31999R1467



Official Journal L 170 , 06/07/1999 P. 0007 - 0009


Ir-Regolament tal-Kumissjoni (KEE) Nru 1467/1999

tal-5 ta’ Lulju, 1999

li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1858/93 li jipprovdi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 404/93 dwar l-iskema ta’ għajnuna bħala kumpens għal telf ta’ dħul mill-marketing fis-settur tal-banana

IL- KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 404/93, tat-13 ta’ Frar, 1993, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-banana [1], kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1257/1999 [2], u partikolarment l-Artikoli 12 u 14 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2799/98, tal-15 ta’ Diċembru, 1998, li jistabbilixxi arranġamenti agrimonetarji għall-euro [3], u partikolarment l-Artikolu 3(2) tiegħu,

(1) billi r-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1858/93 [4], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1062/1999 [5], jipprovdi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ għajnuna bħala kumpens għal telf ta’ dħul mill-marketing tal-banana;

(2) Billi d-dħul medju mill-produzzjoni huwa stabbilit skond il-medja tal-prezzijiet fl-istadju ta’ konsenja fl-ewwel port ta’ ħatt fil-bqija tal-Komunità, wara li titnaqqas il-medja ta’ l-ispejjeż ta’ trasport u konsenja fob; billi l-esperjenza wriet li fil-prattika il-medja ta’ l-ispejjeż imnaqqsa mill-valur tal-banana fl-istadju ta’ konsenja fl-ewwel port ta’ sbark (prodotti mhux sbarkati) baqgħet kważi stabbli sa llum; billi minħabba dan, l-amministrazzjoni ta’ l-iskema tista’ titħaffef aktar billi jkun provdut għal tnaqqis ta’ ammont b’rata fissa, waqt li jitħarsu l-kriterji msemmija fir-regoli; billi d-dħul medju mill-produzzjoni tal-banana imkabbra u mibjugħa fir-reġjun produttur, kif imfisser fl-Artikolu 12 tar- Regolament (KEE) Nru 404/93, għandu jkun stabbilit għalih waħdu skond il-prezzijiet tal-bejgħ fi swieq lokali, wara li jitnaqqas ammont b’rata fissa ta’ l-ispejjeż biex tintbagħat fis-swieq konċernati;

(3) Billi dawn l-ammonti b’rata fissa għandhom ikunu riveduti biex ikun sgurat li dawn iżommu l-pass ma’ spejjeż reali, partikolarment spejjeż ta’ trasport;

(4) billi l-esperjenza wriet li d-dati sa meta l-operaturi għandhom jibagħtu l-applikazzjonijiet tagħhom għal depożiti lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-iStati Membri għandhom ikunu estiżi biex l-operaturi jingħataw żmien biżżejjed biex iħejju l-applikazzjonijiet tagħhom;

(5) billi, sabiex tkun ikkalkulata l-għajnuna bħala kumpens, ikun xieraq li t-tagħrif kollu mibgħut lill-Kummissjoni dwar il-marketing tal-banana jkun maqsum f’banana mibgħuta lill-Komunità minn barra r-reġjun produttur tagħha, u banana mqiegħda fis-suq f’reġjun produttur kif imfisser fl-Artikolu 12 tar-Regolament (KEE) Nru No 404/93;

(6) Billi għandha tkun adattata t-tifsira tal-ġrajja operattiva għall-għajnuna bil-għan li jsir ħlas ta’ depożiti u ħlas tal-bilanċ ta’ l-għajnuna;

(7) billi dan ir- Regolament għandu japplika matul l-1999 biex titħaffef b’mod li jinħass l-amministrazzjoni ta’ dawn l-arranġamenti; billi d-dħul ta’ ċerti spejjeż, partikolarment dawk biex merkanzija tintbagħat u tkun trasportata, permezz ta’ ammonti b’rata fissa, huwa msejjes direttament fuq tagħrif miksub minn Stati Membri waqt il-marketing tal-prodotti;

(8) billi l-miżuri msemmija f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni tal-Banana,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KEE) Nru 1858/93 huwa emendat kif ġej:

1. L- l-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 3

1. Id-dħul medju mill-produzzjoni tal-banana mkabbra u mibjugħa fil-Komunità, kif imsemmi fl-Artikolu 12(5) tar- Regolament (KEE) Nru 404/93, għandu jkun ikkalkulat għall-istadju ta’ wara l-ippakkjar fil-veranda.

