31999D0311



Official Journal L 120 , 08/05/1999 P. 0030 - 0036


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tad-29 ta' April 1999

li jadotta t-tielet fażi ta' l-iskema ta' koperazzjoni trans-Ewropea għall-edukazzjoni ogħla (Tempus III) (2000-2006)

(1999/311/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 235 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [4],

(1) Billi l-laqgħa tal-Kunsill Ewropew fi Strasbourg fit-8 u fid-9 ta' Diċembru 1989 sejjħet lill-Kunsill biex jadotta, abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni, miżuri mmirati biex pajjiżi ta' l-Ewropa ċentrali u tal-lvant ikunu jistgħu jipparteċipaw fi programmi fl-oqsma ta' l-edukazzjoni u/jew taħriġ simili għall-programmi komunitarji eżistenti;

(2) Billi fit-18 ta' Diċembru 1989 il-Kunsill adotta r-Regolament (KEE) Nru 3906/89 dwar għajnuna ekonomika lir-Repubblika ta' l-Ungerija u r-Repubblika tal-Poplu tal-Polonja [5] (programm Phare), li jipprovdi għajnuna għall-proċess ta' riforma ekonimika u soċjali f'pajjiżi ta' l-Ewropa ċentrali u tal-lvant f'oqsma li jinkludu t-taħriġ; fil-25 ta' Ġunju 1996 il-Kunsill adotta r-Regolament (Euratom, KE) Nru 1279/96 dwar l-għoti ta' assistenza għar-riforma ekonomika u għall-irpiljar ta' l-Istati indipendenti ġodda u l-Mongolja [6] (programm Tacis);

(3) Billi fid-29 ta' April 1993 bid-Deċiżjoni 93/246/KEE il-Kunsill adotta t-tieni fażi ta' l-iskema ta' koperazzjoni trans-Ewropea għall-edukazzjoni ogħla (Tempus II) għal perijodu ta' erba' snin mill-1 ta' Lulju 1994 [7]; dik id-Deċiżjoni ġiet emendata fil-21 ta' Novembru 1996 bid-Deċiżjoni 96/663/KE [8] biex iż-żmien ta' dan il-programm jiġi estiż għal sitt snin (1994-2000);

(4) Billi l-pajjiżi ta' l-Ewropa ċentrali u tal-lvant, l-Istati indipendenti ġodda ta' l-ex Unjoni Sovjetika u l-Mongolja, li huma benefiċjari tal-programmi Phare u Tacis, jikkunsidraw li l-edukazzjoni ogħla u t-taħriġ huma oqsma prinċipali għall-proċess ta' riforma ekonomika u soċjali;

(5) Billi l-koperazzjoni fl-edukazzjoni ogħla ssaħħaħ u tkabbar l-istruttura kollha tar-relazzjonijiet li jeżistu bejn il-popli ta' l-Ewropa, tesponi valuri kulturali komuni, tippermetti l-iskambju produttiv ta' ideat u tiffaċilita attivitajiet multinazzjonali f'oqsma xjentifiċi, kulturali, artistiċi, ekonomiċi u soċjali;

(6) Billi l-istawrar reċenti ta' Tempus fil-pajjiżi mhux assoċjati ta' l-Ewropa ċentrali u tal-lvant, fl-Istati indipendenti ġodda ta' l-ex Unjoni Sovjetika u fil-Mongolja, li għandhom akbar bżonnijiet u li jinfirxu f'meded akbar, jiġġustifika kompletament il-kontinwazzjoni tal-miżuri meħuda;

(7) Billi Tempus jista' jagħti kontribuzzjoni effettiva għall-iżvilupp strutturali ta' edukazzjoni oġħla inkluż it-titjib ta' riżorsi umani u kapaċitajiet fuq ix-xogħol adattat għar-riforma ekonomika u billi ma hemm ebda strument ieħor biex titlaħaq din il-mira;

(8) Billi Tempus jista' ukoll jagħti kontribuzzjoni effettiva, permezz ta' universitajiet u persunal ta' l-universitajiet, għall-iżvilupp ta' l-amministrazzjoni pubblika u strutturi edukattivi fil-pajjiżi eliġibbli;

(9) Billi Tempus jista' jikkontribwixxi għar-restawrazzjoni tal-koperazzjoni, interrotta bl-eventi reċenti, bejn reġjuni ġirien tal-Komunità u billi din il-koperazzjoni tikkostitwixxi fattur ta' paċi u stabbilità fl-Ewropa;

