31998R1139



Official Journal L 159 , 03/06/1998 P. 0004 - 0007


Ir-Regolament tal-Kunsill (ke) Nru 1139/98

tas-26 ta’ Mejju 1998

li jirrigwarda l-indikazzjoni obbligatorja fuq it-tikkettjar ta’ ċerti oġġetti ta’ l-ikel prodotti mill-organiżmi mmodifikati ġenetikament ta’ partikolaritajiet oħra għajr dawk li hemm provvediment għalihom fid-Direttiva 79/112/KEE

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 79/112/KEE tat-18 ta’ Diċembru 1978 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-tikkettjar, il-preżentazzjoni u r-reklamar ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel [1] u b’mod partikolari l-Artikolu 4(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

(1) Billi, skond id-dispożizzjonijiet tal-Parti Ċ tad-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE tat-23 ta’ April 1990 dwar ir-rilaxx deliberat fl-ambjent ta’ organiżmi mmodifikati ġenetikament [2], ġew mogħtija l-approvazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq ta’ ċerti prodotti mmodifikati ġenetikament bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/281/KE tat-3 ta’ April 1996 li tirrigwarda t-tqegħid fis-suq tal-fażola tas-soya mmodifikata ġenetikament (il-Glycinemax. L) b’tolleranza ikbar għall-erbiċida glikofosfat, skond id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE [3], u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/98/KE tat-23 ta’ Jannar 1997 li tirrigwarda t-tqegħid fis-suq tal-qamħirrun immodifikat ġenetikament (iż-ZeamaysL.) bil-modifika kkombinata għall-proprjetajiet ta’ insettiċidi kkonferiti bil-ġene tal-Bt-endotossin u b’tolleranza ikbar għall-erbiċida ammonju glufosinat skond id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE [4];

(2) Billi skond id-Direttiva 90/220/KEE ma kien hemm l-ebda raġunijiet ta’ sigurtà sabiex jiġu msemmija fuq it-tikketti tal-fażola tas-soya mmodifikata ġenetikament (il-GlycinemaxL.) jew tal-qamħirrun immodifikat ġenetikament (iż-ZeamaysL.) li kienu miksuba b’metodi tat-teknika għall-modifika ġenetika;

(3) Billi d-Direttiva 90/220/KEE ma tkoprix il-prodotti mhux vijabbli dderivati minn organiżmi mmodifikati ġenetikament (minn issa ’l quddiem riferiti bħala GMO);

(4) Billi ċerti Stati Membri ħadu miżuri rigward it-tikkettjar ta’ ikel u ta’ l-ingredjenti ta’ l-ikel prodotti mill-prodotti inkwistjoni; billi d-differenzi bejn dawn il-miżuri x’aktarx jimpedixxu l-moviment liberu ta’ dak l-ikel u ta’ dawk l-ingredjenti ta’ l-ikel u b’hekk jaffettwaw b’mod avvers il-funzjonament tas-suq intern; billi huwa għalhekk meħtieġ li jiġu adottati regoli Komunitarji uniformi tat-tikkettjar għall-prodotti inkwistjoni;

(5) Billi r-Regolament (KE) Nru. 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Jannar 1997 dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti ta’ l-ikel il-ġdid [5], jistabbilixxi fl-Artikolu 8 il-ħtiġiet speċifiċi addizzjonali għat-tikkettjar sabiex jiżguraw it-tagħrif xieraq lill-aħħar konsumatur; billi dawn il-ħtiġiet speċifiċi tat-tikkettjar ma japplikawx għall-ikel jew għall-ingredjenti ta’ l-ikel li kienu użati għall-konsum mill-bniedem għal grad sinifikanti ġewwa l-Komunità qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) 258/97 u għal din ir-raġuni mhumiex ikkunsidrati bħal ‘ġodda’;

(6) Billi, sabiex jiġi pprevenut it-tagħwiġ fil-kompetizzjoni, għandhom japplikaw ir-regoli tat-tikkettjar għat-tagħrif ta’ l-aħħar konsumatur ibbażati fuq l-istess prinċipji ta’ l-ikel u l-ingredjenti ta’ l-ikel li jikkonsistu jew jidderivaw mill-GMO li tqiegħdu fis-suq qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru. 258/97 skond l-approvazzjoni mogħtija skond id-Direttiva 90/220/KEE, u ta’ l-ikel u l-ingredjenti ta’ l-ikel li jitqiegħdu fis-suq wara dan;