2. Fil-każ ta’ banana għall-bejgħ fil-Komunità minn barra r-reġjun produttur tagħha, kif imfisser fl-Artikolu 12 tar- Regolament (KEE) Nru 404/93, id-dħul medju mill-produzzjoni għandu jkun stabbilit għal kull sena skond il-medja tal-prezzijiet tal-banana mir-reġjuni produtturi fl-istadju ta’ konsenja fl-ewwel port ta’ sbark (prodotti mhux sbarkati), wara li jitnaqqas ammont b’rata fissa ta’ EUR 18,7/100 kg net li jkun jaqbel mal-medja ta’ l-ispejjeż ta’ trasport u konsenja fob.

Fil-każ ta’ banana mkabbra u mibjugħa f’reġjun produttur, kif imfisser fl-Artikolu 12 tar- Regolament (KEE) Nru 404/93, id-dħul medju mill-produzzjoni għandu jkun stabbilit skond il-medja tal-prezzijiet tal-bejgħ fi swieq lokali, wara li jitnaqqas ammont b’rata fissa ta’ EUR 0,29/100 kg net li jkun jaqbel ma’ l-ispejjeż biex il-prodott jintbagħat fis-swieq konċernati.

3. L-ammonti b’rata fissa msemmija fil-paragrafu 2 għandhom ikunu riveduti jekk il-medja ta’ l-ispejjeż, biex il-prodott jintbagħat, u għal trasport u kkonsenja fob, tinbidel sewwa."

2. It-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 5 huwa revokat.

3. L- l-Artikolu 7(2)(a) huwa emendat kif ġej:

"(a) fil-każ ta’ depożiti, mhux aktar tard mit-30 ta’ Marzu, 30 ta’ Mejju, 30 ta’ Lulju, 30 ta’ Settembru u 30 ta’ Novembru, għal banana mibjugħa matul il-perjodu ta’ xahrejn qabel ix-xahar li fih issir l-applikazzjoni."

4. It-tielet vers ta’ l-Artikolu 7(3) huwa sostitwit b’dan li ġej:

"— il-kwantitajiet ta’ banana mkabbra u mibjugħa matul il-perjodu msemmi. Kwantitajiet bħal dawn għandhom jinqasmu f’banana msemmija fl-ewwel supparagrafu ta’ l-Artikolu 3(2) u dik imsemmija fit-tieni supparagrafu ta’ dan il-paragrafu. Applikazzjonijiet għall-bilanċ għandhom ikunu dwar il-kwantitajiet kollha mibjugħa matul is-sena msemmija, maqsuma bl-istess mod."

5. L-Artikolu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 8

1. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni, mingħajr dewmien fl-aħħar ta’ kull perjodu stabbilit għall-ħlas ta’ depożiti, dwar il-kwantitajiet mibjugħa li għalihom ikunu intbagħtu applikazzjonijiet għal ħlas. Dawn il-kwantitajiet għandhom jinqasmu kif muri fit-tielet vers ta’ l-Artikolu 7(3).

2. Fi żmien 20 ġurnata mit-tmiem tal-perjodu biex jintbagħtu applikazzjonijiet għal ħlas tal-bilanċ kif imsemmi fl-Artikolu 7(2)(b), huma għandhom jgħaddu lill-Kumissjoni, għal kull perjodu ta’ xahrejn:

- fil-każ ta’ banana, kif imsemmi fl-ewwel supparagrafu ta’ l-Artikolu 3(2), il-kwantitajiet in kwistjoni, il-medja tal-prezzijiet tal-bejgħ ta’ banana ħadra u l-medja tal-prezzijiet fl-istadju ta’ konsenja fl-ewwel port ta’ sbark (prodotti mhux sbarkati),

- fil-każ ta’ banana, kif imsemmi fit-tieni supparagrafu ta’ l-Artikolu 3(2), il-kwantitajiet in kwistjoni u l-medja tal-prezzijiet tal-bejgħ fi swieq lokali."

