31999R1264



Official Journal L 161 , 26/06/1999 P. 0057 - 0061


Ir-regolament tal-kunsill (KE) Nru 1264/1999

tal-21 ta’ Ġunju 1999

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1164/94 li jistabbilixxi Fond ta’ Koeżjoni

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari t-tieni paragrafu ta’ Artikolu 161 tiegħu,

Wara li kunsidra l-proposta tal-Kummissjoni [1],

Wara li kunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3]

Wara li kunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [4],

(1) Billi, b’mod konformi ma’ Artikolu 16(1) tar-Regolament (KE) Nru 1164/94 [5], il-Kunsill għandu jeżamina mill-ġdid dak ir-Regolament qabel il-31 Diċembru 1999;

(2) Billi l-prinċipji bażiċi tal-Fond ta’ Koeżjoni stabbiliti fl-1994 għandhom ikomplu jirregolaw l-attivitajiet tal-Fond sas-sena 2006 għalkemm l-esperjenza wriet il-ħtieġa għal titjib;

(3) Billi, filwaqt illi l-munita l-waħdanija, l-Euro, sejra jkollha effett fuq is-sitwazzjoni makroekonomika tal-Komunità, din mhiex sejra twarrab il-ħtieġa għall-eliġibbilità tal-pajjiżi benefiċjarji li hija bażata fuq il-prodott gross nazzjonali;

(4) Billi l-Istati Membri kollha li jipparteċipaw fl-Euro għandhom jissottomettu lill-Kunsill, program ta’ stabbilita li juri, b’mod partikolari, l-għanijiet tagħhom fiż-żmien qasir biex jiksbu estimi li jkun kważi balanċat jew li jkollu bilanċ favur;

(5) Billi, bid-Deċiżjoni Nru 1692/96/KE [6], il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw linji ta’ gwida għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport;

(6) Billi, fil-perjodu ta’ transizzjoni (l-1 ta’ Jannar 1999 sal-31 ta’ Diċembru 2001), ir-referenzi kollha għall-Euro għandhom normalment jinqraw ukoll bħala referenzi għall-Euro bħala unità monetarja, skond it-tieni sentenza ta’ Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 tat-3 ta’ Mejju 1998 dwar l-introduzzjoni ta’ l-Euro [7];

(7) Billi, fid-dawl tal-progress kontinwu miksub lejn il-konverġenza vera u filwaqt li jitqies il-kuntest markoekonomiku ġdid li issa jopera fih il-Fond ta’ Koeżjoni, l-allokazzjoni ġenerali ta’ l-assistenza ta’ l-Istati Membri li qegħdin jieħdu sehem fl-Euro sejra tiġi aġġustata biex jitqies il-progress fil-prosperità nazzjonali milħuq fil-perjodu ta’ qabel;

(8) Billi l-proċeduri għat-tisħiħ tas-sorveljanza tal-pożizzjonijiet ta’ l-estimi u s-sorveljanza u l-koordinament tal-politika ekonimika ġew stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1466/97 [8];

(9) Billi l-figuri preliminari u l-figuri finali tal-ħtieġa tas-self tas-settur pubbliku, il-prodott gross domestiku u l-prodott gross nazzjonali għandhom jiġu kompilati skond ir-regoli tas-sistema Ewropea ta’ kontijiet ekonomiċi integrati stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 2223/96 [9];

(10) Billi r-Riżoluzzjoni dwar il-Patt ta’ Stabbilità u Tkabbir [10] adottat fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta’ Amsterdam nhar is-17 ta’ Ġunju 1997 tistabbilixxi r-rwoli ta’ l-Istati Membri, l-Kummissjoni u l-Kunsill;

