Official Journal L 171 , 17/06/1998 P. 0001 - 0004
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1239/98 tat-8 ta' Ġunju 1998 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 894/97 li jistabbilixxi ċerti miżuri tekniċi għall-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43 tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3], (1) Billi l-Artikoli 2 u 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3760/92 ta'l-20 ta' Diċembru 1992 li jistabbilixxi sistema Komunitarja għas-sajd u l-akkwakultura [4] jgħid li l-Kunsill għandu jistabbilixxi, fid-dawl ta'l-opinjoni xjentifika disponibbli, miżuri ta' konservazzjoni sabiex jiżguraw l-isfruttament razzjonali u responsabbli, fuq bażi sostenibbli, tar-riżorsi ħajjin tal-baħar, filwaqt li jitqies, inter alia, l-impatt tas-sajd fuq l-ekosistema tal-baħar; billi għal dak il-għan il-Kunsill jista' jadotta miżuri tekniċi f'dak li għandu x'jaqsam mat-tagħmir tas-sajd u mal-metodu ta' kif dan jintuża. (2) Billi huwa neċessarju li jiġu stabbiliti l-prinċipji u ċerti regoli fuq livell Komunitarju sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jiżguraw l-amministrazzjoni ta' attivitajiet tas-sajd b'bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom jew taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom. (3) Billi r-Regolament (KE) Nru 894/97 [5] jirregola s-sajd bil-parit. (4) Billi fl-attivitajiet tas-sajd fejn jintuża il-parit, fil-passat seħħet żieda qawwija f'termini ta' ħidmiet tas-sajd; billi t-tkabbir bla kontroll ta' dawn l-attivitajiet jista' jqajjem riskju gravi ta' żieda eċċessiva fil-ħidma tas-sajd f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-ispeċi li għalihom ikun qed isir is-sajd. (5) Billi l-Artikolu 130r(2) tat-Trattat jistabbilixxi l-prinċipju li l-miżuri Komunitarji kollha għandhom iqisu l-ħtiġijiet tal-protezzjoni ambjentali fi spirtu ta' prekawzjoni. (6) Billi, bi qbil ma' l-obbligi internazzjonali tal-Komunità biex dawn jikkontribwixxu favur il-konservazzjoni u l-immaniġġar tar-riżorsi bijoloġiċi ta'l-oċejani, huwa neċessarju li kull żieda fis-sajd bil-parit minn bastimenti tal-Komunità jiġi rregolat b'mod strett. (7) Billi hemm bżonn ta' restrizzjonijiet fuq it-tul tal-parit. (8) Billi s-sajd bil-parit għat-tonn, il-pixxispad u ċerti speċi oħra iżid jikkawża aktar qbid mhux intenzjonat ta' speċi u jpoġġi f'riskju l-popolazzjonijiet ta' speċi oħra barra dawk li jkun qed isir sajd għalihom. (9) Billi, minħabba r-riskju ta' tkabbir bla kontroll fl-attivitajiet tas-sajd u n-nuqqas ta' għażla suffiċjenti fil-każ tal-parit, l-użu tiegħu għandu jiġi pprojbit fis-sajd tat-tonn, il-pixxispad u ċerti speċi oħra; billi t-transizzjoni għandha ssir b'ħafna aktar ħeffa biex jiġu evitati riskji ekoloġiċi. (10) Billi l-bastimenti tal-Komunità li stadu bil-parit għal dawk l-ispeċi huma soġġetti għal trażżin ekonomiku li jeħtieġ perijodu ta' tneħħija gradwali; billi l-kontinwazzjoni tas-sajd bil-parit b'dawn il-bastimenti għandha tiġi awtorizzata sal-31 ta' Diċembru 2001. (11) Billi l-miżuri tekniċi għall-konservazzjoni tas-sajd fil-Baħar Baltiku huma stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 88/98 [6]. (12) Billi s-sajd bl-użu tal-parit għandu jsir biss taħt kondizzjonijiet fejn dan l-użu jista' jkun, u fil-fatt qed jiġi, ikkontrollat. (13) Billi r-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2807/83 tat-22 ta' Settembru 1983 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għar-reġistrazzjoni ta'l-informazzjoni dwar il-qbid tal-ħut mill-Istati Membri [7] ma jkoprix is-sajd bil-parit kollu