31999R2587



Official Journal L 315 , 09/12/1999 P. 0001 - 0003


IR-Regolament tal-Kunsill (EURATOM) Nru 2587/1999

tat-2 ta' Diċembru 1999

li jiddefinixxi l-proġetti ta' l-investiment li għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 41 tat-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 41(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1) Sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fit-Trattat, il-Kummissjoni trid tiġi nnotifikata dwar l-investimenti tal-proġetti li għandhom x'jaqsmu ma' l-istallazzjonijiet ġodda u s-sostituzzjonijiet jew il-konverżjonijiet involuti fl-attivitajiet industrijali elenkati fl-Anness II tat-Trattat meta dawn il-proġetti jkunu kbar biżżejjed u aktarx li jkun sa jkollhom influwenza diretta fuq il-produzzjoni jew il-produttività waqt li tiġi rrispettata s-sigurtà nukleari.

(2) Hija r-responsabbilità tal-Kummissjoni li tippubblika minn żmien għal żmien, b'konformità ma' l-Artikolu 40 tat-Trattat, programmi illustrattivi u biex tiffaċilita l-iżvilupp koordinat ta' dawn l-investimenti u biex ixxandar il-fehma tagħha dwarhom.

(3) L-investimenti li jsiru fiċ-ċiklu sħiħ tal-fuels, inkluż l-immaniġġar ta' l-iskart u l-irtirar mis-servizz huma bażikament meħtieġa għall-operat korrett u responsabbli ta' l-industrija nukleari.

(4) Il-valuri normattivi fir-Regolament Nru 4 [1] għandhom jiġu aġġornati u ssostiwiti b'valuri normattivi ġodda.

(5) Ir-Regolament Nru 4 għandu jitħassar u jinbidel b'dan ir-Regolament,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

1. Il-persuni jew l-impriżi involuti fl-attivitajiet industrijali elenkati fl-Anness II tat-Trattat għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, fil-limitu taż-żmien stipulat fl-Artikolu tat-Trattat, il-proġetti ta' l-investiment tagħhom li jkollhom il-għan ta':

(a) il-ħolqien tal-kapaċità produttiva;

(b) il-konservazzjoni tal-kapaċità kwantittativa u kwalitattivata tal-produzzjoni;

(ċ) iż-żieda diretta fil-kapaċità tal-produzzjoni;

(d) iż-żieda diretta fil-produttività;

(e) it-titjib fil-kwalità tal-produzzjoni;

(f) il-ħolqien tal-faċilitajiet għall-immaniġġar tal-fuels maħruqa jew l-iskart radjoattiv, inkluż it-trattament, il-ħażna għal ċertu żmien jew għal dejjem u/jew it-twarrib tagħhom;

meta, fl-attivitajiet industrijali elenkati fil-kolonna 1 tat-tabella ta' l-Anness, l-ispiża teċċedi l-ammont korrispondenti fil-kolonna II fl-Anness għall-istallazzjonijiet ġodda u dik fil-kolonna III tat-tabella fl-Anness tas-sostituzzjonijiet u l-konverżjonijiet.

2. Il-proġetti ta' l-investiment li jkunu maħsuba biex jiddikommissjonaw l-istallazzjonijiet għandhom jiġu nnotifikati, meta l-ispiża teċċedi l-ammont korrispondenti fil-kolonna III tat-tabella ta' l-Anness permezz ta' dikjarazzjoni li tista' tkun limitata għall-karatteristiċi essenzjali; il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 43 tat-Trattat m'hemmx bżonn tiġi applikata.

3. Il-proġetti ta' l-investiment maħsuba biex jiddikommissjonaw l-istallazzjonijiet, fejn l-ispejjeż ikunu anqas mill-valuri normattivi fil-kolonna III tat-tabella ta' l-Anness, jistgħu jiġu nnotifikati fuq bażi volontatja; il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 43 tat-Trattat m'hemmx għalfejn tiġi applikata.

4. Il-proġetti għal stallazzjonijiet ġodda fil-każ ta' reatturi nukleari ta' kull tip u għal kwalunkwe skop u l-proġetti dwar it-tibdil, it-trasformazzjoni, l-immodernizzar jew iż-żieda fil-qawwa ta' stallazzjonijiet simili, fejn l-ispejjeż ikunu anqas mill-valuri normattivi fit-tabella ta' l-Anness, jistgħu jiġu nnotifikati fuq bażi volontarja permezz ta' sempliċi dikjarazzjoni li tagħti biss il-karatteristiċi essenzjali tagħhom; il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 43 tat-Trattat m'hemmx għalfejn tiġi applikata.