(10) Billi l-pajjiżi assoċjati fil-fażi ta' qabel l-adeżjoni li ħadu sehem f'Tempus I u f'Tempus II jistgħu issa, grazzi għall-esperjenza li akkwistaw, jagħtu kontribuzzjoni siewja flimkien ma' l-Istati Membri fl-assistenza lil pajjiżi mseħbin li daħlu fil-programm fi stadju aktar tard biex dawn jirristrutturaw is-sistemi ta' edukazzjoni ogħla tagħhom;

(11) Billi l-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni 93/246/KEE jistipula li l-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni ta' l-implimentazzjoni tal-programm Tempus u tissottometti, mhux aktar tard mit-30 ta' April 1998, proposta għat-tkabbir jew għall-aġġustament tal-programm għall-perijodu li jibda fl-1 ta' Lulju 2000;

(12) Billi l-awtoritajiet kompetenti fil-pajjiżi ta' l-Ewropa ċentrali u tal-lvant, l-Istati indipendenti ġodda ta' l-ex Unjoni Sovjetika u l-Mongolja, l-utenti tal-programm, l-istrutturi responsabbli għall-organizzazzjoni tiegħu fil-pajjiżi eliġibbli u fil-Komunità Ewropea, u l-esperti u r-rappreżentanti kwalifikati li jirriflettu l-fehmiet tad-dinja universitarja fl-Ewropa, jaqblu dwar ir-riżultati tar-rapport ta' valutazzjoni li jikkonferma l-kapaċità ta' Tempus li jagħti kontribuzzjoni effettiva fil-pajjiżi eliġibbli għad-diversifikazzjoni fl-opportunitajiet fil-qasam ta' l-edukazzjoni u għall-koperazzjoni bejn universitajiet, biex b'kekk iwittu t-triq għall-iżvilupp tal-koperazzjoni xjentifika, kulturali u ekonomika;

(13) Billi għandha tingħata l-opportunità biex tinħoloq koordinazzjoni effettiva bejn il-programm Tempus III u programmi jew attivitajiet oħra tal-Komunità b'dimensjoni li għandha x'taqsam ma' l-edukazzjoni u/jew taħriġ, biex b'hekk jiġu stimolati s-sinerġiji u jiżdied il-valur miżjud ta' kull waħda mill-attivitajiet tasl-Komunità;

(14) Billi t-Trattat ma jipprovdix, għall-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, setgħat oħra ħlief dawk ta' l-Artikolu 235; billi l-kondizzjonijiet biex jiġi ċitat dak l-Artikolu ġew osservati,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Kemm idum Tempus III

It-tielet fażi ta' l-iskema tal-koperazzjoni trans-Ewropea għal edukazzjoni ogħla (hawn iżjed 'il quddiem msejħa "Tempus III") hi b'dan adottata għal perijodu ta' sitt snin mill-1 ta' Lulju 2000.

Artikolu 2

Pajjiżi eliġibbli

Tempus III jirrigwarda dawk il-pajjiżi mhux assoċjati ta' l-Ewropa ċentrali u tal-lvant li huma eliġibbli għal għajnuna ekonomika bis-saħħa tar-Regolament (KEE) Nru 3906/89 (programm Phare) [9], u l-Istati indipendenti ġodda ta' l-ex Unjoni Sovjetika u l-Mogolja msemmija fir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1279/96 (programm Tacis), sakemm dawn il-programmi ta' assistenza jiġu mtawwla għall-perijodu msemmi. Dawn il-pajjiżi huma minn hawn "il quddiem imsejħa" pajjiżi eliġibbli.

Abbażi ta' valutazzjoni tas-sitwazzjoni speċifika f'kull pajjiż, il-Kummissjoni, skond il-proċeduri preskritti fir-Regolamenti msemmija, għandha taqbel mal-pajjiżi eliġibbli interessati jekk għandhomx jipparteċipaw f'Tempus III, u x-xorta u l-kondizzjonijiet tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-ippjanar nazzjonali ta' assistenza komunitarja għal riforma soċjali u ekonomika.