kkonċernat; billi d-dispożizzjonijiet ġenerali tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 tat-12 ta' Ottubru 1993 li jistabbilixxu sistema ta' kontroll applikabbli għall-politika komuni ta' sajd [8] li għandha x'taqsam ma' l-iskritti tal-vjaġġ u mal-manifest tal-qbid maħtut, m'għandhomx japplikaw għall-Meditterran sa l-1 ta' Jannar 1999. (14) Billi għalhekk, il-kontroll ta' sajd bil-parit joħloq diffikultajiet speċjali; billi d-dispożizzjonijiet speċifiċi għal dik l-attività għandhom jiġu spjegati. (15) Billi l-konsegwenzi ta' sajd bil-parit għandhom ikunu soġġetti għal valutazzjoni kostanti; billi għalhekk, għandha tinġabar l-informazzjoni meħtieġa. (16) Billi l-informazzjoni ta'l-iskritt tal-vjaġġ għandha tiġi vverifikata mal-volum tal-qbid maħtut, li fuqu għandhom ikunu possibbli l-kontrolli effettivi. (17) Billi l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni ċerta informazzjoni neċessarja għas-sorveljanza tal-verifiki li dawn jagħmlu fuq livell Komunitarju. (18) Billi kull nuqqas ta' konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għandu jkun soġġett għal sanzjonijiet mill-Istati Membri skond ir-Regolament (KE) Nru 2847/93, ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT: L-Artikolu 1 Ir-Regolament (KE) Nru 894/97 qiegħed b'hekk jiġi emendat kif ġej: 1. L-Artikolu 11 għandu jinbidel b'dan li ġej: "L-Artikolu 11 L-ebda bastiment ma jista' jżomm abbord, jew juża għas-sajd, parit jew pariti li t-tul individwali jew totali tagħhom ikun ta' aktar minn 2,5 kilometri. L-Artikolu 11a 1. Mill-1 ta' Jannar 2002, l-ebda bastiment ma jista' jżomm abbord, jew juża għas-sajd, parit jew pariti maħsuba għall-qbid ta'l-ispeċi elenkati fl-Anness VIII. 2. Mill-1 ta' Jannar 2002, huwa projbit li jinħattu speċi elenkati fl-Anness VIII li jkunu nqabdu bil-parit. 3. Sal-31 ta' Diċembru 2001, bastiment jista' jżomm abbord, jew juża għas-sajd, il-parit jew il-pariti msemmija fil-paragrafu 1 wara li jirċievi l-awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta'l-Istat Membru fejn ikun irreġistrat. Fl-1998, l-ogħla għadd ta' bastimenti li jistgħu jiġu awtorizzati minn Stat Membru biex iżommu abbord, jew jużaw għas-sajd, il-parit jew il-pariti m'għandux jaqbeż is-60 % tal-bastimenti tas-sajd li kienu jużaw il-parit jew il-pariti matul il-perjodu mill-1995 sa l-1997. 4. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni rigward kull speċi li jkun qed isir sajd għaliha sat-30 ta' April ta' kull sena, il-lista tal-bastimenti awtorizzati biex iwettqu attivitajiet tas-sajd bl-użu ta' parit kif imsemmi fil-paragrafu 3; fil-każ ta'l-1998, l-informazzjoni għandha tintbagħat mhux aktar tard mill-31 ta' Lulju 1998. L-Artikolu 11b 1. Il-bastimenti kollha tas-sajd li jużaw il-parit jew il-pariti maħsuba għall-qbid ta' l-speċi elenkati fl-Anness VIII għandhom jaħdmu skond il-kondizzjonijiet li ġejjin: - matul l-attività tas-sajd, il-bastiment għandu jżomm ix-xibka taħt għajnejh il-ħin kollu, - il-bagi tal-wiċċ, bir-rifletturi tar-radar, għandhom ikunu marbuta maż-żewġt itruf tax-xibka, sabiex il-pożizzjoni tagħhom tkun tista' tiġi nnutata f'kull ħin. Il-bagi għandhom ikunu mmarkati b'mod permanenti bl-ittra(i) u n-numru ta' reġistrazzjoni tal-bastiment li lilu jkunu jappartienu. 2. Il-padrun tal-bastiment tas-sajd li juża il-parit jew il-pariti msemmija fil-paragrafu 1 għandu jżomm skritt tal-vjaġġ li fih għandu jniżżel jum b'jum l-informazzjoni li ġejja: - it-tul totali tax-xbieki li jkun hemm abbord, - it-tul totali tax-xbieki użati f'kull sajda, - il-kwantità ta' kull speċi maqbuda matul kull sajda, inklużi l-qabdiet li ma jkunx intenzjonati u l-qbid skartat ġol-baħar, b'mod partikolari iċ-ċetaċji, ir-rettili u l-għasafar tal-baħar, - il-kwantità minn kull speċi miżmuma abbord, - id-data u l-pożizzjoni ta' dawn qabdiet. 