31999D0800



Official Journal L 322 , 14/12/1999 P. 0001 - 0017


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tat-22 ta' Ottubru 1999

dwar il-konklużjoni tal-Protokoll li jikkonċerna żoni protetti b'mod speċjali u d-diversità bijoloġika fil-Mediterran, u dwar l-aċċettazzjoni ta' l-annessi ta' dak il-Protokoll (Konvenzjoni ta' Barċellona)

(1999/800/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkonsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u b'mod partikolari l-Artikolu 175(1) tiegħu, flimkien ma' l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 300(2) u l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300(3) tiegħu,

Wara li kkonsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkonsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Billi:

(1) Il-Komunità hi Parti Kontraenti fil-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-Baħar Mediterran kontra Inkwinament [2], minn hawn 'il quddiem magħrufa bħala l-"Konvenzjoni ta' Barċellona", u kkonkludiet ukoll erbgħa mill-Protokolli adottati fil-qafas tal-Konvenzjoni ta' Barċellona, jiġifieri, il-Protokoll għall-prevenzjoni tat-tniġġis permezz ta' rimi minn vapuri u ajruplani [3], il-Protokoll dwar kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-tniġġis b'żejt u sustanzi dannużi oħrajn [4], il-Protokoll għall-protezzjoni kontra t-tniġġis minn sorsi li jkunu bbażati fuq l-art [5] u l-Protokoll dwar żoni li jkunu protetti b'mod speċjali [6];

(2) Il-Kummissjoni, f'isem il-Komunità u fi ħdan il-grupp ta' xogħol stabbilit mill-Partijiet Kontraenti fil-Konvenzjoni ta' Barċellona, ħadet parti fin-negozjati dwar il-Protokoll dwar żoni li huma protetti b'mod speċjali u d-diversità bijoloġika fil-Mediterran u mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu, il-Protokoll il-ġdid, bis-saħħa ta' l-Artikolu 32 tiegħu, għandu jbiddel l-ewwel verżjoni tal-Protokoll dwar żoni protetti b'mod speċjali fil-Mediterran;

(3) F'Barċellona fl-10 ta' Ġunju 1995 il-Komunità ffirmat il-Protokoll il-ġdid dwar żoni protetti b'mod speċjali u d-diversità bijoloġika fil-Mediterran, minn hawn 'il quddiem magħruf bħala "il-Protokoll";

(4) B'żieda mad-disposizzjonijiet dwar il-konservazzjoni ta' siti ta' importanza Mediterranja, il-verżjoni l-ġdida tal-Protokoll tipprovdi għal ġbir ta' listi ta' speċi li huma fil-periklu jew mhedda u speċi li l-esplojtazzjoni tagħhom hi regolata (annessi tal-Protokoll);

(5) L-Att Finali tal-Konferenza tal-Plenipotenzarji (Barċellona, 9 u 10 ta' Ġunju 1995), li fiha kien adottat u ffirmat il-Protokoll, jipprovdi għall-annessi tal-Protokoll li jkunu adottati f'laqgħa futura tal-Plenipotenzarji;

(6) L-annessi kienu adottati fil-Konferenza tal-Plenipotenzarji li saret f'Monako fl-24 ta' Novembru 1996 u preċeduta b'laqgħa ta' esperti fit-23 ta' Novembru 1996; l-annessi kienu miftuħa għall-firem matul il-Konferenza; il-Kummissjoni ma kellha l-ebda mandat li tirrapreżenta lill-Komunità;

(7) L-Istati Membri tal-Mediterran, bħala Partijiet Kontraenti fil-Konvenzjoni ta' Barċellona u l-Protokolli tagħha, kienu preżenti fil-Konferenza tal-Plenipotenzarji u ffirmaw l-annessi; fl-att finali tal-Konferenza, iżda, dawn iddikjaraw li, fejn l-annessi koprew l-oqsma tal-kompetenzi tal-Komunità, dawn għandhom jieħdu kull azzjoni meħtieġa sakemm il-Komunità kienet firmatarja ta' l-annessi;