(11) Billi, filwaqt li jinżamm il-prinċipju ta’ livell għoli ta’ assistenza, it-tfittxija għal sorsi oħra ta’ finanzi, b’mod partikolari l-isforz ta’ l-Istati Membri benefiċjarji f’li jkabbru kemm jista’ jkun l-ingranaġġ tar-riżorsi tal-Fond billi jħeġġu użu akbar ta’ sorsi privati ta’ fondi; billi r-rati ta’ l-assistenza għandhom jiġu varjati biex jitjieb l-ingranaġġ tar-riżorsi tal-Fond u biex titqies aħjar ir-rendita finali fuq proġetti; billi l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas stabbilit f’Artikolu 174 tat-Trattat għandu jiġi mħares fil-proġetti iffinanzjati mill-Fond;

(12) Billi r-responsabilità ta’ l-Istat Membru għal kontroll finanzjarju għandha tiġi stabbilita b’mod ċar;

(13) Billi għandu jkun hemm dispożizzjoni sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-finanzi għal proġetti mibdijin u l-aġġustament tagħhom għall-ħtiġiet regolatorji ġodda;

(14) Billi r-Regolament (KE) Nru 1164/94 għandu jiġi emendat kif xieraq,

Billi, fir-rigward tal-kriterju tal-konverġenza ekonomika, id-dispożizzjonijiet ta’ kondizzjonalità makroekonomiċi kurrenti jibqgħu japplikaw; billi, bix-xieraq, l-ebda proġett ġdid jew l-ebda fażi ta’ proġett ma għandha tiġi finanzjata mill-Fond fi Stat Membru fil-każ li l-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq rakkommandazzjoni mill-Kummissjoni, isib li Stat Membru ma rrispettax il-Patt ta’ Stabbiltà u ta’ Tkabbir.

Billi d-dispożizzjonijiet li jħaffu u li jiċċaraw il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv, li għandhom l-għan li jimpedixxu żbilanċi ġenerali eċċessivi tal-gvern u, jekk iseħħ dan, li jżidu l-korrezzjoni fil-pront tagħhom, fejn stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 [1] ĠU L 209, tat-2.8.1997, p. 6;

Billi d-dħul totali annwali fi kwalunkwe Stat Membru mill-Fond ta’ Koeżjoni taħt dan ir-Regolament, flimkien ma’ l-assistenza pprovduta taħt il-Fondi Strutturali, għandu jkun illimitat taħt livell ġenerali li jkun jiddependi fuq il-kapaċità nazzjonali ta’ assorbiment

Billi għandha ssir dispożizzjoni, flimkien ma’ li jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet tal-konverġenza ekonomika stabbiliti fl-Artikolu 104 tat-Trattat u mal-ħtieġa ta’ ġestjoni tajba ta’ l-iżbilanċ tal-gvern, għal forma ta’ kundizzjonalità fl-għotja ta’ għajnuna finanzjarja; billi, f’dak il-kuntest, il-konformità ma’ l-obbligi li jirriżultaw mit-Trattat għandha tiġi stmata wkoll wara li jiġu kunsidrati l-linji ta’ gwida adottati fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta’ Ġunju 1997 dwar il-Patt ta’ Stabbilità u ta’ Tkabbir [1] ĠU C 236, tat-2.8.1997, p. 1. u billi l-kunċett ta’ żbilanċ eċċessiv għandu jiġi interpretat fid-dawl ta’ dik ir-Riżoluzzjoni; billi, għal kull Stat Membru parteċipant, għandha tiġi stmata l-kundizzjonalità makroekonomika filwaqt li jitqiesu r-responsabilitajiet ta’ dak l-Istat Membru fir-rigward ta’ l-istabbilità tal-Euro;

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1164/94 qiegħed jiġi emendat kif ġej:

1. (a) għandu jiddaħħal paragrafu ġdid wara s-sitt paragrafu li għandu jaqra kif ġej:

"Billi, fir-rigward tal-kriterju tal-konverġenza ekonomika, id-dispożizzjonijiet ta’ kondizzjonalità makroekonomiċi kurrenti jibqgħu japplikaw; billi, bix-xieraq, l-ebda proġett ġdid jew l-ebda fażi ta’ proġett ma għandha tiġi finanzjata mill-Fond fi Stat Membru fil-każ li l-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq rakkommandazzjoni mill-Kummissjoni, isib li Stat Membru ma rrispettax il-Patt ta’ Stabbiltà u ta’ Tkabbir.";

(b) għandu jiddaħħal paragrafu ġdid wara s-seba’ paragrafu li għandu jaqra kif ġej:

"Billi d-dispożizzjonijiet li jħaffu u li jiċċaraw il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv, li għandhom l-għan li jimpedixxu żbilanċi ġenerali eċċessivi tal-gvern u, jekk iseħħ dan, li jżidu l-korrezzjoni fil-pront tagħhom, fejn stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 [1] ĠU L 209, tat-2.8.1997, p. 6;".