Artikolu 3

Involviment ta' pajjiżi assoċjati

Azzjonijiet taħt Tempus III huma miftuħa ukoll għall-pajjiżi assoċjati ta' l-Ewropa ċentrali u tal-lvant sabiex dak li jkun ġie milħuq permezz ta' Tempus jista' jitqassam lill-pajjiżi ġirien u sabiex tiġi żviluppata koperazzjoni reġjonali u transfruntieri. Waqt li għandhom jitqiesu r-regoli u r-regolamenti finanzjarji rispettivi, għandha tkun inkoraġġita l-koperazzjoni bejn il-proġetti Tempus u Erasmus.

Artikolu 4

Tifsiriet

Għall-għanijiet ta' Tempus III:

(a) il-kelma "università" għandha tintuża biex tkopri kull tip ta' stabbiliment ta' edukazzjoni post sekondarja u ta' taħriġ vokazzjonali li joffru, fil-qafas ta' edukazzjoni u taħriġ avvanzati, kwalifiki jew diplomi ta' dak il-livell, ikun x'ikun l-isem ta' dawk l-istabbilimenti;

(b) il-kliem "industrija" u "kumpannija" jintużaw biex ikopru kull tip ta' attività ekonomika, irrispettivament mill-i status legali, organizzazzjonijiet tan-negozju awtonomi, kmamar tal-kummerċ u l-industrija u/jew l-ekwivalenti tagħhom, assoċjazzjonijiet ta' professjonisti, u l-korpi ta' taħriġ ta' l-istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet fuq imsemmija;

(ċ) il-kelma "istituzzjoni" tintuża biex tkopri awtoritajiet lokali u pubbliċi, u l-imsieħba soċjali u l-korpi ta' taħriġ tagħhom.

Kull Stat Membru jew pajjiż eliġibbli jista' jiddeċiedi liema tipi ta' stabbiliment imsemmi fil-punt (a) jista' jipparteċipa f'Tempus III.

Artikolu 5

Għanijiet

L-għan ta' Tempus III hu li jippromwovi, skond il-linji gwida u l-miri ġenerali tal-programmi Phare u Tacis għal riforma ekonomika u soċjali, l-Iżvilupp tas-sistemi ta' edukazzjoni ogħla fil-pajjiżi eliġibbli permezz ta' l-aktar koperazzjoni bilanċjata possibbli ma' l-imsieħba mill-Istati Membri tal-Komunità.

Aktar speċifikatament, Tempus III hu maħsub biex jiffaċilita l-adattament ta' edukazzjoni ogħla għall-ħtiġiet ġodda soċjo ekonomiċi u kulturali tal-pajjiżi eliġibbli billi iqis:

(a) materji li għandhom x'jaqsmu ma' l-iżvilupp u t-tfassil mill-ġdid ta' kurrikuli fl-oqsma ta' prijorità;

(b) ir-riforma ta' strutturi u stabbilimenti ta' edukazzjoni ogħla u t-tmexxija tagħhom;

(ċ) l-iżvilupp ta' taħriġ li jwassal għall-kwalifiki, bil-ħsieb li jagħmel tajjeb għan-nuqqas ta' kapaċitajiet ta' livell għoli li huma meħtieġa fil-kuntest ta' riforma ekonomika, b'mod partikolari billi tissaħħaħ u titkattar l-għaqda ma' l-industrija;

(d) il-kontribuzzjoni ta' edukazzjoni ogħla u taħriġ lejn iċ-ċittadinanza u biex tissaħħaħ id-demokrazija.

Il-Kummissjoni għandha, waqt li tkun issegwi l-miri ta' Tempus III, tipprova tosserva mill-qrib il-politika ġenerali komunitarja dwar opportunitajiet ugwali għal irġiel u nisa. Il-Kummissjoni għandha ukoll tipprova tiżgura li l-ebda grupp ta' ċittadini ma jiġi eskluż jew żvantaġġat.

Artikolu 6

Djalogu ma' pajjiżi eliġibbli

Bi qbil ma' l-awtoritajiet kompetenti f'kull pajjiż, il-Kummissjoni għandha tiddefenixxi l-prijoritajiet dettaljati u l-miri għar-rwol ta' Tempus III fl-istrateġija nazzjonali għar-riforma ekonomika u soċjali, fuq il-bażi tal-miri tal-programm u b'mod partikolari skond:

(a) (i) il-miri ġenerali tal-programm Phare;

(ii) il-miri ġenerali tal-programm Tacis, b'referenza partikolari għall-aspetti tiegħu settorali;

(b) il-politika ta' kull pajjiż eliġibbli dwar ir-riformi ekonomiċi, soċjali u fl-edukazzjoni;

(ċ) il-bżonn li jinstab bilanċ xieraq bejn l-oqsma ta' prijorità magħżula u r-riżorsi allokati lil Tempus III.

