31999D1720



Official Journal L 203 , 03/08/1999 P. 0009 - 0013


Id-Deċiżjoni Nru 1720/1999/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tat-12 ta' Lulju 1999

li taddotta serje ta' azzjonijiet u miżuri biex tiżgura l-interoperabilità ta' u l-aċċess għan-networks trans-Ewropej għall-iskambju reċiproku elettroniku ta' tagħrif bejn l-amministrazzjonijiet (IDA)

IL-PARLAMENT U L-KUNSILL TA' L- UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari Artikolu 156 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [3],

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stipulata f'Artikolu 251 tat-Trattat [4],

(1) Billi l-Kunsill, fir-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-20 ta' Ġunju 1994 [5] enfasizza l-ħtieġa ta' koordinazzjoni fir-rigward ta' skambju ta' informazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet;

(2) Billi l-Kunsill, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Novembru 1996 [6], stabbilixxa prioritajiet ġodda tal-politika dwar is-soċjetà ta' l-informazzjoni;

(3) Billi l-Kummissjoni, fil-komunikazzjoni tagħha tad-19 ta' Lulju 1994, proponiet pjan ta' azzjoni għas-soċjetà ta' l-informazzjoni;

(4) Billi l-Kummissjoni ipproponiet pjan ta' azzjoni għas-suq wieħed;

(5) Billi l-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Ġunju 1997 [7], stieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni fir-rigward ta' l-iżvilupp u l-applikazzjoni ta' teknoloġiji ġodda ta' informazzjoni u ta' komunikazzjoni (ICT) fl-għaxar snin li ġejjin;

(6) Billi l-Parlament Ewropew u l-Kunsill, fid-Deċiżjoni Nru 2717/95/KE [8], adottaw serje ta' linji gwida għall-iżvilupp ta' Euro-ISDN bħala network trans-Ewropew;

(7) Billi l-Parlament Ewropew u l-Kunsill, fid-Deċiżjoni Nru 1336/97/KE [9], adottaw serje ta' linji gwida għall-iżvilupp ta' networks trans-Ewropej ta' telekomunikazzjoni;

(8) Billi l-Kunsill, fir-rakkomandazzjoni tiegħu tas-7 ta' April 1995 dwar kriterji komuni ta' l-evalwazzjoni tas-sigurtà ta' l-informazzjoni teknoloġiku (ITSEC) [10], irrakkomanda l-użu ta' kriterji ta' evalwazzjoni ta' sigurtà fl-iskemi ta' evalwazzjoni u ċertifikazzjoni;

(9) Billi, biex tiġi stabbilita l-unjoni ekonomika u monetarja, għall-implimentazzjoni tal-politika u l-attivitajiet tal-Komunità u biex issostni l-komunikazzjoni bejn l-istituzzjonijiet u korpi tal-Komunità, hemm il-ħtieġa li jiġu stabbiliti sistemi integrati ta' komunikazzjoni ta' tagħrif bejn l-amministrazzjonijiet, hawnhekk iżjed 'il quddiem imsejħa bħala "networks telematiċi";

(10) Billi dawn in-networks telematiċi għandhom jgħaqqdu s-sistemi ta' informazzjoni, kemm dawk li jeżistu u kif ukoll dawk tal-futur, ta' l-amministrazzjonijiet ta' l-Istati Membri u tal-Komunità ma’ l-Ewropa kollha u huma, għalhekk, networks ta' telekomunikazzjoni trans-Ewropew għall-amministrazzjonijiet;

(11) Billi t-tgħaqqid effettiv ta' dawn is-sistemi ta' informazzjoni jenħtieġ livell massimu ta' interoperabilità bejn is-sistemi varji u l-komponenti tagħhom;

(12) Billi huwa essenzjali li jiġi massimizzat l-użu ta' standards, speċifikazzjonijiet pubblikament disponibbli u l-applikazzjonijiet fid-dominju pubbliku biex tiġi żgurata interoperabilità sħiħa sabiex jinkisbu l-ekonomiji ta' l-iskala u biex jiżdiedu l-benefiċċji ta' dawn in-networks;

