31999R1263



Official Journal L 161 , 26/06/1999 P. 0054 - 0056


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1263/1999

tal-21 ta' Ġunju 1999

dwar l-Istrument Finanzjarju għal Gwida tas-Sajd

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEJA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

(1) Billi l-politika komuni tas-sajd tappoġġa l-għanijiet ġenerali ta' Artikolu 33 tat-Trattat; Billi, b'mod partikolari, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3760/92 ta' l-20 ta' Diċembru 1992 li jistabbilixxi sistema Komunitarja għas-sajd u l-akkwakultura [4], jgħin sabiex jintlaħaq bilanċ bejn, minn naħa waħda, il-konservazzjoni u l-amministrazzjoni ta' riżorsi, u min-naħa l-oħra, l-attività ta' sajd u l-isfruttar stabbli u razzjonali ta' dawn ir-riżorsi;

(2) Billi miżuri strutturali fis-sajd u l-akkwakultura għandhom jgħinu sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika komuni tas-sajd u dawk ta' Artikolu 100 tat-Trattat;

(3) Billi l-inkorporazzjoni ta' tali miżuri strutturali fl-istruttura operazzjonali tal-Fondi Strutturali fl-1993 tejbet is-sinerġija ta' operazzjonijiet Komunitarji u ppermettiet li jingħata kontribut iżjed koerenti sabiex tissaħħaħ l-għaqda ekonomika u soċjali;

(4) Billi r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 tal-21 ta' Ġunju 1999 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali [5] jistabbilixxi reviżjoni komprensiva ta' l-arranġamenti ta' ħidma għall-politika strutturali li tibda sseħħ mill-1 ta' Jannar 2000; Billi tali miżuri strutturali sejrin jagħmlu parti mill-mezzi u mix-xogħolijiet li hemm referenza għalihom f'Artikolu 2 tar-Regolament imsemmi; billi r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2080/93 ta' l-20 ta' Lulju 1993 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet sabiex jiġi mplimentat ir-Regolament (KEE) Nru 2052/88 f'dak li għandu x'jaqsam ma’ l-Istrument Finanzjarju għal Gwida ta' Sajd [6] għandu għalhekk jiġi imħassar u sostitwit b'Regolament ġdid li jipprovdi b'mod partikolari għall-arranġamenti li għandhom jiżguraw transizzjoni li tevita kull interruzzjoni tal-miżuri strutturali,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. Il-miżuri strutturali mplimentati b'għajnuna finanzjarja tal-Komunità taħt dan ir-Regolament fis-settur tas-sajd u l-akkwakultura u l-industrija li tipproċessa u tbiegħ il-prodotti tagħhom (minn hawn iżjed 'il quddiem imsejjaħ "is-settur") għandhom jappoġġaw l-għanijiet ġenerali ta' Artikoli 33 u 100 tat-Trattat u l-għanijiet stabbiliti fir-Regolamenti (KEE) Nru 3760/92 u (KE) Nru 1260/1999.

2. Ix-xogħolijiet tal-miżuri li għalihom hemm referenza fil-paragrafu 1 għandhom ikunu:

(a) li jikkontribwixxu sabiex jinkiseb bilanċ sostenibbli bejn ir-riżorsi tas-sajd u l-isfruttar tagħhom;

(b) li jsaħħu il-kompetittività ta' strutturi u l-iżvilupp ta' intrapriżi li huma ekonomikament vijabbli fis-settur;

(ċ) li jtejbu il-provvista fis-suq u l-valur miżjud ta' prodotti tas-sajd u ta' l-akwakultura;

(d) li jikkontribwixxu sabiex postijiet li huma dipendenti fuq is-sajd u l-akkwakultura jerġgħu jingħataw il-ħajja.

3. Tista’ tingħata għajnuna finanzjarja Komunitarja sabiex jiġu implimentati miżuri ta' appoġġ għal wieħed jew iżjed mix-xogħolijiet li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 2, skond Artikolu 2.

4. Taħt il-proċedura li hemm referenza għaliha f'Artikolu 4, il-Kunsill għandu jistabbilixxi l-oqsma ta' intervent għall-azzjonijiet strutturali li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 2

1. L-Istrument Finanzjarju għall-Gwida tas-Sajd hawn iżjed ’il quddiem jissejjaħ l-"IFGS".

2. Il-miżuri mplimentati b'għajnuna mill-IFGS fl-Għan 1 tal-Fondi Strutturali għandhom jagħmlu parti mill-programm ta' dan il-Għan.

Miżuri mplimentati b'għajnuna mill-IFGS barra mill-Għan 1 għandhom ikunu soġġetti għal dokument ta' programm wieħed f'kull Stat Membru in kwistjoni.

3. Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jinkludu l-miżuri strutturali kollha fis-settur fl-oqsma segwenti:

- tiġdid fil-flotta u modernizzar ta' bastimenti tas-sajd,

- aġġustament ta' attività ta' sajd,

- intrapriżi konġunti,

- sajd minn max-xatt fuq skala żgħira,

- miżuri soċjo-ekonomiċi,

- protezzjoni ta' riżorsi tal-baħar f'ilmijiet mal-kosta,

- akwakultura,

- faċilitajiet tas-sajd fil-port,

- proċessar u bejgħ ta' prodotti tas-sajd u ta' l-akwakultura,

- miżuri sabiex jinstabu u jiġu promossi kanali ta' bejgħ ġodda,

- operazzjonijiet minn membri tal-kummerċ,

- waqfien temporanju ta' attivitajiet u kumpens finanzjarju ieħor,

- azzjonijiet innovattivi u għajnuna teknika.

