31999R0150



Official Journal L 018 , 23/01/1999 P. 0007 - 0007


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 150/1999

tad-19 ta’ Jannar 1999

li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2262/84 li jippreskrivi miżuri speċjali fir-rigward taż-żejt taż-żebbuġa

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Billi, b’konformità ma’ l-Artikolu 1(5) tar-Regolament (KEE) Nru 2262/84 [3], il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, ser jadotta qabel l-1 ta’ Jannar 1999 il-metodu biex jiffinanzja l-ispiża attwali ta’ l-aġenziji mis-sena ta’ marketing 1999/2000;

Billi ġie deċiz illi perjodu tranżizzjonali ta’ tliet snin li jkopri r-riforma ta’ l-organizzazzjoni tal-marketing tas-settur taż-żejt taż-żebbuġa sa mis-sena ta’ marketing 1998/1999; billi xogħol li normalment jiġi fdat lill-aġenziji jrid jitwettaq matul il-perjodu tranżizzjonali kif ukoll matul l-ewwel sena ta’ marketing ta’ wara dan il-perjodu; billi, b’riżultat ta’ dan, għandu jsir provvediment dwar kontribuzzjoni mill-Komunità lejn l-ispiża ta’ l-aġenziji għall-perjodu msemmi biex tassigura li jistgħu jaħdmu b’mod effettiv u skond ir-regoli fi ħdan il-qafas ta’ l-awtonomija amministrattiva li għaliha hemm dispożizzjonijiet fir-Regolament (KEE) Nru 2262/84,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-aħħar żewġ sottoparagrafi ta’ l-Artikolu 1(5) tar-Regolament (KEE) Nru 2262/84 huma hawnhekk mibdula b’dan li ġej:

"50 % ta’ l-ispiża attwali ta’ l-aġenziji fuq perijodu ta’ tliet snin li jibda mis-sena ta’ marketing 1999/2000 għandha tkun koperta mill-estimi ġenerali ta’ l-Komunitajiet Ewropej.

Qabel l-1 ta’ Ottubru 2001, il-Kummissjoni għandha tikkonsidra l-ħtieġa li l-kontribuzzjoni tal-Komunità għall-ispiża ta’ l-aġenziji tiġi sostnuta u, fejn xieraq, għandha tippreżenta proposta lill-Kunsill. Bi qbil mal-proċedura li għaliha hemm dispożizzjonijiet fl-Artikolu 43(2) tat-Trattat, il-Kunsill għandu jiddeċidi qabel l-1 ta’ Jannar 2002 fuq kull iffinanzjar ta’ l-ispiża msemmija."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum ta’ wara l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jiġi applikat direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fid-19 ta’ Jannar 1999.

Għall-Kunsill

Il-President

K.-H. Funke

[1] ĠU C 384, ta’ l-10.12.1998, p. 22.

[2] Opinjoni mogħtija fit-13 ta’ Jannar 1999 (mhux ippubblikata s’issa fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU L 208, tat-3.8.1984, p. 11. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 2599/97 (ĠU L 351, tat-23.12.1997, p. 17).

--------------------------------------------------