(13) Billi interface imsaħħaħ ma’ l-amministrazzjonijiet pubbliċi jinkoraġġixxi liċ-ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea biex jiksbu l-benefiċċji tas-soċjetà ta' informazzjoni;

(14) Billi l-eliminazzjoni ta' ostakoli għall-komunikazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi u s-settur privat huma fatturi mportanti għall-prosperità u kompetittività ta' l-industrija tal-Komunità;

(15) Billi hija l-Komunità hija utent jew benefiċjarja ta' dawk in-networks telematiċi li jsostnu l-politika u l-attivitajiet tal-Komunità, il-komunikazzjoni interistituzzjonali u l-unjoni ekonomika u monetarja;

(16) Billi l-kompitu biex jiġu stabbiliti dawn in-networks jaqa’ kemm fuq il-Komunità u kif ukoll fuq l-Istati Membri;

(17) Billi, biex isir użu effiċjenti tar-riżorsi finanzjarji tal-Komunità, huwa meħtieġ li tiġi evitata l-proliferazzjoni bla bżonn ta' tagħmir, repetizzjoni ta' investigazzjonijiet u diversità ta' l-approċċ;

(18) Billi l-għodda u t-teknika komuni ta' l-applikazzjonijiet tan-networks settorjali jistgħu, fost ħwejjeġ oħra, jiġu relatati ma’ l-immaniġġjar u d-disseminazzjoni ta' dokumenti, ġbir ta' tagħrif, interfaces b'multi-lingwi għall-utenti u s-sigurtà ta' komunikazzjoni elettronika;

(19) Billi l-effiċjenza tal-kost, ir-responsività, il-flessibilità u l-adattatabilità għall-bidla teknoloġika fl-istabbiliment u t-tħaddim ta' dawn in-networks tista’ tinkiseb l-aħjar billi titħaddan attitudni ta' orjentament lejn is-suq u b'hekk jingħażlu provdituri fuq bażi kompetittiv f'ambjent ta' aktar minn bejjiegħ wieħed;

(20) Billi kull miżura li tassigura l-interoperabilità bejn u l-aċċess għal dawk ir-networki għandha żżomm bilanċ ġudizzjuż li jissodisfa l-ħtiġiet komuni u l-priservar tal-karattri speċifiċi nazzjonali;

(21) Billi hemm il-ħtieġa li jitwettqu azzjonijiet u miżuri orrizontali speċifiċi biex tiġi assigurata l-interoperabilità bejn dawn in-networks;

(22) Billi, skond il-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità stabbiliti b'Artikolu 5 tat-Trattat, l-għan tat-twettiq ta' dawn l-azzjonijiet u miżuri orrizontali ma jistgħax jintlaħaq adegwatament mill-Istati Membri u jista’ għalhekk, minħabba l-iskala u effetti ta' l-azzjoni proposta, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Komunità; billi l-azzjoni proposta ma tmurx ′l hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-imsemmi għan;

(23) Billi l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-Komunità Ewropea teħtieġ livell għoli ta' interoperabilità fi u bejn in- networks telematiċi relevanti;

(24) Billi hemm dimensjoni internazzjonali inerenti għan-networks telematiċi u għall-komunikazzjoni elettronika;

(25) Billi l-miżuri mmirati li jassiguraw l-interoperabilità tan-networks telematiċi bejn l-amministrazzjonijiet huma skond il-prijoritajiet addottati b'relazzjoni mal-linji gwida għan-networks ta' telekomunikazzjoni trans-Ewropej;

(26) Billi twettqu azzjonijiet taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsill 95/468/KE tas-6 ta' Novembru 1995 dwar il-kontribuzzjoni tal-Komunità għall-iskambju reċiproku telematiku ta' tagħrif bejn l-amministrazzsjonijiet fil-Komunità (IDA) [11]; billi l-Qorti tal-Ġustizzja annullat id-Deċiżjoni 95/468/KE fit-28 ta' Mejju 1998; billi l-effetti tal-miżuri meħuda mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta' din id-Deċiżjoni qabel l-annullament mill-Qorti huma miżmuma fis-seħħ;

