Official Journal L 172 , 08/07/1999 P. 0038 - 0039
Id-Direttiva 1999/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Ġunju 1999 li temenda d-Direttiva 89/398/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar l-oġġetti ta' l-ikel għall-użu nutrizzjonali partikolari IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1], Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2], Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura provduta fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3], fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni tat-18 ta' Marzu 1999, (1) Billi l-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/398/KEE [4] jipprovdi li dispożizzjonijiet speċifiċi applikabbli għall-gruppi ta' l-oġġetti ta' l-ikel li jidhru fl-Anness I hemm mehmuż għandhom ikunu pprovduti permezz ta' Direttivi speċifiċi. (2) Billi s'issa Direttivi speċifiċi ġew adottati għall-formoli tat-trabi u formoli follow-on [5], għal ikel ipproċessat bażat fuq iċ-ċereali u ikel tat-trabi maħsub għal trabi u tfal żgħar [6] u ikel maħsub għall-użu f'dieti ta' enerġija ristretta għat-tnaqqis fil-piż [7]; billi hemm raġunijiet li jirrelataw mas-saħħa pubblika għall-adozzjoni ta' dispożizzjonijiet speċifiċi, skond l-Artikolu 4 tad-Direttiva 89/398/KEE, ta' ikel tad-dieta għal għanijiet mediċi speċjali u ikel maħsub li jikkompensa għal sforz muskolari intens, speċjalment għall-isportivi kif msemmi fl-Anness I li jinsab ma' dik id-Direttiva; (3) Billi, fil-każ ta' gruppi ta' ikel ta' sodji baxx, inkluż melħ b'sodju baxx jew ħieles mis-sodju, u ikel ħieles mill-gluten, dawk il-prodotti jistgħu sodisfaċjentement jitqegħdu fis-suq u jkunu effiċjentement immonitorjati uffiċjalment taħt id-dispożizzjonijiet ġenerali tad-Direttiva 89/398/KEE, sakemm il-kondizzjonijiet għall-użu ta' ċerti oġġetti użati biex jindikaw karatteristiċi partikolari ta' nutriment ta' prodotti jkunu definiti. (4) Billi t-tneħħija ta' dawk il-kategoriji mill-Anness I li jinsab mad-Direttiva 89/398/KEE tkun konformi ma' l-isforzi li qegħdin isiru biex tiġi evitata leġislazzjoni dettaljata wisq. (5) Billi mhux ċar jekk teżistix bażi adegwat biex jiġu adottati dispożizzjonijiet speċifiċi għall-grupp imsemmi fil-punt 9 ta' l-Anness I li jinsab mad-Direttiva 89/398/KEE, jiġifieri l-grupp ta' ikel maħsub għall-persuni li jkunu bagħtu minn disordnijiet tal-metaboliżmu tal-karboidrati (dijabete). (6) Billi għalhekk għandu jintalab parir minn, fost oħrajn, il-Kumitat Xjentifiku għall-Ikel qabel ma ttieħed deċiżjoni finali dwar il-kwistjoni. (7) Billi huwa għalhekk possibbli li fil-livell tal-Komunità jiġu armonizzati r-regoli applikabbli għall-gruppi oħra ta' oġġetti ta' l-ikel għall-użi partikolari ta' nutriment, fl-interess tal-protezzjoni tal-konsumatur u l-moviment liberu ta' dawk l-oġġetti ta' l-ikel, ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA: L-Artikolu 1 Id-Direttiva 89/398/KEE hija b'dan emendata kif ġej: 1. L-Artikolu li ġej għandu jiddaħħal: "L-Artikolu 4a Regoli għall-użu tat-termini dwar - it-tnaqqis jew nuqqas ta' kontenut ta' sodju jew melħ (sodium chloride, melħ tal-mejda), - in-nuqqas ta' gluten, li jistgħu jintużaw biex jiġu deskritti l-prodotti msemmija fl-Artikolu 1, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura provduta fl-Artikolu 13. L-Artikolu 4b Qabel it-8 ta' Lulju 2002, il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta mal-Kumitat Xjentifiku għall-Ikel, tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar ix-xewqa ta' dispożizzjonijiet speċjali għall-ikel għall-persuni li jsofru minn għawġ fil-metaboliżmu ta' karboidrati (dijabete). Fid-dawl tal-konklużjoni ta' dan ir-rapport, il-Kummissjoni għandha jew, skond il-proċedura provduta fl-Artikolu 13, tipproċedi bit-tħejjija tad-dispożizzjonijiet speċjali konċernati jew għandha tippreżenta, skond il-proċedura provduta fl-Artikolu 95 tat-Trattat, kull proposta xierqa għal emendi f'din id-Direttiva." 