(ċ) għandu jiddaħħal paragrafu ġdid wara l-ex għoxrin paragrafu li għandu jaqra kif ġej:

"Billi d-dħul totali annwali fi kwalunkwe Stat Membru mill-Fond ta’ Koeżjoni taħt dan ir-Regolament, flimkien ma’ l-assistenza pprovduta taħt il-Fondi Strutturali, għandu jkun illimitat taħt livell ġenerali li jkun jiddependi fuq il-kapaċità nazzjonali ta’ assorbiment";

(d) l-ex paragrafu 21 għandu jsir l-24 paragrafu kif innumerat mill-ġdid kif ġej:

"Billi għandha ssir dispożizzjoni, flimkien ma’ li jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet tal-konverġenza ekonomika stabbiliti fl-Artikolu 104 tat-Trattat u mal-ħtieġa ta’ ġestjoni tajba ta’ l-iżbilanċ tal-gvern, għal forma ta’ kundizzjonalità fl-għotja ta’ għajnuna finanzjarja; billi, f’dak il-kuntest, il-konformità ma’ l-obbligi li jirriżultaw mit-Trattat għandha tiġi stmata wkoll wara li jiġu kunsidrati l-linji ta’ gwida adottati fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta’ Ġunju 1997 dwar il-Patt ta’ Stabbilità u ta’ Tkabbir [1] ĠU C 236, tat-2.8.1997, p. 1. u billi l-kunċett ta’ żbilanċ eċċessiv għandu jiġi interpretat fid-dawl ta’ dik ir-Riżoluzzjoni; billi, għal kull Stat Membru parteċipant, għandha tiġi stmata l-kundizzjonalità makroekonomika filwaqt li jitqiesu r-responsabilitajiet ta’ dak l-Istat Membru fir-rigward ta’ l-istabbilità tal-Euro;"

2. Il-paragrafu 4 li għandu jiġi miżjud ma’ Artikolu 2 għandu jaqra kif ġej:

"4. Biex ikun eliġibbli taħt il-Fond mill-1 ta’ Jannar 2000, l-Istat Membru benefiċjarju għandu jkun daħħal programm kif għalih hemm provdut fl-Artikoli 3 u 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 [1] ĠU L 209, tat-2.8.1997, p. 2..

L-erba’ Stati Membri li jissodisfaw il-kriterju tal-PGN li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1 huma Spanja, il-Greċja, il-Portugall u l-Irlanda.

Għandha ssir reviżjoni ta’ nofs il-perjodu kif għaliha hemm provdut fil-paragrafu 3 qabel l-aħħar ta’ l-2003 bażata fuq il-PGN per capita kif muri fid-data tal-Komunità għall-perjodu 2000 sa 2002."

3. Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a) fil-paragrafu 1

(i) fl-ewwel inċiż, għandha titneħħa l-kelma "ħames";

(ii) it-tieni inċiż għandu jiġi sostitwit bi:

"— proġetti ta’ infrastruttura tat-trasport ta’ interess komuni, sostnuti minn Stati Membri, li huma identifikati fi ħdan il-qafas tal-linji ta’ gwida adottati bid-Deċiżjoni Nru 1692/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 1996 dwar l-iżvilupp tan-network tat-trasport trans-Ewropew [1] ĠU L 228, tad-9.9.1996, p. 1.;.".

