31998R2236



Official Journal L 281 , 17/10/1998 P. 0009 - 0010


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2236/98

tas-16 ta’ Ottubru 1998

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 296/96 dwar l-informazzjoni li trid tintbagħat mill-Istati Membri u l-prenotament ta’ kull xahar tan-nefqa ffinanzjata mit-Taqsima Garanziji tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanziji (FAEGG) u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 2776/88

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxil-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 729/70 tal-21 ta’ April 1970 dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1287/95 [2], u b’mod partikolari l-Artikoli 4 u 5 tiegħu,

Billi r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 tat-3 ta’ Mejju 1998 dwar l-introduzzjoni ta’ l-Ewro [3], jipprovdi fl-Artikolu 2 li mill-1 ta’ Jannar 1999 il-munita korrenti fl-Istati Membri parteċipanti għandha tkun l-Ewro;

Billi huwa għalhekk meħtieġ li jiġi emendat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 296/96 [4], kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1391/97 [5], li jispeċifika illi l-avvanzi fuq il-prenotament tan-nefqa għandhom jitfasslu u jitħallsu lill-Istati Membri parteċipanti fl-Ewro;

Billi l-avvanzi li jridu jitħallsu fil-bidu ta’ Jannar 1999 għandhom x'jaqsmu man-nefqa effettwata bejn is-16 ta’ Ottubru u t-30 ta’ Novembru 1998; billi dawn l-avvanzi xorta waħda għandhom jitħallsu mill-Istati Membri parteċipanti, għall-aħħar darba, f’unitajiet tal-munita nazzjonali;

Billi, għall-Istati Membri mhux parteċipanti, il-ħlas ta' l-avvanzi bl-Ewro, x'aktarx li kien iwassalhom sabiex jieħdu r-responsabbiltà tad-differenzi fir-rata tal-kambju bejn l-10 tax-xahar n+1 u t-tielet jum tax-xogħol tax-xahar n+2; billi t-teħid tar-responsabbiltà għad-differenzi fir-rata tal-kambju jikkostitwixxi element ġdid meta pparagunat mas-sistema wżata sa issa; billi, bħala konsegwenza ta' dan, huwa approprjat illi jiġu pprovduti miżuri speċifiċi għal dawk l-Istati Membri li jevitaw id-differenzi kollha pparagunati ma’ l-ammonti li jkunu effettivament intefqu;

Billi l-miżuri pprovvduti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanziji,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

L- Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 296/96 huwa hawnhekk emendat kif ġej:

1) il-paragrafi 8, 9, 10 u 11 li ġejjin jiġu miżjuda ma’ l-Artikolu 3:

"8. (a) L-Istati Membri li jipparteċipaw fl-Ewro jistgħu jagħżlu, fil-perjodu transitorju taż-żmien referit fis-sitt inċiż ta’ l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 974/98, illi jżommu l-kontijiet fil-livell ta’ l-aġenzija tal-ħlas:

- jew fl-Ewro biss,

- fl-Ewro għall-ħlasijiet magħmula fl-Ewro u f’unitajiet ta’ munita nazzjonali għall-ħlasijiet magħmula fl-unitajiet tal-munita nazzjonali,

- jew fl-unitajiet tal-munita nazzjonali biss.

(b) L-għażla tal-munita għall-kontijiet kif ukoll id-dikjarazzjonijiet li jridu jiġu forniti lill-FAEGG mill-Istati Membri parteċipanti għandhom jinżammu għas-sena finanzjarja kollha. Madankollu għall-ewwel sena ta’ l-applikazzjoni din l-għażla tapplika mill-1 ta’ Jannar 1999.

(ċ) L-istess għażla għandha tinżamm għad-dikjarazzjonijiet magħmula skond il-proċedura tal-clearance tal-kontijiet.

9. (a) L-aġenziji tal-ħlas ta’ l-Istati Membri mhux parteċipanti fl-Ewro għandhom iżommu kontijiet separati skond il-munita li fiha jkunu saru l-ħlasijiet lill-benefiċċjarji. L-istess separazzjoni għandha tinżamm għad-dikjarazzjonijiet magħmula skond il-proċedura tal-clearance tal-kontijiet.

(b) Madankollu, jekk l-aġenzija tal-ħlas ta’ Stat Membru mhux parteċipanti tista’ tikkonverti fil-munita nazzjonali l-ammonti mħallsa lill-benefiċċjarji fl-Ewro bir-rata tal-kambju applikata fil-ġurnata tal-ħlas, il-kontijiet kompletati ta’ din l-aġenzija tal-ħlas jistgħu jinżammu fil-munita nazzjonali.

L-irkupri, fejn jinħolqu, ta’ l-ammonti mħallsa fl-Ewro jridu jikkorrespondu mal-munita nazzjonali li l-prenotament jiġi rriservat fil-ġurnata tal-ħlas.

10. Jekk, skond il-paragrafi 8 u 9, l-aġenziji tal-ħlas ta’ Stat Membru jistgħu jagħżlu bejn l-Ewro, l-unitajiet tal-munita nazzjonali u l-munita korrenti nazzjonali għall-kontijiet tagħhom, mhux obbligatorju illi lkoll jadottaw l-istess għażla.

11. Il-komunikazzjonijiet referiti fl-Artikolu 3 għandhom jiġu stabbiliti fil-munita jew muniti li fihom jinżammu l-kontijiet.";

2) il-paragrafu 1a li ġej jiżdied ma’ l-Artikolu 4:

"1a. L-avvanzi dwar il-prenotament tan-nefqa tat-Taqsima Garanzija-FAEGG jiġu:

(a) imfassla u mħallsa fl-Ewro lill-Istati Membri parteċipanti;

(b) għall-Istati Membri mhux parteċipanti, imfassla u mħallsa:

- fl-Ewro għall-ħlasijiet effettwati mill-Istati Membri fl-Ewro,

- fil-munita nazzjonali għall-ħlasijiet magħmula mill-Istat Membru fil-munita nazzjonali.

Madankollu, jekk il-konverżjoni għall-munita nazzjonali tal-ħlas fl-Ewro ssir skond ir-rata tal-kambju applikata fil-ġurnata tal-ħlas lill-benefiċċjarju (kif ipprovdut fl-Artikolu 3(9)(b)), il-ħlasijiet li jkollhom x'jaqsmu ma’ dawn il-ħlasijiet fl-Ewro jistgħu jsiru wkoll fil-munita nazzjonali;

(ċ) imħallsa f’unitajiet tal-munita nazzjonali jew fil-munita nazzjonali rigward in-nefqa magħmula mill-Istati Membri parteċipanti u l-Istati Membri mhux parteċipanti bejn is-16 ta’ Ottubru u t-30 ta’ Novembru 1998."

L- Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Għandu jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 1999.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fis-16 ta’ Ottubru 1998.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 94, tat-28.4.1970, p. 13.

[2] ĠU L 125, tat-8.6.1995, p. 1.

[3] ĠU L 139, tal-11.5.1998, p. 1.

[4] ĠU L 39, tas-17.2.1996, p. 5.

[5] ĠU L 190, tad-19.7.1997, p. 20.

--------------------------------------------------