(27) Billi din id-Deċiżjoni tistabbilixxi qafas finanzjarju li għandu jkun il-punt prinċipali ta' referenza, skond it-tifsira tal-punt 1 tad-Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tas-6 ta' Marzu 1995 [12], għall-awtorità ta' l-estimi għall-għanijiet tal-proċedura annwali ta' l-estimi;

IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni u għanijiet

1. Il-Komunità għandha taġixxi fil-kamp tan-networks telematiċi trans-Ewropej għall-amministrazzjonijiet u għandha tieħu l-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni bl-għanijiet li ġejjin:

(a) il-ksib ta' livell għoli ta' inetroperabilità, fi u bejn setturi amministrattivi differenti u, fejn xieraq, mas-settur privat, bejn in-networks telematiċi stabbiliti fl-Istati Membru u bejn il-Komunità u l-Istati Membri sabiex issostni l-istabbiliment ta' unjoni ekonomika u monetarja u sabiex timplimenta l-politika u l-attivitajiet tal-Komunità msemmija f'Artikoli 3 u 4 tat-Trattat waqt li jittieħed kont tax-xogħol li qiegħed isir fil-programmi eżistenti tal-Komunità jew l-Istati Membri;

(b) il-konverġenza ta' dawk in-networks lejn interface telematiku komuni bejn il-Komunità u l-Istati Membri;

(ċ) il-ksib ta' benefiċċji sostanzjali għall-amministrazzjonijiet ta' l-Istati Membru u l-Komunità, billi jiġu mħaffa l-operazzjonijiet, titnaqqas il-manutenzjoni, titħaffef l-implimentazzjoni ta' networks ġodda u t-tisħiħ, u jinkiseb skambju reċiproku ta' tagħrif kumplessivament ta' min jorbot fuqu u fiż-żgur, kif ukoll il-ksib ta' effiċjenza akbar fil-kost, responsività, flessibilità u adattabilità għall-bidla teknoloġika u evoluzzjoni tas-suq fl-istabbiliment u t-tħaddim ta' dawk in-networks;

(d) l-estensjoni tal-benefiċċji ta' dawk in-networks, kif imsemmi fil-paragrafu ta' qabel, għall-industrija tal-Komunità u ċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea;

(e) il-promozzjoni u l-firxa ta' l-aħjar prattika u l-inkoraġġiment ta' l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet telematiċi inovattivi fl-amministrazzjonijiet.

2. Din id-Deċiżjoni tagħmel parti mill-programm IDA.

Artikolu 2

Tifsiriet

Għall-għanijiet ta' din id-Deċiżjoni t-tifsiriet li ġejjin għandhom japplikaw:

(a) "network telematiku": sistema komprensiva ta' komunikazzjoni ta' tagħrif, li tikkomprendi mhux biss l-infrastruttura u l-konnessjonijiet fiżiċi, iżda wkoll is-saffi ta' servizz u applikazzjoni li huma sovrapposti għal din l-infrastruttura, biex b'hekk ikun possibbli l-iskambju reċiproku ta' informazzjoni elettronikament bejn l-organizzazzjonijiet u l-individwi;

(b) "network settorjali": network telematiku trans-Ewropew għall-amministrazzjonijiet jew sett ta' servizzi u applikjazzjonijiet, kommessi lejn l-implimentazzjoni jew is-sostenn amministrattiv ta' politika, attività jew għan partikolari wieħed tal-Komunità li hawnhekk iżjed l quddiem huwa msejjaħ "is-settur amministrattiv";

(ċ) "servizzi ġeneriċi": funzjonalitajiet ta' networks telematiċi li jissodisfaw il-ħtiġiet komuni ta' l-utenti, bħal ġbir ta' tagħrif, disseminazzjoni ta' tagħrif, skambju ta' tagħrif, u sigurtà. Il-karatteristiċi ta' kull servizz għandhom jiġu speċifikati b'mod ċar u jkunu assoċjati ma’ livell garantit ta' kwalità.