(b) fil-paragrafu 2, it-tieni inċiż għandu jiġi emendat kif ġej:

(i) il-frażi ta’ introduzzjoni għandha tiġi mibdula b’li ġej:

"miżuri ta’ appoġġ tekniku, inklużi kampanji ta’ pubbliċità u ta’ informazzjoni, b’mod partikolari:";

(ii) f’punt (b), il-kelma "sorveljanza" għandha tiddaħħal wara "monitoraġġ".

4. F’Artikolu 4, it-tielet, ir-raba’ u l-ħames paragrafi li għandhom jiġu miżjudin għandhom jaqraw kif ġej:

"Mill-1 ta’ Jannar 2000, ir-riżorsi totali disponibbli għall-impenni fil-perjodu 2000 sa 2006 għandhom ikunu ta’ 18-il biljun EUR fuq il-prezzijiet ta’ l-1999.

2000 : 2,615 biljun EUR,

2001 : 2,615 biljun EUR,

2002 : 2,615 biljun EUR,

2003 : 2,615 biljun EUR,

2004 : 2,515 biljun EUR,

2005 : 2,515 biljun EUR,

2006 : 2,510 biljun EUR.

Fil-każ li Stat Membru ma jibqax eliġibbli, ir-riżorsi tal-Fond ta’ Koeżjoni għandhom jitnaqqsu kif xieraq."

5. Artikolu 5 għandu jiġi mibdul b’li ġej:

"Artikolu 5

Allokazzjoni indikattiva

Għandha ssir allokazzjoni indikattiva tar-riżorsi totali tal-Fond fuq il-bażi ta’ kriterji preċiżi u oġġettivi, b’mod partikolari l-populazzjoni, il-PGN per capita waqt li jitqies it-titjib fil-prosperità nazzjonali milħuq fil-perijodu ta’ qabel, u l-erja tal-wiċċ; għandhom jitqiesu wkoll fatturi soċjo-ekonomiċi oħra bħal defiċjenzi fl-infrastruttura tat-trasport.

L-allokazzjoni indikattiva tar-riżorsi totali li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ dawk il-kriterji hija stabbilita f’Anness I.

Id-dħul totali annwali mill-Fond ta’ Koeżjoni taħt dan ir-Regolament, flimkien ma’ l-assistenza provduta taħt il-Fondi Strutturali, ma għandux jaqbeż l-4 % tal-PGD nazzjonali."

6. Artikolu 6 għandu jiġi mibdul f’dan li ġej:

"Artikolu 6

Assistenza kondizzjonali

1. L-ebda proġetti ġodda, jew, fil-każ ta’ proġetti importanti, l-ebda fażi ġdida ta’ proġett ma għandhom jiġu finanzjati mill-Fond fi Stat Membru fil-każ li l-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq rakkommandazzjoni mill-Kummissjoni, isib li l-Istat Membru, fl-applikazjoni ta’ dan ir-Regolament, ma implimentax il-programm li hemm referenza għalih fl-Artikolu 2(4) b’tali mod hekk li jevita żbilanċ eċċessiv tal-gvern.

Is-sospensjoni tal-finanzjament għandha tieqaf meta l-Kunsill, li jaġixxi taħt l-istess kondizzjonijiet, isib li l-Istat Membru konċernat ikun ħa miżuri biex jimplimenta l-programm b’tali mod li jevita żbilanċ eċċessiv tal-gvern.

2. B’mod eċċezzjonali, fil-każ ta’ proġetti li jeffettwaw direttament aktar minn Stat Membru wieħed, il-Kunsill, b’maġġoranza kwalifikata fuq rakkommandazzjoni tal-Kummissjoni, jista’ jiddeċiedi li jiddiferixxi s-sospensjoni tal-finanzjament."

