31999L0010



Official Journal L 069 , 16/03/1999 P. 0022 - 0023


ID-Direttiva tal-kunsill 1999/10/KE

tat-8 ta' Marzu 1999

li tipprovdi għal derogi mid-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 79/112/KEE fir-rigward tat-tikkettjar ta' oġġetti ta' l-ikel

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISJONI TA' KOMUNITÀ EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 79/112/KEE tat-18 ta' Diċembru 1978 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li jittrattaw l-ittikkettjar, il-preżentazzjoni u r-riklamar ta' oġġetti ta' l-ikel [1], kif emendata l-aħħar mill-Parlament Ewropew u bid-Direttiva tal-Kummissjoni 97/4/KEE [2], u b'mod partikolari l-Artikolu 7(3) (d) u (4) tagħha,

Billi l-Artikolu 7(2)(a) u (b) tad-Direttiva 79/112/KEE jipprovdi li l-kwantità ta' ingredjent għandha tkun dikjarata fuq it-tikketta ta' oġġetti ta' l-ikel, fejn l-ingredjent konċernat ikun jidher fl-isem li taħtu l-oġġett ta' l-ikel ikun mibjugħ jew ikun emfasizzat fuq it-tikketta;

Billi, minn banda waħda, id-Direttiva tal-Kummissjoni 94/54/KE [3], kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 96/21/KE [4], teħtieġ li d-dettalji "bit-taħlil" jew "biz-zokkor u t-taħlil" ikunu murija fuq it-tikketta tal-prodotti li jkun fihom dawn l-ingredjenti; billi dawn id-dettalji għandhom jakkumpanjaw l-isem li taħtu l-prodott ikun mibjugħ;

Billi l-indikazzjoni ta' dawk id-dettalji meħtieġa mid-Direttiva 94/54/KE għandha l-effett li tagħmilha obbligatorja li tkun indikata l-kwantità ta' dan l-ingredjent jew dawn l-ingredjenti f'konformità mal-Artikolu 7(2)(a) u/jew (b) tad-Direttiva 79/112/KEE;

Billi, iżda, l-indikazzjoni tal-kwantità tat-taħlil x'aktarx li ma taffettwax l-għażla tal-konsumatur meta dan jixtri l-prodott;

Billi, min-naħa l-oħra, l-inklużjoni tad-dettalji marbuta maż-żieda ta' vitamini u minerali jkollha l-effett li tagħmel it-tikketta tan-nutrizzjoni obbligatorja skond id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE [5];

Billi dettalji bħal dawn jitqiesu bħala parti integrali ta' l-isem li taħtu l-prodott ikun mibjugħ jew bħala wieħed li jemfasizza ingredjent fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 7(2)(a) u/jew (b) tad-Direttiva 79/112/KEE, li b'hekk jagħmlu l-indikazzjoni tal-kwantità ta' vitamini u minerali waħda obbligatorja;

Billi informazzjoni doppja ta' din l-għamla mhix meħtieġa għall-konsumaturi u tista' wkoll tqarraq bihom, peress li l-kwantità hija indikata bħala perċentwal taħt l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 79/112/KEE u f'mg fuq it-tikketta tan-nutrizzjoni;

Billi taħt dawn iċ-ċirkustanzi, huwa meħtieġ li jkun hemm eċċezzjonijiet oħrajn għar-regola ta' kif ikunu indikati l-kwantitajiet ta' l-ingredjenti;

Billi l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 79/112/KEE jgħid li l-kwantità indikata, espressa bħala perċentwal, għandha tikkorrispondi għall-kwantità ta' l-ingredjent jew ingredjenti fil-ħin tal-użu tiegħu/tagħhom; billi, minkejja dan, il-paragrafu jipprovdi għal derogi minn dak il-prinċipju;

Billi, aktar minn hekk, il-komposizzjoni ta' ċertu oġġetti ta' l-ikel tinbidel b'mod apprezzabbli mat-tisjir jew proċessi oħra li jikkawżaw id-disidratazzjoni ta' l-ingredjenti tagħhom;

Billi deroga mill-metodu tal-kalkolu tal-kwantità ta' l-ingredjenti stabbilita bl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 79/112/KEE hija meħtieġa għal dawn il-prodotti biex tirrifletti aħjar il-komposizzjoni vera ta' l-oġġett ta' l-ikel u b'hekk tevita li l-konsumatur ikun mqarraq;

Billi l-Artikolu 6(5)(a) tad-Direttiva 79/112/KEE japplika l-istess prinċipju għall-ordni ta' ingredjenti fil-lista tal-ingredjenti;