(7) Billi, għalhekk, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru. 1813/97 tad-19 ta’ Settembru 1997 li jirrigwarda l-indikazzjoni obbligatorja tat-tikkettjar ta’ ċerti oġġetti ta’ l-ikel prodotti mill-organiżmi mmodifikati ġenetikament ta’ partikolaritajiet oħra għajr dawk ipprovvduti fid-Direttiva 79/112/KEE [6] li tistabbilixxi r-regoli ġenerali tat-tikkettjar għall-prodotti msemmija hawn fuq;

(8) Billi huwa issa urgenti li jiġu stabbiliti regoli Komunitarji ddettaljati u uniformi għat-tikkettjar ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel koperti bir-Regolament (KE) Nru. 1813/97;

(9) Billi, b’mod partikolari, skond kif jinstilet mill-approċċ meħud fl-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru. 258/97, huwa meħtieġ li jiġi żgurat illi l-aħħar konsumatur jiġi mgħarraf b’kull karatteristika jew proprjetà ta’ l-ikel, per eżempju l-kompożizzjoni, il-valur nutrijenti jew l-effetti nutrijenti jew l-użu maħsub ta’ l-ikel, li jirrendu l-ikel jew l-ingredjent ta’ l-ikel mhux iktar ekwivalenti għall-ikel jew għall-ingredjent ta’ l-ikel eżistenti; billi għal dan il-għan, l-ikel u l-ingredjenti ta’ l-ikel prodotti mill-fażola tas-soya mmodifikata ġenetikament jew mill-qamħirrun immodifikat ġenetikament, li mhumiex ekwivalenti għall-kontrapartijiet konvenzjonali għandhom ikunu suġġetti għall-ħtiġiet tat-tikkettjar;

(10) Billi, skond kif jinstilet mill-approċċ meħud fl-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru. 258/97, huwa meħtieġ illi l-ħtiġiet tat-tikkettjar ikunu bbażati fuq evalwazzjoni xjentifika;

(11) Billi huwa meħtieġ illi jiġu stabbiliti regoli ċari tat-tikkettjar għall-prodotti msemmija hawn fuq li jippermettu l-kontroll uffiċjali msejjes fuq bażi li tista’ tkun fdata, imtennija u prattikabbli; billi għandhom jiġu żviluppati metodi komuni u vvalidati xjentifikament għat-testijiet;

(12) Billi huwa għalhekk meħtieġ li jiġi żgurat illi l-ħtiġiet tat-tikkettjar ma jkunux ta’ aktar piż milli meħtieġ imma ddettaljati biżżejjed sabiex ifornu lill-konsumaturi bit-tagħrif li jkunu jeħtieġu;

(13) Billi, f’dan l-istadju, il-preżenza fl-ikel u fl-ingredjenti ta’ l-ikel tal-proteina jew tad-DNA li jirriżultaw mill-modifika ġenetika tikkostitwixxi l-aħjar kriterju li jikkonforma mal-ħtiġiet imsemmija hawn fuq; billi dan l-avviċinament jista’ jiġi kkunsidrat mill-ġdid fid-dawl ta’ l-iżviluppi ġejjiena fl-għerf xjentifiku;

(14) Billi ma tistax tiġi eskluża l-kontaminazzjoni aċċidentali ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel bid-DNA jew bil-proteina li jirriżultaw mill-modifika ġenetika; billi t-tikkettjar bħala riżultat ta’ din il-kontaminazzjoni jista’ jiġi evitat billi jiġi stabbilit livell minimu għall-kixfa tad-DNA u tal-proteina;

(15) Billi trid tingħata konsiderazzjoni urġenti, fid-dawl ta’ kull parir xjentifiku rilevanti, għall-kwistjoni dwar jekk jistax jiġi stabbilit livell deminimis għall-preżenza tad-DNA jew tal-proteina li jirriżultaw mill-modifika ġenetika u, jekk iva, liema livell;

(16) Billi l-ikel u l-ingredjenti ta’ l-ikel prodotti mill-fażola tas-soya mmodifikata ġenetikament (il-GlycenemaxL.) jew mill-qamħirrun immodifikat ġenetikament (iż-ZeamaysL.), li fihom tkun preżenti d-DNA li tirriżulta mill-modifika ġenetika, mhumiex ekwivalenti u għandhom għalhekk ikunu suġġetti għall-ħtiġiet tat-tikkettjar;

