31999L0039



Official Journal L 124 , 18/05/1999 P. 0008 - 0010


Id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/39/KE

tas-6 ta' Mejju 1999

li temenda d-Direttiva 96/5/KE dwar ikel proċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u ikel tat-trabi għat-trabi u tfal żgħar

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/398/KEE tat-3 ta' Mejju 1989 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri, dwar l-ikel għal użu partikolari ta' nutrizzjoni [1], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 96/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [2], u b'mod partikolari l-Artikolu 4(1) tagħha,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel,

(1) Billi l-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 96/5/KE [3], kif emendata bid-Direttiva 98/36/KE [4], jipprovdi li l-ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u l-ikel tat-trabi ma jkun fih ebda sustanza fi kwantità li tista' tipperikola s-saħħa tat-trabi u tat-tfal żgħar u li għandhom jiġu stabbiliti l-livelli massimi neċessarji għal sustanzi bħal dawn, mingħajr dewmien.

(2) Billi regolamenti differenti fuq il-livelli massimi ta' residwi ta' pestiċidi fl-ikel ipproċessat ibbażat fuq ċereali u l-ikel tat-trabi joħolqu ostakoli għall-kummerċ bejn ċerti Stati Membri.

(3) Billi l-livelli massimi tar-residwi ta' pestiċidi stipulati fid-Direttiva tal-Kunsill 76/895/KEE tat-23 ta' Novembru 1976, fuq l-iffissar tal-livelli massimi tar-residwi ta' pestiċidi fi u fuq il-frott u l-ħxejjex [5], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 97/41/KE [6], fid-Direttiva tal-Kunsill 86/362/KEE ta' l-24 ta' Lulju 1986 fuq l-iffissar tal-livelli massimi tar-residwi ta' pestiċidi fi u fuq iċ-ċereali [7], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 98/82/KE [8], fid-Direttiva 86/363/KEE ta' l-24 ta' Lulju 1986 fuq l-iffissar tal-livelli massimi tar-residwi ta' pestiċidi fi u fuq l-ikel li ġej mill-annimali [9] kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 98/82/KE, u fid-Direttiva tal-Kunsill 90/642/KEE tas-27 ta' Novembru 1990 fuq l-iffissar tal-livelli massimi tar-residwi ta' pestiċidi fi u fuq ċerti prodotti li ġejjin mill-pjanti, inklużi frott u ħxejjex [10], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 98/82/KE, huma mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi appikabbli għall-ikel ipproċessat ibbażat fuq ċereali u ikel tat-trabi.

(4) Billi, wara li jiġu kkunsidrati l-obbligi internazzjonali tal-Komunità, fil-każi fejn l-evidenza xjentifika rilevanti mhiex biżżejjed, il-prinċipju ta' kawtela jippermetti li l-Komunità tadotta miżuri provisorji fuq il-bażi ta' l-informazzjoni pertinenti disponibbli, sakemm issir stima addizzjonali tar-riskju u reviżjoni tal-miżura f'perjodu ta' żmien raġonevoli.

(5) Billi fuq il-bażi taż-żewġ opinjonijiet mogħtija mill-Kumitat Xjentifku għall-Ikel fid-19 ta' Settembru 1997 u fl-4 ta' Ġunju 1998 hemm dubji fil-preżent dwar kemm huma adegwati l-valuri aċċettabbli u eżistenti tat-teħid ta' l-ikel ta' kuljum (ADI) għall-protezzjoni tas-saħħa tat-trabi u t-tfal żgħar; billi d-dubji wrew tħassib mhux biss għall-pestiċidi u għar-residwi ta' pestiċidi, imma anki għal sustanzi kimiċi perikolużi u għalhekk il-Kummissjoni sejra teżamina l-possibiltà li tirranġa, mill-aktar fis possibbli, il-livelli massimi tal-metalli tqal fl-ikel li huwa maħsub għat-trabi u għat-tfal żgħar.

(6) Billi, għalhekk, fejn jidħol l-ikel għall-użu partikolari ta' nutrizzjoni maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar, huwa xieraq li jiġi adottat limitu komuni baxx ħafna għall-pestiċidi kollha sakemm ikun hemm eżami xjentifiku każ b'każ u evalwazzjoni tas-sustanzi.

(7) Billi dan il-limitu komuni baxx ħafna għandu jkun iffissat bħala 0,01mg/kg li fil-prattika huwa l-inqas livell li jista' jinkixef.

(8) Billi l-Kummissjoni f'kooperazzjoni mal-partijiet interessati għandha tagħmel ħilitha sabiex twettaq reviżjoni mingħajr dewmien u tiffissa l-livelli xierqa u xjentifikament iġġustifikati biex jiġu mdaħħla fl-Anness VII il-ġdid.

(9) Billi għandhom ikunu meħtieġa restrizzjonijiet stretti fuq residwi ta' pestiċidi; billi b'għażla attenta tal-materja prima, u minħabba l-fatt li ikel proċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u ikel tat-trabi jgħaddu minn proċess estensiv waqt il-manifattura tagħhom, huwa possibbli li jiġu ffabrikati prodotti li fihom livelli baxxi ħafna ta' residwi ta' pestiċidi.