7. Artikolu 7 huwa emendat b’dan il-mezz kif ġej:

(a) il-paragrafu 1 għandu jiġi emendat kif ġej:

(i) it-tieni subparagrafu għandu jiġi mibdul b’li ġej:

"Madankollu, mill-1 ta’ Jannar 2000, din ir-rata tista’ tiġi mnaqqsa biex tagħti kas, flimkien ma’ l-Istat Membru konċernat, tad-dħul stmat minn proġetti u minn kwalunkwe applikazzjoni tal-prinċipju min iniġġes iħallas.";

(ii) għandu jiżdied is-subparagrafu li ġej:

"Biex jinkiseb dan, il-Kummissjoni għandha tappoġġja l-ħidma ta’ l-Istati Membri benefiċjarji f’li jkabbru kemm jista’ jkun l-ingranaġġ tar-riżorsi tal-Fond billi tħeġġeġ użu akbar ta’ sorsi privati ta’ fondi.";

(b) fit-tieni paragrafu, il-kliem "l-infiq li fuqu l-kalkolazzjoni ta"’ u "huwa bażat" għandhom jitħassru.

8. Artikolu 10 huwa emendat b’dan il-mezz kif ġej:

(a) fil-paragrafu 3 "ECU" għandha tiġi mibdula bi "EUR";

(b) fil-paragrafu 4, fit-tmien linja, il-kelma "possibbli" wara "impatt" għandha titneħħa;

(ċ) fit-tielet inċiż tal-paragrafu 5, għandhom jiddaħħlu l-kliem "inkluż il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas" wara l-kliem "fuq l-ambjent".

9. Artikolu 11 huwa emendat b’dan il-mezz kif ġej:

fil-paragrafu 5, "ecus" għandha tiġi mibdula bi "euro".

10. Artikolu 12 huwa emendat b’dan il-mezz kif ġej:

(a) il-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu mibdula b’dan li ġej:

"1. Mingħajr preġudizzju għar-responsabbilità tal-Kummissjoni għall-implementazzjoni ta’ l-estimi tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli l-ewwel nett għall-kontroll finanzjarju tal-proġetti. Għal dak il-għan, il-miżuri li għandhom jieħdu għandhom jinkludu:

(a) li jivverifikaw li jkunu ġew stabbiliti l-arranġamenti ta’ ġestjoni u ta’ kontroll u li dawn qegħdin jiġu implementati b’mod li jiżguraw li l-Fondi tal-Komunità qegħdin jintużaw b’mod effiċjenti u korrett;

(b) li jipprovdu lill-Kummissjoni b’deskrizzjoni ta’ dawn l-arranġamenti;

(ċ) li jiżguraw li l-proġetti huma amministrati skond ir-regoli applikabbli tal-Komunità u li l-fondi impoġġija għad-dispożizzjoni tagħhom jintużaw skond il-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba;

(d) li jiċċertifikaw li d-dikjarazzjonijiet ippreżentati lill-Kummissjoni huma preċiżi u jiggarantixxu li jirriżultaw minn sistemi ta’ żamma ta’ kontijiet ibbażati fuq dokumenti ta’ appoġġ u li jistgħu jiġu vverifikati;

(e) li jimpedixxu u li jikxfu irregolaritajiet, li jinnotifikawhom lill-Kummissjoni, bi qbil mar-regoli, u li jżommu lill-Kummissjoni aġġornata fuq il-progress tal-proċedimenti amministrattivi u legali. F’dak il-kuntest, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li l-informazzjoni skambjata tibqa’ kunfidenzjali;

(f) li jippreżentaw lill-Kummissjoni, meta kull proġett, fażi ta’ proġett jew grupp ta’ proġetti jiġu mitmuma, dikjarazzjoni miktuba minn persuna jew dipartiment li għandu funzjoni indipendenti minn dik ta’ l-awtorità maħtura. Din id-dikjarazzjoni għandha tfisser fil-qosor il-konklużjonijiet tal-kontrolli mwettqa matul is-snin ta’ qabel u għandha teżamina l-validità ta’ l-applikazzjoni għall-ħlas tal-bilanċ finali u l-legalità u r-regolarità tan-nefqa koperta bl-aħħar ċertifikat. L-Istati Membri jistgħu jehmżu l-opinjoni tagħhom ma’ din id-dikjarazzjoni jekk jaħsbu li tkun meħtieġa;

(ġ) li jikkooperaw mal-Kummissjoni biex jiżguraw li l-fondi tal-Komunità jkunu qegħdin jintużaw skond il-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba;

(ħ) li jirkupraw kull ammont mitluf minħabba irregolarità mikxufa u, fejn xieraq, jieħdu l-interessi fuq ħlas tard.