L-Artikolu 2

Għall-finijiet tal-kalkolu ta' l-ispejjeż imsemmija fl-Artikolu 1 l-ispejjeż kollha li jkunu ġejjin direttament mit-twettiq tal-proġetti ta' l-investiment għandhom jitqiesu, irrispettivament miż-żmien meta dawn l-ispejjeż ikunu saru.

L-Artikolu 3

Il-komunikazzjoni dwar il-proġetti skond l-Artikolu 1(1) ta' dan ir-Regolament għandha tinkludi u tkun limitata għad-dettalji meħtieġa għad-diskussjoni kif hemm ipprovdut fl-Artikolu 43 tat-Trattat u b'mod partikolari l-informazzjoni kollha relatata ma':

(a) it-tip ta' prodotti jew l-attività u l-kapaċità tal-produzzjoni jew tal-ħażna;

(b) l-ammont totali ta' l-ispejjeż li għandhom jitħallsu direttament mill-proġett li jkun hemm ħsieb li jsir;

(ċ) it-tul ta' żmien li x'aktarx ikun meħtieġ għat-twettiq tal-proġett;

(d) il-prospetti dwar il-provvisti għal u l-operat ta' l-istallazzjoni.

L-Artikolu 4

Ir-Regolament Nru 4 tal-Kunsill tal-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika tal-15 ta' Settembru 1958 għandu jitħassar.

L-Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan għandu jgħodd tliet xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, fit-2 ta' Diċembru 1999.

Għall-Kunsill

Il-President

E. Tuomioja

[1] Ir-Regolament Nru 4 li jiddefinixxi l-proġetti ta' l-investiment li għandhom ikunu komunikati lill-Kummissjoni b'mod konformi ma' l-Artikolu 41 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika (ĠU 17, tas- 6.10.1958, p. 417/58).

--------------------------------------------------

L-ANNESS

TABELLA

Noti dwar it-tabella

Il-preparazzjoni ta' fuels nukleari, fi kwalunkwe forma (settur Nru 4), tinkludi l-ipprocessar kimiku u l-konverżjoni ta' materjali tas-sors jew ta' materjali fissili.

Il-proċessi ta' defluorinazzjoni ta' tnixxija/skart wara l-arrikkiment jaqgħu mas-setturi Nri 4, 6, 8 u 12.

Il-faċilitajiet għat-trattament, il-ħażna jew ir-rimi ta' skart radjoattiv jew ta' fuels

(miljuni ta' EUR) |

I Is-setturi | II L-istallazzjonijiet godda | III Il-bidliet u l-konverżjonijiet |

1. It-tħaffir fil-minjieri ta' l-uranju u t-torjum | 40 | 20 |

2. Il-konċentrazzjoni ta' dawn il-minerali | 40 | 20 |

3. L-ipproċessar kimiku u r-raffinar ta' l-uranju u l-konċentrati tat-torjum | 40 | 20 |

4. Il-preparazzjoni ta' fluwidi nukleari, fi kwalunkwe forma | 20 | 10 |

5. Il-fabbrikazzjoni ta' l-elementi ta' fuels nukleari | 20 | 10 |

6. Il-produzzjoni tal-hexafluoride ta' l-uranju | 20 | 10 |

7. Il-produzzjoni ta' l-uranju arrikkit | 140 | 70 |

8. L-ipproċessar ta' fuels irradjati għal raġunijiet ta' separazzjoni ta' wħud mill-elementi jew l-elementi kollha li fihom | 140 | 70 |

9. Il-produzzjoni ta' moderaturi tar-reatturi | 40 | 20 |

10. Il-produzzjoni taż-żirkonjum mingħajr ħafnjum jew il-kompenenti tagħhom | 20 | 10 |

11. Ir-reatturi nukleari ta' kull tip u għal kull skop | 100 | 40 |

12. Il-faċilitajiet ta' l-ipproċessar industrijali ta' l-iskart radjoattiv, stabbiliti b'mod konġunt ma' waħda jew aktar mill-faċilitajiet speċifikati f'din il-lista | 50 | 20 |

13. L-istallazzjonijiet semi-industrijali maħsuba biex iħejju t-triq għall-kostruzzjoni ta' impjanti involuti fi kull waħda mill-attivitajiet fis-setturi minn 3 sa 10 | 20 | 10 |

--------------------------------------------------