (li jista' jikkaważa l-kanċer), R46 (li jista' jikkawża ħsara ġenetika li tintiret), R50 (tossiċi ħafna għall-ħlejjaq ta' l-ilma), R51 (tossiċi għall-ħlejjaq tal-baħar), R52 (li jagħmlu ħsara lill-ħlejjaq tal-baħar), R53 (jistgħu joħolqu effetti ħżiena għal perjodu twil ta' żmien lill-ambjent tal-baħar), R60 (jistgħu jfixklu l-fertilità) jew R61 (jistgħu jikkawżaw ħsara lil trabi li ma jkunux għadhom twieldu), jew kull kumbinazzjonijiet ta' frażijiet ta' riskju li jkollhom il-frażijiet ta' riskju t'hawn fuq, kif definiti fid-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE [2], kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 98/98/KEE [3].

Dan il-kriterju ma jgħoddx għall-irritardjanti tal-fjamma li fl-applikazzjoni jkunu bidlu n-natura kimikali tagħhom b'tali mod li ma jkunux jiggarantixxu aktar il-klassifikazzjoni taħt wieħed mill-frażijiet ta' riskju msemmija fuq, u fejn inqas minn 0,1 % ta' l-irritardjant tal-fjamma fil-parti ttrattata ikun baqa' fil-forma ta' qabel l-applikazzjoni.

5. It-tip ta' aġent tat-tkessiħ u li jifforma l-foam li jintuża għall-iżolament għandu jkun muri fuq it-tagħmir, ħdejn jew fuq il-pjanċa tal-klassifikazzjoni, biex b'hekk jitħaffef l-irkupru li jista' jiġri fil-futur.

L-applikant għandu jiddikjara l-konformità tal-prodott ma' dawn il-kriterji.

6. L-istruzzjonijiet ta' l-użu

It-tagħmir jista' jinbiegħ b'manwal ta' l-użu, li jkun jipprovdi parir fuq l-użu ambjentali tajjeb u, l-aktar:

1. it-test li ġej fuq il-qoxra jew fl-ewwel paġna: "Tagħrif fuq kif jitnaqqsu l-effetti ambjentali qed jingħata f'dan il-manwal";

2. rakkomandazzjonijiet għall-aħjar użu ta' l-enerġija fit-tħaddim tat-tagħmir, inklużi:

2.1. linjigwidi fuq it-tpoġġija jew l-istallazzjoni tar-refriġeratur, fost oħrajn, li jkunu juru l-inqas qisien ta' spazju ħieles li jkunu meħtieġa madwar it-tagħmir biex tkun żgurata ċ-ċirkulazzjoni tajba ta' l-arja, kif ukoll li jkunu juru li fejn il-konsumatur jkollu l-possibbiltà, it-tfaddil sostanzjali ta' l-enerġija jkun jista' jinkiseb billi t-tagħmir jitpoġġa f'post mingħajr sħana jew fejn ikun hemm inqas sħana;

2.2. parir li l-konsumatur għandu jevita li jpoġġi t-tagħmir ħdejn għejjun ta' sħana (bħalma huma fran, radjaturi, eċċ.) jew f'xemx diretta; parir li, fejn ikun relevanti, il-konsumatur għandu jikkunsidra li jiżola t-tagħmir mill-ħajt jew minn għejjun ta' sħana li jkunu jinsabu taħt l-art;

2.3. parir li l-issettjar tat-termostat ikun jiddependi fuq it-temperatura ta' l-ambjent, u għalhekk l-issettjar tat-temperatura għandu jiġi vverifikat bl-użu ta' termometru tajjeb (spjega fuq x'wieħed għandu jagħmel għandha tkun ipprovduta);

2.4. parir li l-bieba jew l-għatu m'għandhomx jinfetħu iktar milli meħtieġ u mhux iżjed milli jkun meħtieġ, l-aktar fejn għandhom x'jaqsmu l-friżers weqfin;

2.5. parir li affarijiet ta' l-ikel li jkunu sħan għandhom jitħallew jiksħu qabel ma jitpoġġew fit-tagħmir, minħabba li l-fwar li joħroġ mill-ikel jgħin biex l-evaporatur irabbi s-silġ miegħu, iżda li l-perjodu tat-tkessiħ, madankollu, għandu jkun qasir kemm jista' jkun minħabba raġunijiet ta' saħħa u ndafa;