(17) Billi huwa possibbli illi l-proteina jew id-DNA li jirriżultaw minn modifika ġenetika jkunu ġew meqruda bi stadji suċċessivi ta’ l-ipproċessar; billi, f’dan il-każ, l-ikel u l-ingredjenti ta’ l-ikel għandhom jiġu kkunsidrati bħala ekwivalenti għall-għanijiet tat-tikkettjar; billi għalhekk ma għandhomx ikunu suġġetti għall-ħtiġiet tat-tikkettjar; billi għandha tiġi mfassla lista ta’ dawn il-prodotti;

(18) Billi, madankollu, ċerti metodi tal-proċessar jistgħu jeliminaw id-DNA imma mhux il-proteini; billi ma tistax tiġi eskluża l-possibbiltà li dawn il-metodi jistgħu jkunu kapaċi li jiġu applikati għall-użi ta’ l-ikel; billi l-ikel u l-ingredjenti ta’ l-ikel li fihom ma tkunx preżenti d-DNA li tirriżulta mill-modifika ġenetika imma li fihom ikunu preżenti l-proteini li jirriżultaw mill-modifka ġenetika, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala ekwivalenti; billi għalhekk, għandhom ikunu suġġetti għall-ħtiġiet tat-tikkettjar;

(19) Billi għandu jkun ipprovdut it-tagħrif meħtieġ fil-lista ta’ l-ingredjenti għajr fil-każ tal-prodotti li għalihom ma teżisti l-ebda lista, li fil-każ tagħhom għandu jidher ċar fuq it-tikketta tal-prodott;

(20) Billi dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ l-operaturi li jinkludu pretensjonijiet volontarji fit-tikketti tal-prodotti tagħhom dwar partikolaritajiet oħra għajr dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament (per eżampju l-assenza ta’ l-ikel u l-ingredjenti ta’ l-ikel prodotti mill-fażola tas-soya u mill-qamħirrun immodifikati ġenetikament, jew il-preżenza ta’ dan l-ikel u l-ingredjenti ta’ l-ikel fil-każijiet fejn mhux xjentifikament verifikabbli imma hija disponibbli x-xhieda tagħha permezz ta’ mezzi oħra), sakemm dawn il-pretensjonijiet ikunu magħmula skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 79/112/KEE;

(21) Billi, filwaqt li jitqiesu l-firxa u l-effetti tagħhom, il-miżuri Komunitarji mdaħħla b’dan ir-Regolament mhux biss huma meħtieġa imma essenzjali jekk iridu jinkisbu l-għanijiet imfassla; billi dawn il-għanijiet ma jistgħux jinkisbu mill-Istati Membri meta jaġixxu individwalment.

(22) Billi dan ir-Regolament jieħu l-post tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru. 1813/97, li għandu għalhekk jitħassar;

(23) Billi skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 79/112/KEE, ġie sottomess abbozz ta’ dan it-test lill-Kumitat Permanenti ta’ l-Oġġetti ta’ l-Ikel, li ma kienx kapaċi jagħti opinjoni, u billi, skond l-istess proċedura l-Kummissjoni indirizzat proposta lill-Kunsill, li tirrigwarda l-miżuri li jridu jiġu adottati,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

1. Dan ir-Regolament għandu japplika għall-oġġetti ta’ l-ikel u għall-ingredjenti ta’ l-ikel li jridu jiġu kkunsinjati lill-aħħar konsumatur (minn issa ’l quddiem riferiti bħala “l-oġġetti speċifikati ta’ l-ikel”) prodotti, fl-intier tagħhom jew f’parti minnhom, minn:

- il-fażola tas-soya mmodifikata ġenetikament bid-Deċiżjoni 96/281/KE

- il-qamħirrun immodifikat ġenetikament bid-Deċiżjoni 97/98/KE,

2. Dan ir-Regolament ma għandux japplika għall-addittivi ma’ l-ikel, it-taħwir għall-użu fl-oġġetti ta’ l-ikel jew is-solventi ta’ l-estrazzjoni użati fil-produzzjoni ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel riferiti fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru. 258/97.

L-Artikolu 2

1. L-oġġetti speċifikati ta’ l-ikel għandhom ikunu suġġetti għall-ħtiġiet speċifiċi addizzjonali tat-tikkettjar stabbiliti fil-paragrafu 3.

2. Madankollu, l-oġġetti speċifikati ta’ l-ikel li fihom ma jkunu preżenti la proteina u lanqas id-DNA li jirriżultaw mill-modifika ġenetika ma għandhom ikunu suġġetti għall-ħtiġiet speċifiċi addizzjonali msemmija tat-tikkettjar.

