31999R2740



Official Journal L 328 , 22/12/1999 P. 0062 - 0064


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2740/1999

tal-21 ta' Diċembru 1999

li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1447/1999 li jwaqqaf lista tat-tipi ta' mġiba illi jiksru serjament ir-regoli tal-politika komuni tas-sajd

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1447/1999 ta' l-24 ta' Ġunju 1999 li jwaqqaf lista tat-tipi ta' mġiba li jiksru serjament ir-regoli tal-politika komuni tas-sajd [1], u partikolarment l-Artikolu 2(4) tiegħu,

(1) Billi, skond l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 1447/1999, l-Istati Membri iridu jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar okkorrenzi ta' mġiba li jiksru serjament ir-regoli tal-politika komuni tas-sajd misjuba mill-awtoritajiet tas-sorveljanza ta' l-Istati Membri u li jipprovduha bit-tagħrif kollu dwar l-azzjonijiet meħuda mill-awtoritajiet amministrattivi u/jew ġudizzjarji;

(2) Billi għandhom għalhekk jiġu speċifikati d-dettalji tat-tagħrif li jrid jiġi notifikat, id-dati ta' dawn in-notifiki u l-format li jrid jiġi użat;

(3) Billi, skond l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 1447/1999, il-Kummissjoni trid tagħmel it-tagħrif li tirċievi mingħand l-Istati Membri disponibbli għall-Kunsill, għall-Parlament Ewopew u għall-Kumitat Konsultattiv tas-Sajd;

(4) illi jridu għalhekk jiġu preskritti regoli dettaljati sabiex it-tagħrif imsemmi jkun disponibbli għal dawn il-korpi;

(5) Billi l-miżuri provduti f'dan ir-Regolament huma konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat tat-Tmexxija tas-Sajd u l-Akwakultura,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni, b'mezzi elettroniċi b'numru speċifiku għall-każ, bl-okkorrenzi kollha ta' mġiba illi tikser serjament ir-regoli tal-politika komuni tas-sajd li jkunu nstabu mill-awtoritajiet tas-sorveljanza ta' l-Istati Membri u li huma s-suġġett ta' rapport uffiċjali, fejn jispeċifikaw in-natura ta' dawn il-kontravenzjonijiet skond it-tipoloġija preskritta fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1447/1999 u fejn jagħtu d-dettalji tal-kontravenzjonijiet, skond il-mudell preskritt fl-Anness I u bl-użu tal-kodiċijiet preskritti fl-Anness II.

2. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bit-tip ta' proċedimenti mibdija, id-deċiżjonijiet meħuda (inkluż l-okkorrenzi kollha), u n-natura tal-penalitajiet imposti, f'termini speċifiċi.

3. L-Istati Membri għandhom jibagħtu dan it-tagħrif lill-Kummissjoni, għall-ewwel darba, qabel il-31 ta' Marzu 2001 għas-sena 2000 u wara dan, sal-31 ta' Marzu ta' kull sena, għas-sena kalendarja ta' qabel.

4. Ir-rapport annwali mill-Istati Membri għandu jinkludi l-kontravenzjonijiet serji kollha, imsemmija fil-paragrafu 1, misjuba fis-sena ta' qabel u l-kontravenzjonjiet misjuba iktar kmieni li fuqhom tkun ittieħdet deċiżjoni fis-sena ta' qabel hekk li jibdel id-dossier.

5. Il-format għan-notifika tat-tagħrif rilevanti b'mezzi elettroniċi għandu jiġi preskritt b'konsultazzjoni ma' l-Istati Membri u l-Kummissjoni.

Artikolu 2

Il-Kummissjoni għandha tqiegħed quddiem il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kumitat Konsultattiv tas-Sajd deskrizzjoni qasira u ġenerali għal kull Stat Membru dwar it-tagħrif miksub mill-Istati Membri skond l-Artikolu 1 mhux iktar tard mill-1 ta' Ġunju ta' kull sena.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fil-21 ta' Diċembru 1999.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 167, tat-2.7.1999, pġ. 5.

