31999D0500



Official Journal L 194 , 27/07/1999 P. 0047 - 0048


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

ta' l-1 ta' Lulju 1999,

li tistabbilixxi l-allokazzjoni ndikattiva skond l-Istat Membru ta' l-approprjazzjonijiet għall- impenji taħt l-istrument finanzjarju għall-gwida tas-sajd (FIFG) barra r-reġjuni taħt Objettiv Nru 1 tal-Fondi Strutturali għall-perjodu mis-sena 2000 sas-sena 2006

(notifikata taħt dokument numru C(1999) 1760)

(1999/500/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 tal-21 ta' Ġunju 1999 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali [1], u b'mod partikolari r-raba’ subparagrafu ta' l-Artikolu 7(3) tiegħu,

(1) Billi l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999 jiddikjara li l-FIFG għandha tikkontribwixxi għall-azzjonijiet strutturali fis-settur tas-sajd barra r-reġjuni ta' Objettiv 1.

(2) Billi l-paragrafu 40 tal-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Berlin ta' l-24 u l-25 ta' Marzu 1999 stabbilixxa l-ammont relatat ma’ l-azzjonijiet konċernati għall-perjodu 2000 sa 2006.

(3) Billi r-raba’ subparagrafu ta' l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999 jistipula li l-Kummissjoni għandha tuża proċeduri trasparenti sabiex tagħmel analiżi indikattiva skond l-Istat Membru, ta' l-approprjazzjonijiet ta' impenn disponibbli għall-azzjonijiet konċernati; billi l-Kummissjoni indikat il-metodu wżat għal dan il-għan f'nota ppreżentata lil Coreper nhar it-18 ta' Marzu 1999 [2].

(4) Billi l-approprjazzjonijiet għandhom jiġu analizzati skond dan il-metodu,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-ammonti indikattivi għal kull Stat Membru ta' approprjazzjonijiet ta' impenn taħt l-istrument finanzjarju għall-gwida tas-sajd barra r-reġjuni ta' l-Objettiv 1 għall-perjodu 2000 sa 2006 għandhom ikunu kif stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fl-1 ta' Lulju 1999.

Għall-Kummissjoni

Emma Bonino

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 161, tas-26.6.1999, p. 1.

[2] "nota teknika mill-Kummissjoni dwar il-krediti ta' l-FIFG" (nota lid-Delegazzjonijiet, SN 1122/99 tat-18 ta' Marzu 1999).

--------------------------------------------------

ANNESS

Allokazzjoni indikattiva skond l-Istat Membru ta' l-approprjazzjonijiet ta' impenn taħt l-istrumenti finanzjarji għall-gwida tas-sajd barra r-reġjuni ta' Objettiv 1 tal-Fondi Strutturali għall-perjodu 2000 sa 2006

(EUR miljuni (prezzijiet ta' l-1999)) |

Stati Membri | Ammont ta' approprjazzjonijiet |

Il-Belġju | 34 |

Id-Danimarka | 197 |

Il-Ġermanja | 107 |

Il-Greċja | — |

Spanja | 200 |

Franza | 225 |

L-Irlanda | — |

L-Italja | 96 |

Il-Lussemburgu | — |

L-Olanda | 31 |

L-Awstrija | 4 |

Il-Portugall | — |

Il-Finlandja | 31 |

L-Isvezja | 60 |

Ir-Renju Unit | 121 |

Total | 1106 |

--------------------------------------------------