6. L-Artikolu 10 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 10

1. Wara li jivverifikaw l-applikazzjonijiet għal għajnuna u d-dokumenti li jkun hemm magħhom, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom iħallsu l-ammont tad-depożiti jew il-bilanċ ta’ l-għajnuna, skond il-każ, fi żmien xahrejn mix-xahar meta tkun intbagħtet l-applikazzjoni.

2. Depożiti u l-bilanċ ta’ l-għajnuna għandhom jitħallsu kollha lil benefiċċjarji."

7. L-Artikolu 11 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 11

Għal applikazzjoni ta’ l-iskema ta’ għajnuna bħala kumpens, il-ġrajja operattiva għar-rata ta’ kambju għandha tkun, fil-każ ta’ ħlas ta’ depożiti, l-ewwel ġurnata tal-perjodu ta’ xahrejn ta’ marketing in kwistjoni, kif imfisser fl-Artikolu 7(2), u fil-każ ta’ ħlas tal-bilanċ ta’ l-għajnuna, il-31 ta’ Diċembru tas-sena li għaliha l-għajnuna tkun ġiet stabbilità."

8. L-Artikolu 12(1) huwa sostitwit b’dan li ġej:

"1. Jekk għall-għajnuna jkun sar ħlas indebitu dwar banana li ma tkunx inbiegħet skond l-Artikolu 1, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jirkupraw l-ammonti mħallsa, flimkien ma’ l-imgħaxijiet ikkalkulati mid-data tal-ħlas ta’ l-għajnuna sad-data meta fil-fatt dawn ikunu ġew irkuprati.

Ir- rata ta’ imgħaxijiet li għandha tkun applikata mill-iStati Membri produtturi, ħlief għall-Greċja, għandha tkun dik stabbilità mill-Bank Ċentrali Ewropew u ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Ir-rata ta’ imgħaxijiet li għandha tkun applikata mill-Greċja għandha tkun bħal dik fis-seħħ għal azzjonijiet ta’ rkupru skond il-liġijiet nazzjonali. Din ir-rata tista’ ma tkunx anqas minn dak li jirrendu fi tlett xhur bonds tat-Teżor kif ikun japplika fil-jum tal-ħlas, b’żjieda ta’ punt wieħed fil-mija.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jiġbrux imgħaxijiet jekk dawn jammontaw għal EUR 20 jew anqas."

9. L-Artikolu 13 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 13

Meta jkunu mitluba, Stati Membri produtturi għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dan li ġej:

- l-iżvilupp tal-produzzjoni fil-Komunità u marketing,

- l-iżvilupp ta’ l-ispejjeż reali ta’ trasport u konsenja fob,

- is-sitwazzjoni dwar il-kwantitajiet disponibbli f’imħażen tas-sajran,

- l-iżvilupp tal-prezz tal-banana tal-Komunità fid-diversi stadji tal-linja tal-produzzjoni sa l-istadji ta’ bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut, u tal-banana li tiġi minn pajjiżi terzi, mill-istadju cif sa l-istadju tal-bejgħ bl-imnut."

10. L-Artikolu 13a li ġej għandu jiddaħħal:

"L-Artikolu 13a

Jekk banana tal-Komunità titqiegħed fis-suq f’reġjun produttur għal matul perjodu ta’ xahrejn bi prezzijiet li jkunu sewwa taħt il-medja tal-prezz tal-banana għal bejgħ f’dak ir-reġjun produttur matul l-istess perjodu, l-iStati Membri għandhom isaħħu l-kontrolli ta’ sorveljanza fuq il-ħarsien ta’ livelli ta’ kwalità msemmija fir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 2898/95 [6]."

11. L-Anness huwa mħassar.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara li jkun ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 1(1) għandu japplika mill-1 ta’ Jannar, 1999, biex tkun stabbilita l-għajnuna għall-1999.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-iStati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, 5 ta’ Lulju, 1999.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 47, tal-25.2.1993, p. 1.

[2] ĠU L 160, tas-26.6.1999, p. 80.

[3] ĠU L 349, ta’ l-24.12.1998, p. 1.

[4] ĠU L 170, tat-13.7.1993, p. 5.

[5] ĠU L 129, tat-22.5.1999, p. 24.

[6] ĠU L 304, tas-16.12.1995, p. 17

--------------------------------------------------