Artikolu 3

Azzjonijiet u miżuri orrizzontali

1. Sabiex jintlaħqu l-għanijiet stipulati f'Artikolu 1, il-Komunità għandha twettaq azzjonijiet u miżuri orizzontali, li għalihom jipprovdu Artikoli 4 sa 10, b'sostenn man-networks settorjali u skond il-programm ta' ħidma IDA.

2. Għal kull azzjoni jew miżura maħsuba taħt din id-Deċiżjoni, il-programm ta' ħidma IDA għandu jkun fih, fejn japplika:

- deskrizzjoni kompleta ta' l-azzjonijiet maħsuba, inklużi l-għanijiet, kamp ta' applikazzjoni, raġuni u benefiċjarji potenzjali, kif ukoll in-nefqa u l-benefiċċji previsti,

- deskrizzjoni kompleta tal-funzjonalitajiet u ta' l-approċċ tekniku;

- pjan dettaljat għall-implimentazzjoni tagħha, li tispeċifika l-kompiti individwali u s-sekwenza tagħhom.

3. L-implimentazzjoni ta' l-azzjonijiet u l-miżuri orizzontali għandhom jinkludu studji ta' fattibilità u dimostrazzjonijiet, l-istabbiliment ta' gruppi ta' ħidma ta' esperti mill-Istati Membri u l-Komunità, u l-akkwist ta' merkanzija u servizzi għall-Komunità, kif xieraq.

4. L-implimentazzjoni ta' l-azzjonijiet u miżuri orizzontali għandha tibni fuq ir-riżultati adatti miksuba minn attivitajiet oħra relevanti tal-Komunità, b'mod partikolari r-riċerka tal-Komunità u l-programmi ta' żvilupp teknoloġiku u l-attivitajiet tal-Komunità fil-qasam ta' networks ta' telekomunikazzjoni trans-Ewropej.

5. L-azzjonijiet u miżuri orizzontali għandhom jagħmlu referenza għall-istandards Ewropej jew speċifikazzjonijiet pubblikament disponibbli, bħal standards għal Internet miftuħ, kif jixraq, biex jiġi żgurat livell għoli ta' interoperabilità bejn is-sistemi nazzjonali u tal-Komunità fi ħdan u bejn is-setturi amministrattivi u mas-settur privat. Kont partikolari għandu jittieħed għall-linji gwida u l-għodda ta' sostenn fil-qasam ta' l-istandardizzazzjoni fl-akkwist pubbliku għal sistemi u servizzi ta' teknoloġiji ta' informazzjoni u komunikazzjoni (ICT).

Artikolu 4

Servizi ġeneriċi

1. Il-Komunità għandha taddotta l-miżuri kollha meħtieġa sabiex in-networks settorjali jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom fuq bażi kompetittiva f'ambjent ta' aktar minn bejjiegħ wieħed għażla addata ta' servizzi ġeneriċi komuni li jilħqu l-ħtiġiet ta' l-utenti settorjali. Dawn il-miżuri għandhom jinkludu il-kontinwazzjoni ta' miżuri adatti mwettqa taħt id-Deċiżjoni 95/468/KE kif jixraq.

2. Bil-għan li l-utenti tan-network settorjali jkunu jistgħu jidentifikaw il-ħtiġiet tekniċi tagħhom u li tkun disponibbli l-għażla adatta ta' servizzi ġeneriċi komuni li jissodisfaw il-ħtiġiet ta' l-utenti settorjali, il-Komunità għandha, b'mod partikolari:

(a) tiddefinixxi linji gwida għall-arkitettura għan-networks settorali ddisinjati biex jassiguraw l-interoperabilità bejn l-infrastrutturi fiżiċi u servizzi varji;

(b) tiddefinixxi u tippubblika l-ispeċifikazzjonijiet tas-servizzi ġeneriċi li huma komunement meħtieġa minn networks telematiċi bejn l-amministrazzjonijiet, inkluża l-kwalità ta' servizz u l-ħtiġiet relevanti ta' interoperabilità imposti minn ambjent ta' aktar minn bejjiegħ wieħed u kompetittiv;