(10) Billi, iżda, għal numru żgħir ta' pestiċidi, anki livelli daqshekk baxxi jistgħu jippermettu li taħt l-agħar każi ta' kondizzjonijiet ta' teħid l-ADI ta' dawn il-pestiċidi tista' tiġi maqbuża; billi, għalhekk, l-ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u l-ikel tat-trabi għandu jkun ħieles minn dawn il-pestiċidi partikolari u għandu jkun prodott mingħajr l-użu ta' dawn il-pestiċidi.

(11) Billi, kif u meta l-ADI huwa miġbur minn evalwazzjoni xjentifika tal-pestiċida mwettqa skond id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE [11], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/1/KE [12], dan l-ADI għandu jintuża bħala bażi sabiex jiġu stabbiliti l-limiti massimi tar-residwi ta' l-ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u l-ikel tat-trabi, billi jintuża, meta xieraq, il-metodu segwit fil-qafas tad-Direttivi 86/362/KEE, 86/363/KEE u 90/642/KEE.

(12) Billi din id-Direttiva tirrifletti t-tagħrif preżenti fuq dawn is-sustanzi; billi kull emenda, ibbażata fuq il-progress xjentifiku jew tekniku, tkun deċiża bil-proċedura stabbilita fl-Arikolu 13 tad-Direttiva 89/398/KEE.

(13) Billi d-Direttiva 96/5/KE għandha tiġi emendata kif xieraq.

(14) Billi l-miżuri li għalihom tipprovdi din id-Direttiva huma b'mod konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti ta' l-Ikel,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

Id-Direttiva 96/5/KE hija b'dan il-mezz emendata kif segwit:

1. L-inċiż li ġej huwa miżjud mal-Artikolu 1(4):

"— "residwi tal-pestiċida" għandhom ifissru r-residwi fl-ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u l-ikel tat-trabi minn prodotti li jipproteġu l-pjanti, kif imfisser fil-punt 1 ta' l-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE [13], inklużi l-metaboliżmi tagħhom u l-prodotti li jistgħu joħorġu mid-degradazzjoni jew ir-reazzjoni tagħhom,"

2. L-Artikolu 6 huwa mibdul b'dan li ġej:

"L-Artikolu 6

1. L-ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u l-ikel tat-trabi m'għandu jkun fih ebda sustanza fi kwantità tali li tista' tipperikola s-saħħa tat-trabi u tat-tfal żgħar. Il-livelli massimi meħtieġa għandhom jiġu stabbiliti mingħajr dewmien.

2. L-ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u l-ikel tat-trabi ma jkunx fih residwi ta' pestiċida individwali f'livelli li jaqbżu 0,01 mg/kg, għajr għal dawk is-sustanzi li għalihom hemm livelli speċifiki stabbiliti fl-Anness VII, f'liema każ għandhom japplikaw dawn il-livelli speċifiki.

Il-livelli ta' fuq japplikaw għal ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u għal ikel tat-trabi li jkunu lesti għall-konsum u kif magħmul mill-ġdid skond l-istruzzjonijiet tal-manifattur.

Il-metodi analitiċi sabiex jiġu stabbiliti l-livelli ta' residwi tal-pestiċidi għandhom ikunu metodi komuni aċċettabbli minn kulħadd.

3. Dawk il-pestiċidi elenkati fl-Anness VIII m'għandhomx jintużaw fil-prodotti ta' l-agrikoltura għall-produzzjoni ta' l-ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u ta' l-ikel tat-trabi.

4. Għandhom jiġu stabbiliti kriterji tal-mikrobijoloġija kif meħtieġ;"

3. l-Annessi VII u VIII li ġejjin huma miżjudin:"

L-ANNESS VII

Il-livelli massimi u speċifiċi tar-residwi tal-pestiċidi fl-ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u l-ikel tat-trabi

+++++ TIFF +++++

L-ANNESS VIII

Il-pestiċidi li m'għandhomx jintużaw fil-prodotti ta' l-agrikoltura maħsubin għall-produzzjoni ta' l-ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u l-ikel tat-trabi.

L-isem kimiku tas-sustanza

"

L-Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2000. Huma għandhom jinfurmaw mal-ewwel lill-Kummissjoni b'dan.

Dawk il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi għandhom jiġu applikati b'tali mod li:

(a) jippermettu kummerċ tal-prodotti li jikkonformaw ma' din id-Direttiva mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2000;

(b) jipprojbixxu kummerċ ta' prodotti li ma jikkonformawx ma' din id-Direttiva, b'effett mill-1 ta' Lulju 2002.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom ikollhom riferenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'riferenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir riferenza bħal din.

L-Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 ġurnata wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fis-6 ta' Mejju 1999.

Għall-Kummissjoni

Martin Bangemann

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 186, tat-30.6.1989, p. 27.

[2] ĠU L 48, tad-19.2.1997, p. 20.

[3] ĠU L 49, tat-28.2.1996, p. 17.

[4] ĠU L 167, tat-12.6.1998, p. 23.

[5] ĠU L 340, tad-9.12.1976, p. 26.

[6] ĠU L 184, tat-12.7.1997, p. 33.

[7] ĠU L 221, tas-7.8.1986, p. 37.

[8] ĠU L 290, tad-29.10.1998, p. 25.

[9] ĠU L 221, tas-7.8.1986, p. 43.

[10] ĠU L 350, ta' l-14.12.1990, p. 71.

[11] ĠU L 230, tad-19.8.1991, p. 1.

[12] ĠU L 21, tat-28.1.1999, p. 21.

[13] GU L 230, tad-19.8.1991, p. 1

--------------------------------------------------