(8) Taħt l-Artikolu 174 tat-Trattat, il-politika tal-Komunità dwar l-ambjent tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-għanijiet li jinkludu l-ippreservar, il-protezzjoni u t-titjib tal-kwalità ta' l-ambjent u tippromwovi miżuri f'livell internazzjonali biex titratta problemi ambjentali reġjonali jew dinjija;

(9) Il-Protokoll u l-annessi tiegħu ikopru żoni li jaqgħu fil-kompetenzi ambjentali tal-Komunità (id-Direttiva 79/409/KEE dwar il-konservazzjoni ta' għasafar salvaġġi [7], id-Direttiva 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni ta' l-ambjenti naturali u fawna u flora salvaġġi [8] u jitrattaw dwar speċi li l-esplojtazzjoni tagħhom hi regolata taħt il-politika komuni tas-sajd (CFP); il-Komunità qed tieħu passi f'dan il-kuntest biex tassigura li l-konklużjoni ta' dawn il-ftehimiet internazzjonali la tmur kontra, u lanqas tbiddel l-għan tal-liġi preżenti tal-Komunità,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

1. Il-Protokoll dwar żoni protetti b'mod speċjali u d-diversità bijoloġika fil-Mediterran u l-annessi tiegħu huma b'dan approvati f'isem il-Komunità.

2. It-test ta' l-imsemmi Protokoll u l-annessi tiegħu huma mehmuża ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

1. Il-President tal-Kunsill għandu jiddeposita mad-depositarju, f'isem il-Komunità u skond l-Artikolu 30 tal-Protokoll dwar żoni protetti b'mod speċjali u d-diversità bijoloġika fil-Mediterran, l-istrument li jikkonkludi dak il-Protokoll [9].

2. Il-President tal-Kunsill għandu jinnotifika, f'isem il-Komunità, l-aċċettazzjoni tal-annessi tal-Protokoll dwar żoni protetti b'mod speċjali u d-diversità bijoloġika fil-Mediterran, skond l-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Baħar tal-Mediterran kontra t-tniġġis [10]. L-aċċettazzjoni tal-Komunità għandha tkun akkumpanjata bid-dikjarazzjoni li ġejja: "Il-Komunità għandha tgħin fl-implimentazzjoni tad-disposizzjonijiet stabbiliti fl-annessi bil-ħolqien tan-Natura 2000 network".

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Din għandha tibda tgħodd mill-jum ta' l-adozzjoni tagħha.

Magħmula ġewwa l-Lussemburgu, fit-22 ta' Ottubru 1999.

Għall-Kunsill

Il-President

S. Mönkäre

[1] ĠU C 219, tat-30.7.1999, p. 186.

[2] Id-Deċiżjoni 77/585/KEE, ĠU L 240, tad-19.9.1977, p. 1.

[3] Id-Deċiżjoni 77/585/KEE, ĠU L 240, tad-19.9.1977, p. 1.

[4] Id-Deċiżjoni 81/420/KEE, ĠU L 162, tad-19.6.1981, p. 4.

[5] Id-Deċiżjoni 83/101/KEE ĠU L 67, tat-12.3.1983, p. 1.

[6] Id-Deċiżjoni 84/132/KEE ĠU L 68, ta' l-10.3.1984, p. 36.

[7] ĠU L 103, tal-25.4.1979, p. 1. Direttiva skond kif emendata permezz tad-Direttiva 97/49/KE (ĠU L 223, tat-13.8.1997, p. 9).

[8] ĠU L 206, tat-22.7.1992, p. 7. Direttiva skond kif emendata l-aħħar permezz tad-Direttiva 97/62/KE (ĠU L 305, tat-8.11.1997, p. 42).

[9] Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll dwar iż-żoni protetti b'mod speċjali u d-diversità bijoloġika fil-Mediterran għandha tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea.

[10] Id-data tad-dħul fis-seħħ ta' l-annessi tal-Protokoll dwar żoni protetti b'mod speċjali u d-diversità bijoloġika fil-Mediterran għandha tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea.

--------------------------------------------------