31998R1804



Official Journal L 233 , 20/08/1998 P. 0001 - 0002


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1804/98

ta' l-14 ta' Awissu 1998

li jistabbilixxi dazju awtonomu li jista' jiġi applikat għall-fdalijiet mill-fabbrikazzjoni tal-lamtu mill-qamħirrun li jidħol fil-kodiċijiet NM 23021019 u 23099020 u li jintroduċi kwota ta' rata tat-tariffa fuq l-importazzjonijiet tal-fdalijiet mill-fabbrikazzjoni tal-lamtu mill-qamħirrun (it-tgħam tal-gluten tal-qamħirrun) li jidħlu fil-kodiċijiet NM 23031019 u 23099020 li joriġinaw fl-Istati Uniti ta' l-Amerika

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi l-Istati Uniti ta' l-Amerika deċidiet li timponi miżura ta' salvagward fil-għamla ta' restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjonijiet tal-gluten tal-qamħ minn, fost oħrajn, il-Komunità mill-1 ta' Ġunju 1998;

Billi din il-miżura qiegħda tikkaġuna inġurja konsiderevoli lill-produtturi Komunitarji interessati u ssejjaħ fil-kwistjoni l-bilanċ tal-konċessjonijiet u l-obbligi li jirriżultaw mill-Ftehim tal-WTO; billi l-kwota trid tillimita b'mod sinifikanti l-esportazzjonijiet mill-Komunità tal-gluten tal-qamħ lejn l-Istati Uniti ta' l-Amerika bit-telf għall-Komunità ta' l-esportazzjonijiet ta' mill-inqas ECU 13,65 miljun kull sena;

Billi l-konsultazzjonijiet li saru bejn l-Istati Uniti ta' l-Amerika u l-Komunità skond l-Artikolu 12 tal-Ftehim tal-WTO dwar is-Salvagwardi ma wasslu għall-ebda soluzzjoni sodisfaċenti;

Billi, skond l-Artikolu 8(2) tal-Ftehim tal-WTO dwar is-Salvagwardji, kull Stat Membru esportatur affettwat għandu d-dritt li jissospendi l-applikazzjoni tal-konċessjonijiet sostanzjalment ekwivalenti u obbliġi oħra, sakemm il-Kunsill tal-Kummerċ fl-Oġġetti ma jiddażapprovax;

Billi s-sospensjoni ta' konċessonijiet kummerċjali sostanzjalment ekwivalenti għandhom jiġu applikati rigward l-istes settur; billi l-fdalijiet mill-fabbrikazzoni tal-lamtu mill-qamħirrun (it-tgħam tal-gluten tal-qamħirrun) li jidħlu ġewwa l-kodiċijiet NM 23031019 u 23099020 huma prodotti agrikoli;

Billi l-impożizzjoni ta' kwota tat-tariffa bir-rata tad-dazju ta' ECU 5/MT fuq 2730000 tunnellati metriċi ta' fdalijiet mill-fabbrikazzjoni tal-lamtu mill-qamħirrun (it-tgħam tal-gluten tal-qamħ) li jidħlu fil-kodiċijiet NM 23 021 019 u 23039020 li joriġinaw fl-Istati Uniti ta' l-Amerika importati kull sena fil-Komunità tirrappreżenta konċessjoni kummerċjali sostanzjalment ekivalenti; billi għandu jiġi stabbilit dazju awtonomu sabiex jiżgura r-rispett tal-kwota;

Billi l-Komunità provdiet avviż bil-miktub dwar din is-sospensjoni lill-Kunsill tal-Kummerċ fl-Oġġetti fl-29 ta' Lulju 1998; billi l-Kunsill tal-Kummerċ fl-Oġġetti ma weriex in-nuqqas ta' qbil fi żmien it-30 jum ipprovvduti taħt l-Artikolu 8(2) tal-Ftehim tal-WTO dwar is-Salvagwardji;

Billi dan ir-Regolament hu mingħajr preġudizzju għall-kompatibbiltà tal-miżura tas-salvagward applikata mill-Istati Uniti ta' l-Amerika rigward il-Ftehim tal-WTO; billi skond l-Artikoli 8(2) u 8(3) tal-Ftehim tal-WTO dwar is-Salvagwardji, is-sospensjoni għandha tapplika mill-1 ta' Ġunju 2001 sakemm titneħħa l-miżura tas-salvagward ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika; billi s-sospensjoni għandha tapplika immedjatament fuq deċiżjoni tal-Korp tal-Ftehim dwar il-Kontroversji tal-WTO illi l-azzjoni ta' salvagward ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika hija inkompatibbli mal-Ftehim tal-WTO;