2. L-Artikolu 9(5) għandu jinbidel b'dan li ġej: "5. Qabel it-8 ta' Lulju 2002, u kull tliet snin wara, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu." 3. L-Anness I għandu jinbidel b'dan li ġej: L-ANNESS I - Gruppi ta' oġġetti ta' l-ikel għall-użi partikolari ta' nutriment li dwarhom dispożizzjonijiet speċjali għandhom ikunu pprovduti b'Direttivi speċifiċi [1]. 1. Formoli tat-trabi u formoli follow-up 2. Ikel ipproċessat b'bażi ta' ċereali u ikel tat-trabi għat-trabi u tfal żgħar 3. Ikel maħsub għall-użu f'dieti ta' enerġija ristretta għat-tnaqqis tal-piż 4. Ikel ta' dieta għal skopijiet mediċi speċjali 5. Ikel maħsub biex jikkumpensa għal sforz muskolari intens, speċjalment għall-isportivi; - Gruppi ta' oġġetti ta' l-ikel għall-użi partikolari ta' nutriment li għalihom dispożizzjonijiet speċifiċi għandhom ikunu pprovduti b'Direttiva speċifika [2], skond ir-riżultat tal-proċedura deskritta fl-Artikolu 4b: 6. Ikel għall-persuni li jbatu minn disordnijiet ta' karboidrati fil-metaboliżmu (dijabete). L-Artikolu 2 L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva mhux aktar tard mit-8 ta' Lulju 1999. Għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni bihom. Dawn il-miżuri għandhom jiġu applikati b'dak il-mod illi: - jippermettu n-negozju fi prodotti li jikkonformaw ma' din id-Direttiva sat-8 ta' Lulju 2000; - jipprobixxu negozju fi prodotti li ma jikkonformawx ma' din id-Direttiva sat-8 ta' Jannar 2001 Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'dik ir-referenza fl-okkazzjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta' kif għandha ssir ir-referenza għandhom jitniżżlu mill-Istati Membri. L-Artikolu 3 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. L-Artikolu 4 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fil-Lussemburgu, fis-7 ta' ta' Ġunju 1999. Għall-Parlament Ewropew Il-President J. M. Gil-robles Għall-Kunsill Il-President E. Bulmahn [1] ĠU C 108, tas-16.4.1994, p. 17 uĠU C 35, tat-8.2.1996, p. 17. [2] ĠU C 388, tal-31.12.1994, p. 1. [3] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Ottubru 1995 (ĠU C 287, tat-30.10.1995, p. 104), il-Pożizzjoni komuni tal-Kunsill tat-22 ta' Lulju 1997 (ĠU C 297, tad-29.9.1997, p. 1) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Diċembru 1997 (ĠU C 14, 19.1.1998, p. 123). Id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Mejju 1999 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 1999. [4] ĠU L 186, tat-30.6.1989, p. 27. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 96/84/KE (ĠU L 48, tad-19.2.1997, p. 20). [5] Id-Direttiva tal-Kummissjoni 91/321/KEE ta' Mejju 1991 dwar formuli tat-trabi u formuli follow-up (ĠU L 175, ta' l-4.7.1991, p. 35). Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva 96/4/KE (ĠU L 49, tat-28.2.1996, p. 12). [6] Id-Direttiva tal-Kummissjoni 96/5/KEE tas-16 ta' Frar 1996 dwar ikel proċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u ikel tat-trabi għat-trabi u tfal żgħar (ĠU L 49, tat-28.2.1996, p. 17). [7] Id-Direttiva tal-Kummissjoni 96/8/KEE tas-26 ta' Frar 1996 dwar ikel maħsub għal dieti ristretti ta' enerġija għat-tnaqqis fil-piż (ĠU L 55, tas-6.3.1996, p. 22). [1] Huwa mifhum li prodotti ġia fis-suq meta din id-Direttiva tiġi adottata m'għandhomx jiġu effettwati biha. [2] Huwa mifhum li prodotti ġia fis-suq meta din id-Direttiva tiġi adottata m'għandhomx jiġu effettwati biha. --------------------------------------------------