(ċ) tidentifika u/jew tispeċifika interfaces standard xierqa biex tinkoraġġixxi l-portabilità u r-replikabilità ta' żviluppi ta' applikazzjoni;

(d) tiddefinixxi u timplimenta mekkaniżmu li permezz tiegħu il-livell ta' interoperabilità bejn is-servizzi offruti u l-fornituri ta' servizz telematiku jistgħu jiġu stmati u publikati;

(e) tassigura evoluzzjoni sostnuta ta' ħtiġiet komuni u sorveljar kontinwu tas-servizzi telematiċi offruti mill-imsemmija fornituri.

Artikolu 5

Għodod u teknika komuni

Il-Komunità għandha tassigura li l-għodda u t-teknika komuni għall-applikazzjonijiet ta' network settorjali jiġu miksuba mis-suq jew jiġu żviluppati jekk is-suq ma jkunx jista’ jsostni kif jixraq il-ħtieġa bil-għan li jitnaqqsu l-ispejjeż globali assoċjati ma’ l-iżvilupp ta' l-applikazzjoni, razzjonalizzar u titjib tas-soluzzjonijiet tekniċi, jitnaqqas iż-żmien meħtieġ għall-implimentazzjoni ta' sistemi operazzjonali, u tiġi ssimplifikata il-manutenzjoni tas-sistemi.

Għal dan il-għan il-Komunità għandha tidentifika u tispeċifika, fi ħdan in-networks settorjali, il-funzjonalitajiet fundamentali rikorrenti, li jistgħu jiffurmaw il-bażi ta' għodda u teknika jew moduli komuni.

Għandha wkoll tinkoraġġixxi l-iżvilupp u l-użu ta' dik l-għodda u teknika u moduli komuni min-networks settorjali; b'mod partikolari, l-firxa ta' soluzzjonijiet adatti li huma żviluppati fi ħdan network settorjali għandha tiġi assigurata.

Artikolu 6

Tagħrif ta' kontenut ta' interoperabilità

1. Il-Komunita għandha tinkoraġġixxi l-interoperabilità f'termini tal-kontenut ta' l-informazzjoni li tkun skambjata fi u bejn is-setturi amministrattivi u mas-settur privat. Għal dan il-għan, u bla ħsara għall-ħtiġiet legali, ta' sigurtà, ta' protezzjoni tat-tagħrif, u konfidenzjalità ta' l-utenti settorjali, il-Komunità għandha taddotta l-miżuri xierqa u, b'mod partikolari, dawn li ġejjin:

(a) sostenn għall-isforzi ta' l-amministrazzjonijiet ta' l-Istati Membri biex tiġi assigurata din l-interoperabilità, is-simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi u t-titjib tal-kurrent ta' l-informazzjoni;

(b) koordinazzjoni tal-ħtiġiet ta' networks settorjali għall-iskambju ta' informazzjoni fformattjata, u li tassigura tal-firxa ta' soluzzjonijiet adatti;

(ċ) is-sorveljar ta' l-iżviluppi teknoloġiċi adatti fil-qasam tal-komunikazzjoni elettronika tat-tagħrif, inkluż il-mekkaniżmi innovattivi ta' ġbir u presentazzjoni ta' tagħrif, investigazzjoni ta' l-impatt tagħhom u l-inkorraġġiment ta' l-adozzjoni tagħhom minn networks settorjali.

2. Għall-għanijiet tal-paragrafu 1, soluzzjonijiet li jiffaċilitaw interoperabilità bejn formati differenti ta' messaġġi għandhom jiġu preferiti għal, iżda ma jeskludux, l-iżvilupp ta' formati armoniżżati ta' messaġġi. Konsiderazzjoni debita għandha tingħata għad-diversità lingwistika fil-Komunità.

Soluzzjonijiet li jippermettu lis-settur privat li jintegra faċilment ħtiġiet amministrattivi fil-proċessi tal-kummerċ għandhom wkoll ikunu favoriti.