--------------------------------------------------

ANNESS I

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

ANNESS II

Kodiċi sabiex jiġu notifikati t-tipi ta' mġiba li jiksru serjament ir-regoli tal-politika komuni tas-sajd

Kodiċi | Tip ta' mġiba |

A1 | - Tfixkil fix-xogħol ta' l-ispetturi tas-sajd fl-eżerċizzju tad-dmirijiet tagħhom illi jispezzjonaw għall-konformità mar-regoli Komunitarji applikabbli |

A2 | - Falsifikazzjoni, ħabi, qerda jew tbagħbis tal-provi li jista’ jintużaw matul l-investigazzjonijiet jew proċedimenti ġudizzjarji |

1 | - Tfixkil fix-xogħol ta' l-osservaturi li jkunu qegħdin jaqdu dmirijiethom, preskritti bil-Liġi Komunitarja, li josservaw il-konformità mar-regoli Komunitarji applikabbli |

Ċ1 | - Sajd mingħajr liċenzja tas-sajd, permess tas-sajd jew kull awtorizzazzjoni oħra meħtieġa sabiex isir is-sajd u maħruġin mill-Istat Membru tal-bandiera (tal-bastiment) jew mill-Kummissjoni |

Ċ2 | - Sajd kopert b'wieħed mid-dokumenti msemmija hawn fuq, li l-kontenut tiegħu jkun falsifikat |

Ċ3 | - Falsifikazzjoni, tħassir jew ħabi tal-marki ta' l-identifikazzjoni tal-bastiment tas-sajd |

D1 | - L-użu jew iż-żamma abbord ta' tagħmir jew mezzi tas-sajd projbiti illi jeffettwaw is-selettività tat-tagħmir |

D2 | - L-użu ta' metodi projbiti tas-sajd |

D3 | - Ma jintrabatx jew jiġi stivat tagħmir tas-sajd li l-użu tiegħu huwa projbit f'ċerti żoni tas-sajd |

D4 | - Sajd dirett ta' ħażniet soġġetti għal moratorju jew projbizzjoni tas-sajd tiegħu, jew iż-żamma abbord ta' speċi ta' ħut minn dawn il-ħażniet soġġetti għal moratorju jew projbizzjoni |

D5 | - Sajd mhux awtorizzat f’ żona msemmija u/jew matul perjodu ta' żmien speċifiku |

D6 | - Nuqqas ta' konformità mar-regoli dwar daqsijiet minimi tal-ħut |

D7 | - Nuqqas ta' konformità mar-regoli u l-proċeduri li għandhom x'jaqsmu mat-trasbord u x-xogħol tas-sajd li jinvolvi azzjoni konġunta bejn żewġ bastimenti jew iktar |

E1 | - Falsifikazzjoni jew nuqqas ta' dħul ta' fatti magħrufa fil-ġurnali ta' abbord, fid-dikjarazzjonijiet ta' l-iżbarkar, fin-noti tal-bejgħ, fid-dikjarazzjonijiet tal-pussess u fid-dokumenti tat-trasport jew nuqqas taż-żamma jew is-sottomissjoni ta' dawn id-dokumenti |

E2 | - Tbagħbis fis-sistema ta' sorveljanza bis-satellita tal-bastiment |

E3 | - Nuqqas maħsub ta' konformità mar-regoli tal-Komunità fit-trasmissjoni remota dwar iċ-ċaqliq tal-bastimenti tas-sajd u ta' fatti magħrufa dwar il-prodotti tas-sajd miżmuma abbord |

E4 | - Nuqqas min-naħa tal-kaptan tal-bastiment tas-sajd ta' pajjiż terz jew mir-rappreżentat tiegħu li jikkonformaw mar-regoli ta' kontroll applikabbli meta jkunu jagħmlu xogħol tas-sajd fl-ibħra tal-Komunità |

F1 | - Żbarkar ta' prodotti tas-sajd illi ma jirrispettax ir-regoli Komunitarji dwar il-kontroll u l-infurzar |

F2 | - Ħażniet, ipproċessar, tqegħid għall-bejgħ u trasport ta' prodotti tas-sajd li ma jilħqux il-livelli stabbiliti tal-bejgħ fis-suq fis-seħħ u, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw id-daqsijiet minimi tal-ħut |

--------------------------------------------------