3. Il-padruni kollha msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jgħaddu lill-awtoritajiet kompetenti ta'l-Istat Membru fejn isir il-ħatt, dikjarazzjoni li tagħti ta' lanqas il-kwantitajiet ta' kull speċi li tinħatt u d-dati u ż-żoni tal-qabdiet. 4. Il-padruni tal-bastimenti li jużaw il-parit jew il-pariti msemmija fil-paragrafu 1 u li jixtiequ jużaw post tal-ħatt fi Stat Membru għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti ta'l-Istat Membru kkonċernat, talanqas sagħtejn qabel il-wasla fil-port, rigward il-post tal-ħatt u l-ħin tal-wasla ppjanati. 5. Kull bastiment tas-sajd li juża l-parit jew il-pariti msemmija fil-paragrafu 1 għandu jżomm abbord l-awtorizzazzjoni tas-sajd maħruġa minn qabel mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru fejn ikun irreġistrat. 6. Fil-każ ta' nuqqas ta' konformità ma'l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 11 u 11a u dan l-Artikolu, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu l-miżuri xierqa dwar il-bastimenti kkonċernati, skond l-Artikolu 31 tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93. L-Artikolu 11ċ Bl-eċċezzjoni ta' l-ibħra koperti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 88/98 tat-18 ta' Diċembru 1997 li jistabbilixxi ċerti miżuri tekniċi għall-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd fl-ibħra tal-Baħar Baltiku, il-Belts u s-Sound [9] u minkejja l-Artikolu 1(1), l-Artikoli 11, 11a and 11b għandhom jgħoddu fl-ibħra kollha li jaqgħu taħt is-sovranità tal-ġurisdizzjoni ta' l-Istati Membri u, 'il barra minn dawk l-ibħra għandhom jgħoddu għall-bastimenti tas-sajd kollha tal-Komunità." 2. It-test hawn anness għandu jiżdied bħala l-Anness VIII. L-Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Dan għandu japplika mill-1 ta' Lulju 1998. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fil-Lussemburgu, fit-8 ta' Ġunju 1998. Għall-Kunsill Il-President J. Cunningham [1] ĠU C 118, tad-29.4.1994, p. 2. [2] ĠU C 305, tal-31.10.1994, p. 83. [3] ĠU C 393, tal-31.12.1994, p. 175. [4] ĠU L 389, tal-31.12.1992, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bl-Att ta'l-Adeżjoni ta' l-1994. [5] ĠU L 132, tat-23.5.1997, p. 1. [6] ĠU L 9, tal-15.1.1998, p. 1. [7] ĠU L 276, ta' l-10.10.1983, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2945/95 (ĠU L 308, tal-21.12.1995, p. 18). [8] ĠU L 261, ta' l-20.10.1993, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 686/97 (ĠU L 102, tad-19.4.1997, p. 1). [9] ĠU L 9, tal-15.1.1998, p. 1. -------------------------------------------------- L-ANNESS ANNESS VIII — Albacore : Thunnus alalunga — Tonn tal-pinna blu : Thunnus thynnus — Tonn ta' għajnejn kbar : Thunnus obesus — Skipjack : Katsuwonus pelamis — Bonito ta' l-Atlantiku : Sarda sarda — Tonn tal-pinna safra : Thunnus albacares — Tonn tal-pinna sewda : Thunnus atlanticus — Tonn żgħir : Euthynnus spp — Tonn tal-pinna blu tan-nofsinhar : Thunnus maccoyii. — Tonn frigate : Auxis spp. — Awrat ta' l-oċean : Brama rayi — Merlini : Tetrapturus spp.; Makaira spp. — Sailfishes : Istiophorus spp. — Pixxispad : Xiphias gladius — Imsell : Scomberesox spp.; Cololabis spp. — Lampuki : Coryphoena spp. — Klieb il-baħar : Hexanchus griseus; Cetorhinus maximus; Alopiidae; Carcharhinidae; Sphymidae; Isuridae; Lamnidae — Molluski : l-ispeċi kollha. --------------------------------------------------