Artikolu 7

Prattiċi legali u ta' sigurtà ta' referenza

Mingħajr preġudizzju għall-kompetenza u l-obbligi speċifiċi ta' l-Istati Membri fl-oqsma koperti b'dan l-Artikolu, il-Komunità għandha tikkontribwixxi għall-identifikazzjoni ta' l-ostakoli li jfixklu l-iskambju bla xkiel ta' tagħrif bejn l-utenti tan-network u għandhom jassiguraw livell xieraq ta' sigurtà fin-networks settorjali. B'mod partikolari, l-Komunità għandha:

(a) tidentifika, b'kooperazzjoni ma’ l-Istati Membri, il-prattiċi legali u ta' sigurtà ta' referenza għall-iskambju reċiproku trans-Ewropew ta' tagħrif bejn amministrazzjonijiet u bejn amministrazzjonijiet u s-settur privat, biex jiġi faċilitat approċċ komuni;

(b) toħroġ rakkomandazzjonijiet xierqa biex issostni l-isforzi ta' l-Istati Membri biex tapplikaw dawn il-prattiċi msemmija fl-(a) fl-ambjenti amministrattivi proprji tagħhom;

(ċ) tassigura, fir-rigward tan--networks settorjali u skond il-prattiċi msemmija fl-(a): l-għarfien, fl-ambjent amministrattiv tal-Komunità, tal-valur evidenzjarju tat-tagħrif skambjat; l-istabbiliment ta' -metodoloġija għall-protezzjoni tat-tagħrif personali; id-definizzjoni tad-drittijiet u r-responsabbiltajiet ta' l-utenti; il-kunfidenzjalità l-integrità, l-awtentikazzjoni u n-non ripudazzjoni ta' l-informazzjoni skambjata, kif ukoll il-miżuri għall-aċċess ta' kontroll għan-networks;

(d) tidentifika u tanalizza l-livelli differenti tas-sigurtà skond in-natura u l-għan tar-networks settorjali;

(e) tifformula linji gwida u tipprovdi soluzzjonijiet komuni għall-għażla u l-implimentazzjoni ta' l-għodda, komponenti u sistemi li jassiguraw il-livelli identifikati ta' sigurtà.

Artikolu 8

Assigurazzjoni u kontroll ta' kwalità

Il-Kumunità, waqt li tieħu kont tar-riżultati ta' azzjonijiet simili, għandha tiddefinixxi, timplimenta, u taġġorna kontinwament programm speċifiku ta' kwalità, integrat u konsistenti, li għandu japplika għall-azzjonijiet u miżuri orizzontali taħt din id-Deċiżjoni u għall-proġetti ta' interess komuni taħt id-Deċiżjoni Nru 1719/1999/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 1999 dwar serje ta' linji gwida, inkluża l-identifikazzjoni ta' proġetti ta' interess komuni, għan-networks trans-Ewropej għall-iskambju reċiproku elettroniku ta' tagħrif bejn l-amministrazzjonijiet (IDA) [13]. Dak il-programm ta' kwalità għandu jinkludi l-azzjonijiet meħtieġa biex:

(a) itejjeb il-mod li bih il-ħtiġiet ta' l-utenti u l-ispeċifikazzjonijiet tal-proġett jiġu stabbiliti;

(b) itejjeb il-kwalità ta' tal-prodotti realizzati mill-proġett, kemm f'termini ta' konformità ma’ l-ispeċifikazzjonijiet tal-proġett u f'termini ta' sodisfazzjon għall-aspettazzjonijiet ta' l-utenti;

(ċ) jassigura li l-esperjenzi miksuba ikunu esperjenzi ta' tagħlim u jiġu disseminati permezz tal-firxa ta' l-aħjar prattika deskritta f'Artikolu 10.

Artikolu 9

Interoperabilità ma’ inizjattivi nazzjonali u reġjonali

Fl-implimentazzjoni tal-programm IDA, il-Komunità għandha tagħmel ħilitha, fejn xieraq, biex tiffaċilita l-interoperabilità u l-inkroċjar ma’ iniżjattivi nazzjonali u reġjonali simili li jirrelataw ma’ l-iskambju reċiproku ta' tagħrif bejn l-amministrazzjonijiet fi ħdan l-Istati Membri.