Artikolu 7

Il-Kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha timplementa il-programm Tempus III skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Anness, abbażi ta' linji gwida dettaljati li għandhom jiġu adottati kull sena u billi ssegwi l-miri dettaljati u l-prijoritajiet li jkun hemm qbil dwarhom ma' l-awtoritajiet kompetenti f'kull pajjiż eliġibbli, kif prevvist fl-Artikolu 6.

2. Fit-twettiq ta' dik il-ħidma, il-Kummissjoni tkun assistita minn kumitat magħmul minn żewġ rappreżentanti minn kull Stat Membru u presjedut mir-rappreżentant tal-Kummissjoni. 'Il-membri tal-kumitat jistgħu jkunu assistiti minn esperti u konsulenti.

Il-kumitat għandu, b'mod partikolari, jassisti lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni ta' l-iskema, billi jitqiesu l-miri stabbiliti fl-Artikolu 5, u għandu jikkoordina ix-xogħol tiegħu ma' dak ta' kumitati oħra dwar il-programm stabbiliti fil-qasam ta' l-edukazzjoni (Socrates) u t-taħriġ (Leonardo).

3. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-Kumitat abbozzi ta' miżuri li għandhom x'jaqsmu ma':

(a) il-linji gwida ġenerali li jirregolaw Tempus III;

(b) il-proċeduri dwar l-għażla u l-linji gwida ġenerali għall-assistenza komunitarja (ammonti, kemm iddum u benefiċjarji);

(ċ) kwistjonijiet li jirrigwardaw il-bilanċ kollu ta' Tempus III, inkluża l-ispartizzjoni bejn il-varji azzjonijiet;

(d) il-prijoritajiet dettaljati u l-miri li għandu jintlaħaq qbil dwarhom ma' l-awtoritajiet kompetenti f'kull pajjiż eliġibbli;

(e) l-arranġamenti għall-verifika u l-valutazzjoni ta' Tempus III.

4. Il-kumitat għandu jfisser l-opinjoni tiegħu dwar dawn il-miżuri abbozzati sa limitu ta' żmien li l-president jista' jippreskrivi skond l-urġenza tal-kwistjoni. L-opinjoni għandha tingħata bil-maġġoranza stipulata fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ ta' deċiżjonijiet li l-Kunsill huwa meħtieġ li jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri fil-kumitat għandhom ikunu peżati bil-mod spjegat f'dak l-Artikolu. Il-president ma jivvutax.

Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri li għandhom japplikaw minnufih. Iżda, jekk dawn il-miżuri m'humiex skond l-opinjoni tal-kumitat, għandhom jiġu kkommunikati mill-Kummissjoni lill-Kunsill minnufih.

F'dak il-każ il-Kummissjoni tista' tipposponi l-applikazzjoni tal-miżuri li tkun ħadet deċiżjoni dwarhom għal perijodu ta' xahar.

Il-Kunsill, b'maġġoranza kwalifikata, jista' jieħu deċiżjoni differenti fil-limitu ta' żmien imsemmi fis-subparagrafu ta' qabel dan.

5. B'żieda ma' dan, il-Kummissjoni tista' tikkonsulta mal-kumitat dwar kull ħaġa oħra li għandha x'taqsam ma' l-implimentazzjoni ta' Tempus III, inkluż ir-rapport.

Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-kumitat abbozz tal-miżuri li jkunu ser jittieħdu. Il-kumitat għandu jfisser l-opinjoni tiegħu dwar dan l-abbozz, f'limitu ta' żmien li l-president jista' jippreskrivi skond l-urġenza tal-kwistjoni, jekk neċessarju bit-teħid ta' vot.

L-opinjoni għandha tiġi reġistrata fil-minuti; barra minn hekk, kull Stat Membru jkollu l-jedd illi jitlob li l-pożizzjoni tiegħu tkun imniżżla fil-minuti.

Il-Kummissjoni għandha tqis bl-akbar attenzjoni l-opinjoni mogħtija mill-kumitat. Għandha tinforma lill-kumitat dwar kif l-opinjoni tiegħu tkun ġiet meqjusa.