Għandha tiġi mfassla lista tal-prodotti mhux suġġetti għall-ħtiġiet speċifiċi addizzjonali tat-tikkettjar skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 79/112/KEE, filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi tekniċi, l-opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku ta’ l-Ikel u l-pariri l-oħra xjentifiċi rilevanti.

3. Il-ħtiġiet speċifiċi addizzjonali tat-tikkettjar għandhom ikunu dan li ġej:

(a) meta l-ikel jikkonsisti minn aktar minn ingredjent wieħed, il-kelmiet “prodott mis-soya mmodifikata ġenetikament” jew “prodott mill-qamħirrun immodifikat ġenetikament” kif approprjat għandhom jidhru fil-lista ta’ l-ingredjenti pprovduti bl-Artikolu 6 tad-Direttiva 79/112/KEE fil-parentesi immedjatament wara l-isem ta’ l-ingredjent interessat. Alternattivament, dawn il-kelmiet jistgħu jidhru b’mod prominenti f’nota f’qiegħ il-paġna mal-lista ta’ l-ingredjenti li għandhom x’jaqsmu ma’ xulxin permezz ta’ asterisk (*) għall-ingredjent interessat. Meta l-ingredjent ikun diġà elenkat bħala prodott mis-soya jew mill-qamħirrun il-kelmiet “prodott minn… mmodifikat/a ġenetikament” jistgħu jiġu mqassra fi “mmodifikat/a ġenetikament”; jekk tiġi użata l-għamla mqassra tal-kliem bħala nota fil-qiegħ tal-paġna, l-asterisk għandu jiġi mehmuż direttament mal-kelma ’soya’ jew mal-kelma ‘qamħirrun’. Meta jintużaw għamla jew oħra bħala nota f’qiegħ il-paġna, għandu jkollhom kobor tat-tipa ta’ mill-inqas l-istess daqs tal-lista nfisha ta’ l-ingredjenti;

(b) fil-każ tal-prodotti li għalihom ma teżisti l-ebda lista ta’ l-ingredjenti, il-kelmiet “prodott mis-soya mmodifikata ġenetikament” jew “prodott mill-qamħirrun immodifikat ġenetikament”, kif approprjat, għandhom jidhru biċ-ċar fuq it-tikkettjar ta’ l-ikel;

(c) meta skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 6(5)(b) tad-Direttiva 79/112/KEE ingredjent ikun iddenominat bl-isem ta’ kategorija, din id-denominazzjoni għandha tiġi kkompletata bil-kelma “fih. [7] prodott mis-soya mmodifikata ġenetikament/mill-qamħirrun immodifikat ġenetikament”, kif meħtieġ;

(d) meta ingredjent ta’ ingredjent kompost ikun idderivat mill-oġġetti speċifikati ta’ l-ikel, għandu jiġi msemmi fuq it-tikkettjar tal-prodott finali, biż-żieda tal-kliem iddikjarat fil-punt (b).

4. Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-ħtiġiet l-oħra tal-liġijiet Komunitarji li jirrigwardaw it-tikkettjar ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel.

L-Artikolu 3

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru. 1813/97 huwa hawnhekk imħassar.

L-Artikolu 4

1. Il-ħtiġiet tat-tikkettjar ta’ dan ir-Regolament ma għandhomx japplikaw għall-prodotti li jkunu ġew iffabbrikati u ttikkettjati legalment fil-Komunità, jew li jkunu ġew importati legalment fil-Komunità u maħruġa fiċ-ċirkolazzjoni libera, qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

2. L-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 2 għall-prodotti mqiegħda fis-suq bit-tikkettjar li jikkonforma mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru. 1813/97 sabiex jindika l-preżenza ta’ materjal immodifikat ġenetikament tista’ tiġi posposta għal sa sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

L-Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ 90 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fis-26 ta’ Mejju 1998.

Għall-Kunsill

Il-President

J. Cunningham

[1] ĠU L 33, tat-8.2.1979, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 97/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 43, ta’ l-14.2.1997, p. 21).

[2] ĠU L 117, tat-8.5.1990, p. 15. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 97/35/KE (ĠU L 169, tas-27.6.1997, p. 72).

[3] ĠU L 107, tat-30.4.1996, p. 10.

[4] ĠU L 31, ta’ l-1.2.1997, p. 69.

[5] ĠU L 43, ta’ l-14.2.1997, p. 1.

[6] ĠU L 257, ta’ l-20.9.1997, p. 7.

[7] L-ingredjent/i li għandu/għandhom jiġi/u speċifikat/i, kif approprjat.

--------------------------------------------------