Skond il-proċedura preskritta minn Artikolu 4, il-Kunsill jista’ jadatta din il-lista ta' miżuri.

4. L-Istati Membri għandhom jagħmlu ċert li fuq livell nazzjonali l-interventi tar-ristrutturazzjoni tal-flotta taħt l-"IFGS" ikunu f'konformità ma’ l-obligi tagħhom taħt il-politika komuni tas-sajd u b'mod partikolari taħt il-programmi ta' gwida multi-annwali tas-sajd.

5. Barra minnhekk, u b’mod konformi ma' Artikoli 22 u 23 tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999, l-IFGS għandha tagħmel kontribut lejn:

(a) azzjoni innovativa li tinkludi operazzjonijiet transnazzjonali u l-istabbiliment ta' sistemi interkonnessi għal dawk li jaħdmu fis-settur u żoni li jiddependu fuq is-sajd u l-akwakultura;

(b) miżuri ta' għajnuna teknika.

B'mod konformi ma’ Artikolu 22(2) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999, il-qasam ta' proġetti pilota koperti mill-punt (a) ta' dan il-paragrafu huwa estiż bid-deċiżjoni dwar il-kontribuzzjonijiet mill-Fondi għal miżuri li jistgħu jiġu ffinanzjati taħt ir-Regolament (KE) Nru 1261/1999 tal-21 ta' Ġunju 1999 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-Fond għall-Iżvilupp Rurali [7], ir-Regolament (KE) Nru 1262/1999 tal-21 ta' Ġunju 1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Soċjali Ewropew [8] u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 tas-17 ta' Mejju 1999 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Ewropew ta' Gwida u Garanzija Agrikola (EAGGF) u li jemenda u li jħassar ċerti Regolamenti [9] sabiex jiġu implimentati l-miżuri kollha previsti mill-azzjonijiet innovattivi in kwistjoni.

Artikolu 3

Il-kontribut finanzjarju mogħti għal kull operazzjoni individwali taħt il-miżuri li għalihom hemm referenza f'Artikolu 1(3) ma jistax taqbeż l-ammont li jrid jiġi stabbilit skond il-proċedura li għaliha hemm referenza f'Artikolu 4.

Artikolu 4

Mingħajr preġudizzju għal Artikolu 5, il-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita f'Artikolu 37 tat-Trattat, għandu jaddotta, sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 1999, ir-regoli u l-kondizzjonijiet dettaljati għall-kontribut finanzjarju tal-Komunità għall-miżuri strutturali li għalihom hemm referenza f'Artikolu 2.

Artikolu 5

1. Ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 4028/86 [10] u (KEE) Nru 4042/89 [11] għandhom jibqgħu japplikaw għal applikazzjonijiet għall-għajnuna presentati qabel l-1 ta' Jannar 1994.

2. Il-porzjonijiet minn somom marbuta bħala għajnuna għal proġetti mill-Kummissjoni bejn l-1 ta' Jannar 1989 u l-31 ta' Diċembru 1993 taħt ir-Regolament (KEE) Nru 4028/86 li għalihom ma ġiet presentata l-ebda applikazzjoni finali għal ħlas lill-Kummissjoni sa l-aktar tard sitt snin u tlett xhur wara d-data li fiha ingħatat l-għajnuna, għandhom jiġu rilaxxati awtomatikament mill-Kummissjoni sa l-aktar tard sitt snin u disa’ xhur mid-data meta ingħatat l-għajnuna, b'mod li jagħtu lok għall-ħlas lura ta' somom li tħallsu żejda, mingħajr preġudizzju għal proġetti li ġew sospiżi għal raġunijiet legali.

Artikolu 6

Ir-Regolament (KEE) Nru 2080/93 qiegħed jiġi mħassar b'effett mill-1 ta' Jannar 2000.

Referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jiftehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 7

L-arranġamenti transitorji provvduti f'Artikolu 52 tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999 għandhom japplikaw mutatis mutandis għal dan ir-Regolament.

Artikolu 8

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet ġurnata ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, fil-21 ta' Ġunju 1999.

Għall-Kunsill

Il-President

G. Verheugen

[1] ĠU Ċ 176, tad-9.6.1998, p. 44.

[2] Opinjoni mogħtija fis-6 ta' Mejju 1999 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU Ċ 407, tat-28.12.1998, p. 74.

[4] ĠU L 389, tal-31.12.1992, p. 1. Regolament kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 1181/98 (ĠU L 164, tad-9.6.1998, p. 3).

[5] Ara l-paġna 1 ta' dan l-Ġurnal Uffiċjali.

[6] ĠU L 193, tal-31.7.1993, p. 1.

[7] Ara l-paġna 43 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

[8] Ara l-paġna 48 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

[9] ĠU L 160, tas-26.6.1999, p. 80.

[10] ĠU L 376, tal-31.12.1986, p. 7. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 2080/93.

[11] ĠU L 388, tat-30.12.1989, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 2080/93.

--------------------------------------------------