Billi dan r-Regolament għandu jiġi rivedut fid-dawl ta' l-iżviluppi, b'mod notevoli rigward is-suq tal-gluten tal-qamħ fl-Istati Uniti ta' l-Amerika;

Billi r-regoli dettaljati sabiex jiġi applikat dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond l-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1766/92 fit-30 ta' Ġunju 1992 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fiċ-ċereali [1],

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. Id-dazju awtonomu applikat għall-fdalijiet mill-fabbrikazzjoni tal-lamtu mill-qamħirrun li jidħlu fil-kodiċijiet NM 23031019 u 23099020 huwa ffissat għal ECU 50/mt.

2. Il-fdalijiet mill-fabbrikazzjoni tal-lamtu mill-qamħirrun (it-tgħam mill-gluten tal-qamħ) li jidħlu fil-kodiċijiet NM 23031019 u 23099020 li joriġinaw fl-Istati Uniti ta' l-Amerika ma għandhomx ikunu bla ħsara għar-rata konvenzjonali tad-dazju.

Artikolu 2

1. Hija hawnhekk miftuħa l-kwota annwali tat-tariffa, mill-1 ta' Ġunju sal 31 ta' Mejju, għall-importazzjoni ta' 2730000 tunnnellati metriċi tal-lamtu mill-qamħirrun (it-tgħam tal-gluten tal-qamħ) li jidħlu fil-kodiċijiet NM 23031019 u 23099020 li joriġinaw fl-Istati Uniti ta' l-Amerika huma hawnhekk mituħa.

2. Ir-rata tad-dazju li tapplika ġewwa l-kwota hija ta' ECU 5/mt.

Artikolu 3

Iċ-ċirkolazzjoni ħielsa tal-prodotti riferiti fl-Artikolu 1 tista' tkun bla ħsara għall-preżentazzjoni tal-prova ta' l-oriġini tagħhom.

Artikolu 4

Il-Kummissjoni għandha, skond il-proċedura riferita fl-Artikolu 5, tadotta r-regoli meħtieġa sabiex tissospendi r-rata tad-dazju għal "żero" hekk kif jiġu impurtati 2730000 tunnellata metrika ta' fdalijiet mill-fabbrikazzjoni tal-lamtu mill-qamħirrun (it-tgħam tal-gluten tal-qamħ) li jidħlu ġewwa l-kodiċijiet NM 23031019 u 23099020 li joriġinaw fl-Istati Uniti ta' l-Amerika.

Artikolu 5

Il-Kummissjoni għandha tadotta kull regola dettaljata meħtieġa sabiex jiġi applikat dan ir-Regolament skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 23 tar-Regolament (KEE) Nru 1766/92.

Artikolu 6

Kull modifika meħtieġa għal dan ir-Regolament għandha tiġi adottata skond il-proċedura riferita fl-Artikolu 5.

Artikolu 7

1. Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

2. Dan ir-Regolament għandu jibda japplika minn:

- l-1 ta' Ġunju 2001, jew

- ħamest ijiem wara d-data tad-deċiżjoni tal-Korp tal-Ftehim dwar il-Kontroversji tal-WTO illi l-miżura ta' salvagward imposta mill-Istati Uniti ta' l-Amerika hija inkompatibbli mal-Ftehim tal-WTO,

liema minnhom hija l-iktar bikrija, u sakemm titneħħa l-miżura tas-salvagward ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika. F'dan il-każ ta' l-aħħar, il-Kummissjoni għandha tippubblika avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej li jagħti d-data tad-deċiżjoni tal-Korp tal-Ftehim dwar il-Kontroversji tal-WTO.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fl-14 ta' Awissu 1998.

Għall-Kunsill

Il-President

W. Schüssel

[1] ĠU L 181, ta' l-1.7.1992, p. 21. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kummisjoni (KE) Nru 923/96 (ĠU L 126, ta' l-24.5.1996, p. 37).

--------------------------------------------------