Artikolu 10

Firxa ta' l-aħjar prattika

1. Il-Komunità għandha tassigura l-koordinazzjoni u l-iskambju ta' idejat, għerf, u esperjenzi fi u bejn networks settorjali, biex tiġi nkoraġġita l-adozzjoni aktar wiesa’ ta' soluzzjonijiet tajbin u inovattivi.

2. Konsiderazzjoni debita għandha tingħata għad-diversità lingwistika fil-Komunità. Il-Komunità għandha tassigura konsapevolezza ġenerali tal-kisbiet u benefiċċji tal-programm IDA, id-disseminazzjoni tal-linji gwida u rakkomandazzjonijiet IDA, u l-koordinazzjoni tal-ħtiġiet u l-esperjenzi ta' l-utent ma’ korpi ta' standardizzizzjoni u l-iniżjattivi relatati ma’ l-istandardizzazzjoni tal-Komunità.

Artikolu 11

Implimentazzjoni

1. Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-azzjoni tal-Komunità stipulata f'Artikoli 3 sa 10.

2. Is-sezzjoni tal-programm ta' ħidma IDA li tikkonċerna l-implimentazzjoni ta'din id-Deċiżjoni, li l-Kummissjoni għandha tħejji għat-tul kollu tiegħu u li għandha tiġi riveduta ta' l-anqas darbtejn fis-sena, għandha tiġi approvata, bażata fuq il-konformità tagħha mad-dispożizzjonijiet relevanti ta' l-Artikoli 3 sa 10, skond il-proċedura stipulata f'Artikolu 12.

3. Ir-regoli u l-proċeduri komuni biex isseħħ l-interoperabilità teknika u amministrattiva għandha tiġi adottata skond il-proċedura stipulata f'Artikolu 12.

4. Il-proċedura stipulata f'Artikolu 12 għandha tapplika wkoll fir-rigward ta' l-approvazzjoni tat-tqassim tan-nefqa ta' l-estimi ta' kull sena taħt din id-Deċiżjoni. Proposti għall-bidliet fl-estimi ta' aktar minn EUR 250000 għal kull linja ta' proġett f'sena għandhom ikunu suġġetti wkoll għal din il-proċedura.

5. L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tas-sejħiet għall-offerti li għandhom jinħarġu fl-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandhom, għal valuri ta' kuntratti f'eċċess ta' EUR 500000, ikunu definiti b’koordinazzjoni ma’ l-Istati Membri.

Artikolu 12

Proċeduri ta' Kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat kompost mir-rappresentanti ta' l-Istati Membri u presedut minn rappresentant tal-Kummissjoni. Dan il-kumitat għandu jissejjaħ il-Kumitat dwar it-Telematika bejn l-Amministrazzjonijiet (TAC)

Ir-rappresentant tal-Kummissjoni għandu jibgħat lill-kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz f'limitu ta' żmien li l-President jista’ jiffissa skond l-urġenza tal-każ. L-opinjoni għandha tingħata mill-maġġoranza kif stipulata f'Artikolu 205(2) tat-Trattat fil-każ ta' deċiżjonijiet li l-Kunsill huwa meħtieġ li jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappesentanti ta' l-Istati Membri fi ħdan il-Kumitat għandhom ikunu peżati bil-mod stipulat f'dak l-Artikolu. Il-President m'għandux jivvota.

Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri li għandhom japplikaw minnufih. Iżda, jekk dawn il-miżuri ma jkunux skond l-opinjoni tal-kumitat, għandhom jiġu komunikati lill-Kummissjoni u lill-Kunsill minnufih. F'dak il-każ:

il-Kummissjoni għandha tiddefferixxi l-applikazzjoni tal-miżuri li tkun iddeċidiet għall-perjodu ta' tliet xhur mid-data tal-komunikazzjoni;

il-Kunsill, waqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jista’ jieħu deċiżjoni differenti fil-limitu ta' żmien riferit fis-subparagrafu ta' qabel.

2. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta kull sena lit-TAC dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 13

Evalwazzjoni

1. Il-Kummissjoni għandha, b'koordinazzjoni ma’ l-Istati Membri, twettaq evalwazzjoni ta' l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni f'intervalli ta' sentejn.

2. Din l-evalwazzjoni għandha tistabbilixxi l-progress u l-istatus kurrenti ta' l-azzjonijiet u miżuri orizzontali li għalihom tipprovdi din id-Deċiżjoni.

Għandha teżamina wkoll, fid-dawl tan-nefqa magħmula mill-Komunità, il-benefiċċji miksuba minn dawn l-azzjonijiet u miżuri orizzontali mill-Komunità, l-Istati Membri, l-industrija tal-Komunità u ċ-ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea, u tidentifika l-oqsma ta' titjib potenzjali u tivverifika s-sinerġija ma’ l-attivitajiet l-oħra tal-Komunità fil-qasam tan-networks ta' telekomunikazzjoni trans-Ewropej.

3. Il-Kummissjoni għandha tibgħat l-evalwazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, malli t-TAC ikun eżaminha. Il-Kummissjoni għandha tibgħat ukoll kull proposta adatta għall-emenda ta' din id-Deċiżjoni. L-evalwazzjoni għandha tintbagħat mhux aktar tard mill-abbozz ta' l-estimi għas-snin 2001, 2003 u 2005 rispettivament.

Artikolu 14

Estensjoni għaż-ŻEE u pajjiżi assoċjati

1. Il-programm IDA jista’ jinfetaħ, fil-qafas tal-ftehim rispettivi mal-Komunità Ewropea, għall-parteċipazzjoni minn pajjizi taż-Żona Ekonomika Ewropea u l-pajjizi assoċjati tal-Ewropa ċentrali u tal-lvant u Ċipru fl-azzjonijiet u miżuri orizzontali taħt din id-Deċiżjoni.

2. Fil-kors ta' l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, kooperazzjoni ma’ pajjiżi mhux membri u ma organizzazzjonijiet jew korpi internazzjonali, kif xieraq, għandha tiġi nkoraġġita.

Artikolu 15

Qafas Finanzjarju

Il-qafas finanzjarju għall-azzjoni tal-Komunità taħt din id-Deċiżjoni għall-perijodu 1998-2000 għandu jkun ta' EUR 33,1 miljun.

L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-awtorità ta' l-estimi fil-limitu tal-perspettiva finanzjarja.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppublikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha u għandha tapplika sal-31 ta' Diċembru 2004.

Magħmula fi Brussel, fit-12 ta' Lulju 1999.

Għall-Parlament Ewropew

Il-Presiden

J. M. Gil-robles

Għall-Kunsill

Il-President

S. Niinistö

[1] ĠU Ċ 54, tal- 21.2.1998, p. 12 u ĠU Ċ 10, ta' l- 14.1.1999, p. 8

[2] ĠU Ċ 214, ta' l- 10.7.1998, p. 33.

[3] ĠU Ċ 251, ta' l- 10.8.1998, p. 1.

[4] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Novembru 1998 (ĠU Ċ 379, tas- 7.12.1998, p. 74), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tal-21 ta' Diċembru 1998 (ĠU Ċ 55, tal- 25.2.1999, p. 15) u Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' April 1999 (ĠU Ċ 219, tat- 30.7.1999). Deċizjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Ġunju 1999.

[5] ĠU Ċ 181, tat- 2.7.1994, p. 1.

[6] ĠU Ċ 376, tat- 12.12.1996, p. 1.

[7] ĠU Ċ 200, tat- 30.6.1997, p. 196.

[8] ĠU L 282, ta' l-24.11.1995, p. 16.

[9] ĠU L 183, 11.7.97, p. 12.

[10] ĠU L 93, tas-26.4.1995, p. 27.

[11] ĠU L 269, tal-11.11.1995, p. 23.

[12] ĠU Ċ 102, ta' l- 4.4.1996, p. 4.

[13] Ara l-ewwel paġna ta' dan il-Ġural Uffiċjali.

--------------------------------------------------