Artikolu 8

Kooperazzjoni mal-korpi kompetenti

1. Il-Kummissjoni għandha tikkoopera ma' l-aġenziji ta' kull wieħed mill-pajjiżi eliġibbli magħżula u li jkunu ġew stabbiliti biex jikkoordinaw ir-relazzjonijiet u l-istrutturi meħtieġa biex jiġi implimentat Tempus III, inkluża l-allokazzjoni ta' fondi ssinjalati mill-pajjiżi eliġibbli infushom.

2. B'żieda ma' dan, għall-implimentazzjoni ta' Tempus III, il-Kummissjoni għandha tikkoopera fil-viċin ma' l-istrutturi nazzjonali kompetenti magħżula mill-Istati Membri. Għandha tqis kif xieraq, meta jkun possibbli, l-miżuri bilaterali meħuda f'dan il-kuntest mill-Istati Membri.

Artikolu 9

Għaqda ma' azzjonijiet oħra komunitarji

B'osservanza tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 7(3) ta' din id-Deċiżjoni u, jekk applikabbli, il-proċedura mfissra fl-Artikolu 9 tar-Regolament (KEE) Nru 3906/89 u fl-Artikolu 8 tar-Regolament (Euratom, KE) Nru 1279/96, fil-limiti stabbiliti mid-deċiżjonijiet annwali tal-bilanċ, il-Kummissjoni għandha tiżgura konsistenza u, fejn meħtieġ, komplimentarjetà bejn Tempus III u l-azzjonijiet l-oħra komunitarji li jittieħdu kemm fil-Komunità kif ukoll bħala parti mill-assistenza mogħtija lil pajjiżi eliġibbli, b'mod partikolari rigward l-attivitajiet tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ.

Artikolu 10

Koordinazzjoni ma' l-azzjoni meħuda f'pajjiżi mhux tal-Komunità

1. Il-Kummissjoni għandha torganizza koordinazzjoni xierqa ma' azzjonijiet meħuda minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità [10] jew minn universitajiet u s-settur tan-negozju f'dawn il-pajjiżi fl-istess kamp bħal Tempus III, inkuża, meta tkun applikabbli, il-parteċipazzjoni f'Tempus III.

2. Din il-parteċipazzjoni tista' tieħu varjeta ta' forom, inklużi waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:

- parteċipazzjoni f'Tempus III fuq bażi ta' finanzjament flimkien,

- l-użu ta' l-opportunitajiet li joħorġu minn Tempus III biex azzjonijiet ta' skambju li jirċievu finanzjament bilaterali jingħataw direzzjoni,

- koordinazzjoni bejn Tempus III u inizjattivi nazzjonali li għandhom l-istess għanijiet iżda li huma ffinanzjati u ġestiti separatament,

- skambju reċiproku ta' informazzjoni dwar l-inizjattivi kollha rilevanti f'dan il-kamp.

Artikolu 11

Rapport annwali

Għandu jintbagħat mill-Kummissjoni rapport annwali dwar it-twettiq ta' Tempus III lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomilu u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni. Dan ir-rapport għandu jintbagħat ukoll lill-pajjiżi eliġibbli bħala informazzjoni.

Artikolu 12

Verifika u valutazzjoni — rapporti

Skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 7(3), il-Kummissjoni għandha twettaq superviżjoni fuq l-arranġamenti għall-verifika regolari u valutazzjoni esterna ta' l-esperjenza miksuba b'Tempus III, waqt li jitqiesu kif jixraq l-miri speċifiċi fl-Artikolu 5 u l-miri nazzjonali mfissra skond l-Artikolu 6.

Għandha tissottometti sat-30 ta' April 2004 rapport intermedju dwar dak li jkun instab mill-valutazzjoni, flimkien ma' kull proposta biex Tempus jiġi estiż jew aġġustat għall-perijodu li jibda fl-1 ta' Lulju 2006.

Il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport finali mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2009.

Magħmula fil-Lussemburgu, fid-29 ta' April 1999.

Għall-Kunsill

Il-President

W. Müller

[1] ĠU C 270, tad-29.08.1998, p. 9, u ĠU C 87, tad-29.03.1999, p. 102.

[2] ĠU C 98, tad-9.4.1999.