Billi, minkejja dan, l-Artikolu 6 jipprovdi għal derogi għal ċertu ikel u ingredjenti; billi, għall-għan ta' konsistenza, l-istess derogi għandhom ikollhom metodu ta' kif tkun kalkulata l-kwantità;

Billi, f'konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità stabbiliti fl-Artikolu 3b tat-Trattat, l-għanijiet ta' l-azzjoni proposta biex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipju ta' indikazzjoni kwantitattiva ta' l-ingredjenti ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, safejn ir-regoli bażiċi huma inklużi fil-leġislazzjoni tal-Komunità; billi din id-Direttiva hija limitata għal minimu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għal dak il-għan;

Billi l-miżuri stabbiliti b'din id-Direttiva jikkonformaw ma' l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar l-Oġġetti ta' l-Ikel,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

1. L-Artikolu 7(2)(a) u (b) tad-Direttiva 79/112/KEE m'għandux japplika f'każijiet fejn il-kliem "bit-taħlil" jew "biz-zokkor u t-taħlil" ikunu jakkumpanjaw l-isem li taħtu prodott ta' l-ikel ikun mibjugħ, kif provdut taħt id-Direttiva 94/54/KE.

2. L-Artikolu 7(2)(a) u (b) tad-Direttiva 79/112/KEE m'għandux japplika għal dettalji dwar iż-żieda ta' vitamini u minerali, f'każijiet fejn dawk is-sustanzi jkunu suġġetti għal tikketti tan-nutrizzjoni.

Artikolu 2

1. B'deroga għall-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 79/112/KEE, id-disposizzjonijiet tal-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu għandhom japplikaw għall-indikazzjoni tal-kwantitajiet ta' l-ingredjenti.

2. Għal oġġetti ta' l-ikel li jkunu tilfu l-umdità wara t-trattament tas-sħana jew xi trattament ieħor, il-kwantità għandha tkun tikkorrispondi għall-kwantità ta' l-ingredjent jew ingredjenti wżati, li jkollhom x'jaqsmu mal-prodott finali. Il-kwantità għandha tkun espressa bħala perċentwal.

Iżda, meta l-kwantità ta' ingredjent jew il-kwantità totali ta' l-ingredjenti kollha espressa fuq it-tikketta tkun teċċedi l-100 %, il-perċentwal għandu jinbidel bil-piż ta' l-ingredjent(i) użati biex tipprepara 100 g ta' prodott finali.

3. Il-kwantità ta' ingredjenti volatili għandha tkun indikata fuq il-bażi tal-proporzjon tagħhom skond il-piż fil-prodott finali.

Il-kwantità ta' ingredjenti wżati f'forma konċentrata jew disidratata u rikostitwiti matul il-manifattura tista' tkun indikata fuq il-bażi tal-proporzjon tagħhom skond il-piż kif reġistrat qabel il-konċentrazzjoni jew id-disidratazzjoni tagħhom.

F'każ ta' ikel konċentrat jew disidratat li jkun maħsub biex ikun rikostitwit biż-żieda ta' l-ilma, il-kwantità ta' l-ingredjenti tista' tkun indikata fuq il-bażi tal-proporzjon tagħhom skond il-piż fil-prodott rikostitwit.

Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom, fejn meħtieġ, jadottaw il-liġijiet, ir-regoli u d-disposizzjonijiet amministrattivi sa mhux aktar tard mill-31 ta' Awissu 1999 biex:

- jippermettu l-kummerċ ta' prodotti li jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-1 ta' Settembru 1999,

- jipprojbixxu l-kummerċ ta' prodotti li ma jikkonformawx ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-14 ta' Frar 2000. Iżda, prodotti li jkunu fis-suq jew ittikkettjati qabel dik id-data li ma jkunux jikkonformaw ma' din id-Direttiva jistgħu jkunu kummerċjati sakemm jispiċċa l-istokk.

Huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni dwar dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-disposizzjonijiet, dawn għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu supplimentati b'din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha tkun magħmula din ir-referenza.

Artikolu 4

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunità Ewropea.

Artikolu 5

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-8 ta' Marzu 1999.

Għall-Kummissjoni

Martin Bangemann

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU C 33, tat-8.2.1979, p. 1.

[2] ĠU L 43, tal-14.2.1997, p. 21.

[3] ĠU L 300, tat-23.11.1994, p. 14.

[4] ĠU L 88, tal-5.4.1996, p. 5.

[5] ĠU L 276, tas-6.10.1990, p. 40.

--------------------------------------------------