2. Il-Kummissjoni, fir-responsabbilità tagħha għall-implementazzjoni ta’ l-estimi tal-Komunità, għandha tiżgura li l-Istati Membri jkollhom sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll li jaħdmu mingħajr xkiel sabiex il-fondi tal-Komunità jintużaw b’mod effiċjenti u korrett.

Għal dan il-għan, mingħajr preġudizzju għall-kontrolli mwettqa mill-Istati Membri u skond il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amminstrattivi nazzjonali, l-uffiċjali jew l-impjegati tal-Kummissjoni jistgħu, skond ftehim milħuq ma’ l-Istati Membri fil-parametri tal-kooperazzjoni deskritta f’Artikolu G(1) ta’ Anness II, iwettqu kontrolli fuq il-post, inklużi kontrolli kampjuni, fuq il-proġetti finanzjati mill-Fond u fuq is-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll wara avviż ta’ mill-anqas ġurnata xogħol. Il-Kummissjoni għandha tavża lill-Istat Membru konċernat bil-ħsieb li tkun tista’ tikseb l-għajnuna kollha neċessarja. L-Uffiċjali jew l-impjegati ta’ l-Istat Membru konċernat jistgħu jieħdu sehem f’kontrolli bħal dawn.

Il-Kummissjoni tista’ titlob li l-Istat Membru konċernat iwettaq kontroll fuq il-post biex jivverifika l-korrettezza ta’ transizzjoni waħda jew aktar. L-uffiċjali jew l-impjegati tal-Kummissjoni jistgħu jieħdu sehem f’kontrolli bħal dawn.";

(b) il-paragrafu 4 għandu jitneħħa u l-paragrafu 5 għandu jsir il-paragrafu 4.

11. F’Artikolu 16(1), il-kliem "l-iktar tard sa l-aħħar ta’ l-1999" għandu jiġi mibdul bi "l-aktar tard sal-31 ta’ Diċembru 2006".

12. Anness I għandu jiġi mibdul b’dan li ġej:

"

ANNESS I

L-allokazzjoni indikattiva tat-total tar-riżorsi tal-Fond ta' Koeżjoni fost l-Istati Membri benefiċjarji

Spanja : 61 % sa 63,5 % tat-total

Il-Greċja : 16 % sa 18 % tat-total

L-Irlanda : 2 % sa 6 % tat-total

Il-Portugall : 16 % sa 18 % tat-total

"

Artikolu 2

L-applikazzjonijiet ippreżentati qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament għandhom jibqgħu validi sakemm, fejn ikun hemm bżonn, jiġu supplimentati biex jikkonformaw mal-ħtiġiet tar-Regolament (KE) Nru 1164/94, kif emendat fl-ewwel xahrejn wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2000.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul il-Lussemburgu, fil-21 ta Gunju ta l-1999

Għall-Kunsill

Il-President

G. Verheugen

[1] ĠU Ċ 159, tas- 26.5.1998, p. 7.

[2] L-approvazzjoni ngħatat nhar is-6 ta’ Mejju 1999 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU C 407, tat-28.12.1998, p. 74.

[4] ĠU C 51, tat-22.2.1999, p. 10.

[5] ĠU L 130, tal ( 25.5.1994, p. 1.

[6] ĠU L 228, tad-9.9.1996, p. 1.

[7] ĠU L 139, tad-9.9.1996, p. 1.

[8] ĠU L 209, tat-2.8.1997, p. 1.

[9] ĠU L 310, tat-30.11.1996, p. 1. Regolament rifemendat bir- Regolament (KE) 448/98 ĠU L 58 tas-27.2.1998, p.1.

[10] ĠU C 236, tat-2.8.1997, p. 1.

--------------------------------------------------