[3] ĠU C 40, tal-15.2.1999, p. 23.

[4] ĠU C 51, tat-22.2.1999, p. 86.

[5] ĠU L 375, tat-23.12.1989, p. 11. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 753/96 (ĠU L 103, tas-26.04.1996, p. 5).

[6] ĠU L 165, 04.07.1996, p. 1.

[7] ĠU L 112, 06.05.1993, p. 34.

[8] ĠU L 306, tat-28.11.1996, p. 36

[9] Fil-preżent l-Albanija, il-Bosnja-Herzegovina u l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja.

[10] Dawn il-pajjiżi huma membri tal-Grupp ta' 24, ħlief l-Istati Membri tal-Komunità, ir-Repubblika ta' Ċipru u Malta, u l-pajjiżi assoċjati ta' l-Ewropa ċentrali u tal-lvant, u l-parteċipazzjoni tirrigwarda proġetti mal-pajjiżi mhux assoċjati ta' l-Ewropa ċentrali u tal-lvant li huma eliġibbli taħt il-programm Phare.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

Proġetti Ewropej konġunti

1. Il-Komunita Ewropea tagħti appoġġ lil proġetti Ewropej konġunti (JEPs) li jkollhom tul ta' massimu ta' tliet snin.

Il-JEPs għandhom jassoċjaw għall-inqas università waħda f'pajjiż eliġibbli, università waħda minn Stat Membru u stabbiliment msieħeb (università, kumpannija jew istituzzjoni kif imfissra fl-Artikolu 4) fi Stat Membru ieħor.

2. Jista' jingħata sustenn lill-JEPs għall-attivitajiet skond il-ħtiġiet speċifiċi ta' l-istabbilimenti interessati u konformi mal-prijoritajiet stabbiliti, inklużi:

(i) azzjonijiet konġunti fl-edukazzjoni u fit-taħriġ, b'mod partikolari għall-għan ta' l-iżvilupp u l-aġġornar tal-kurrikuku, t-titjib tal-kapaċitajiet ta' l-università biex tipprovdi edukazzjoni kontinwa u taħriġ mill-ġdid, l-iżvilupp ta' korsijiet żgħar intensivi, u l-iżvilupp ta' sistemi miftuħa u ta' tagħlim mill-bogħod inkluża t-teknoloġija ta' l-informatika u tal-komunikazzjoni;

(ii) miżuri għar-riforma u l-iżvilupp ta' edukazzjoni ogħla u tal-kapaċitajiet tagħha, b'mod partikolari billi tiġi strutturata mill-ġdid t-tmexxija ta' stabbilimenti u sistemi ta' edukazzjoni ogħla, billi jiġu modernizzati l-infrastrutturi eżistenti, billi jinxtara l-apparat li hu meħtieġ biex jiġi implementat JEP u, meta jkun applikabbli, billi tingħata assistenza teknika u finanzjarja lill-awtoritajiet responsabbli;

(iii) il-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-universitajiet, l-industrija u l-istituzzjonijiet, kif imfissra fl-Artikolu 4, permezz tal-JEPs;

(iv) l-iżvilupp tal-mobilità ta' għalliema, persunal amministrattiv ta' l-universitajiet u studenti taħt il-JEPs:

(a) jingħataw għotjiet lill-għalliema/persunal amministrattiv ta' universitajiet jew lil persunal li jħarreġ fil-kumpanniji fi Stati Membri biex iwettqu missjonijiet ta' tagħlim/taħriġ għal perijodi li jdumu sa sena fil-pajjiżi eliġibbli u viċi versa;

(b) jingħataw għotjiet lill-għalliema/persunal amministrattiv ta' universitajiet fil-pajjiżi eliġibbli biex jkunu jistgħu jgħaddu minn perijodi ta' taħriġ mill-ġdid u aġġornar fil-Komunità Ewropea;

(ċ) jingħataw għotjiet lil studenti sa u inkluż postgraduate fil-livell ta' dottorat, immirat kemm għal studenti f'pajjiżi eliġibbli li għaddejjin minn perijodu ta' studju fil-Komunità Ewropea kif ukoll studenti ta' l-Unjoni Ewropea għaddejjin minn perjodu ta' studju fil-pajjiżi eliġibbli. Normalment dawn l-għotjiet jingħataw għal perijdu ta' minn tliet xhur sa sena;