2.6. parir li l-evaporatur għandu jinżamm nadif kemm jista' jkun minn saffi ħoxnin ta' silġ u li l-iddefrostjar frekwenti tas-silġ iħaffef it-tneħħija tal-kisi tas-silġ;

2.7. parir li s-siġill tal-bieba għandu jinbidel meta ma jkunx għadu jaħdem tajjeb;

2.8. parir li meta t-tagħmir jiċċaqlaq għandu jkun hemm żmien biżżejjed qabel ma dan jerġa' jkun mixgħul;

2.9. parir li l-kondensatur fuq in-naħa ta' wara tat-tagħmir u l-ispazju ta' taħt it-tagħmir jinżamm nadif minn kull trab jew duħħan tal-kċina;

2.10. tagħrif li jekk wieħed jinjora l-punti msemmija fuq iwassal għal konsum ogħa ta' enerġija;

3. parir li kull ħsara lill-kondensatur (dak li jbiddel is-sħana) fuq in-naħa ta' wara tat-tagħmir, jew kull ħaġa oħra li twassal biex ir-refriġirant ikun espost għall-ambjent, għandha tiġi evitata minħabba riskji potenzali għall-ambjent u s-saħħa; il-manwal għandu jsemmi b'mod partikolari li oġġetti ppuntati (bħal skieken, tornaviti, eċċ.) m'għandhomx jintużaw biex jitneħħa s-silġ, minħabba li dawn jistgħu jagħmlu ħsara lill-evaporatur;

4. tagħrif li t-tagħmir ikun fih fluwidi u li dan ikun magħmul minn partijiet u materjali li jistgħu jerġgħu jintużaw u/jew jiġu rriċiklati;

5. parir fuq kif il-konsumatur jista' jagħmel użu mill-offerta tat-teħid lura tal-fabbrikant.

L-applikant għandu jiddikjara l-konformità tal-prodott ma' dawn il-kriterji. L-applikant għandu jipprovdi lill-entità kompetenti li tkun qed tagħmel il-valutazzjoni ta' l-applikazzjoni b'kopja tal-manwal ta' l-użu.

7. Il-limitu ta' emissjonijiet tal-ħoss

Il-ħoss li jinġarr mill-arja tat-tagħmir, li jitkejjel bħala qawwa ta' ħoss, m'għandux ikun aktar minn 42 dB(A) (re lpW).

It-tagħrif dwar il-livell tal-ħoss tat-tagħmir għandux ikun ipprovdut b'mod li l-konsumatur ikun jista' jarah sew. Dan għandu jsir billi dan it-tagħrif jitniżżel fit-tikketta ta' l-enerġija tar-refriġeraturi.

Il-qies tal-livell tal-ħoss u t-tagħrif dwar il-ħoss għandhom ikunu pprovduti fi qbil mad-Direttiva tal-Kunsill 86/594/KEE [4], waqt li jintuża l-istandard EN 28960.

Dan il-kriterju ma jgħoddx għal friżers murija bħala fil-kategorija 9: "friżers ta' l-ikel li jintużaw fid-djar, inklużi chest-freezers" fl-Anness IV għad-Direttiva 94/2/KE.

L-applikant għandu jiddikjara il-konformità tal-prodott ma' dawn il-kriterji.

8. It-tagħrif tal-konsumatur

It-test li ġej għandu jkun b'tali mod li jkun jidher b'mod ċar għall-konsumaturi (ħdejn it-tikketta, fejn ikun possibbli):

- Dan il-prodott jikkwalifika għall-eko-tikketta ta' l-Unjoni Ewropea għaliex huwa ekonomiku ma' l-enerġija, jissalvagwardja s-saff ta' l-ożonu u ftit li xejn jaffettwa l-effett tas-serra.

[1] ĠU L 45, 17.02.1994, p. 1.

[2] ĠU C 196, tas-16.8.1967, p. 1.

[3] ĠU L 355, 30.12.1998, p. 1.

[4] ĠU L 344, 06.12.1986, p. 24.

--------------------------------------------------