31999R0379



Official Journal L 046 , 20/02/1999 P. 0015 - 0015


Ir-Regolament tal-Kummissijoni (KE) Nru 379/1999

tad-19 ta’ Frar 1999

li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2568/91 dwar il-karatteristiċi taż-zejt taż-żebbuġa u taż-żejt mill-fdalijiet taż-żebbuġa u dwar il-metodi rilevanti ta’ l-analiżi

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill Nru 136/66/KEE tat-22 ta’ Settembru 1966 dwar it- twaqqif ta’ organizzazzjoni komuni tas-suq taż-żjut u x-xaħmijiet [1], hekk kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1638/98 [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 35a tiegħu,

Billi r-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2568/91 [3], hekk kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2248/98 [4], fisser il-karatteristiċi taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żejt tal-fdalijiet taż-żebbuġa u l-metodi rilevanti ta’ l-analiżi;

Billi, sabiex il-kundizzjonijiet dwar il-preparazzjoni tal-kampjuni taż-żejt taż-żebbuġa għall-analiżi jkunu uniformi, hekk kif stabbilit fir-Regolament (KEE) Nru 2568/91, dan ir-Regolament jeħtieġ il-grad ta’ klassifikazzjoni internazzjonali EN ISO 5555 biex jintuża flimkien mal-grad ta’ klassifikazzjoni EN ISO 661, li diġà jgħodd;

Billi sabiex ikun hemm perjodu ta’ aġġustament għal gradi ta’ klassifikazzjoni ġodda, u biex ikun hemm żmien biex jiġu introdotti l-mezzi ta’ kif tapplikahom, it-tħaddim ta’ dan ir-Regolament għandu jkun differit;

Billi l-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni dwar iż-Żjut u x-Xaħmijiet,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KEE) Nru 2568/91 huwa mibdul b’dan li ġej:

"3. Kampjuni li jiddeterminaw il-karatteristiċi taż-żejt, hekk kif stabbilit fl-Anness I, għandhom ikunu skond il-gradi ta’ klassifikazzjoni internazzjonali EN ISO 661 dwar il-preparazzjoni ta’ kampjuni għall-analiżi, u EN ISO 5555 dwar kif għandhom ikunu l-kampjuni."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan għandu jgħodd mill-ewwel jum tar-raba’ xahar wara li dan ikun daħal fis-seħħ.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fid-19 ta’ Frar 1999.

Għall-Kummissjoni

Franza Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU C 172, tat-30.9.1966, p. 3025/66.

[2] ĠU L 210, tat-28.7.1998, p. 32.

[3] ĠU L 248, tal-5.9.1991, p. 1.

[4] ĠU L 282, ta’ l-20.10.1998, p. 55.

--------------------------------------------------