(d) l-għotjiet ikunu disponibbli għal studenti li jieħdu parti fil-JEPs bl-għan speċifiku li jippromwovu l-mobilità; tingħata preċedenza lil studenti li jkunu qiegħdin jieħdu parti fi proġetti li dwarhom l-università ta' oriġini tagħti għarfien akkademiku sħiħ għall-perijodu ta' studju li jkun sar barra;

(e) jingħata sostenn għal perijodi ta' taħriġ prattiċi jew fil-kumpannija stess ta' minn xhar sa sena għall-għalliema, persunal li jħarreġ, studenti u gradwati tal-pajjiżi eliġibbli bejn it-tmiem ta' l-istudji tagħhom u l-ewwel impieg, sabiex ikunu jistgħu jagħmlu perijodu ta' taħriġ prattiku f'kumpanniji fil-Komunità u viċi versa;

(v) attivitajiet biex jiżguraw is-suċċess ta' JEP li jinvolvi żewġ pajjiżi eliġibbli jew aktar.

Miżuri strutturali u/jew kumplimentari

Tingħata għajnuna finanzjarja għal ċerti miżuri strutturali u/jew kumplimentari (b'mod partikolari assistenza teknika, seminars, studji, pubblikazzjonijiet, attivitajiet ta' informazzjoni) biex jkunu ta' sostenn għall-miri tal-programm, b'mod partikolari l-iżvilupp u r-ristrutturazzjoni tas-sistemi ta' edukazzjoni ogħla fil-pajjiżi eliġibbli. Taħt il-miżuri strutturali, tingħata għajnuna biex tassisti pajjiżi eliġibbli inter alia biex:

- jiżviluppaw u jsaħħu il-kapaċità għall-ippjanar strateġiku u l-iżvilupp istituzzjonali ta' stabbilimenti ta' edukazzjoni ogħla fil-livell universitarju jew tal-fakultà,

- jistabbilixxu pjan ta' żvilupp għal universitajiet biex jgħinhom jibnu relazzjonijiet internazzjonali,

- isostnu il-firxa ta' azzjonijiet ta' koperazzjoni duratura li jimmiraw lejn l-għanijiet ta' Tempus,

- jippreparaw strateġija nazzjonali f'xi pajjiżi eliġibbli partikolari biex jiġi żviluppat aspett speċifiku ta' edukazzjoni ogħla.

Għotjiet individwali

B'żieda mal-JEPs u l-miżuri strutturali u/jew kumplimentari, l-Komunità Ewropea taqbel ukoll mal-għoti ta' għotjiet individwali lil għalliema, persunal li jħarreġ, amministraturi fl-università, uffiċjali għolja fil-ministeri, persuni li jippjanaw sistemi fl-edukazzjoni, u esperti oħra fit-taħriġ minn pajjiżi eliġibbli jew mill-Komunita, għal viżti biex jippromwovu l-kwalità, l-iżvilupp u r-ristrutturazzjoni ta' l-edukazzjoni ogħla u t-taħriġ fil-pajjiżi eliġibbli.

Dawn il-viżti jistgħu inter alia jkopru dawn l-oqsma:

- l-iżvilupp ta' korsijiet u ta' materjal didattiku,

- l-iżvilupp tal-persunal, b'mod partikolari permezz ta' perijodi ta' taħriġ mill-ġdid u pjazzamenti f'kumpanniji,

- missjonijiet ta' tagħlim u taħriġ,

- attivitajiet ta' sustenn għall-iżvilupp ta' edukazzjoni ogħla,

- parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta' assoċjazzjonijiet Ewropej, b'mod partikolari assoċjazzjonijiet universitarji.

Azzjonijiet ta' sostenn

1. Il-Kummissjoni għandha tirċievi l-assistenza teknika meħtieġa biex tagħti sustenn lill-azzjoni meħuda skond din id-Deċiżjoni u biex tivverifika l-implimentazzjoni tal-programm.

2. Tingħata għajnuna ukoll għall-valutazzjoni esterna xierqa ta' Tempus III. Tingħata ukoll għajnuna għad-divulgazzjoni, rigward JEPs, ta' miżuri strutturali u/jew kumplimentari u mobilità individwali u għad divulgazzjoni ta' riżultati b'suċċess minn proġetti speċifiċi fil-fażijiet inizjali tal-programm Tempus.

--------------------------------------------------