31998R0974



Official Journal L 139 , 11/05/1998 P. 0001 - 0005


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98

tat-3 Mejju 1998

dwar l-introduzzjoni ta' l-euro

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EUROPEA

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Europea, u b'mod partikolari it-tielet sentenza ta' l-Artikolu 109l(4), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni ta' l-Istitut Monetarju Europew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Europew [3],

(1) Billi dan ir-Regolament jiddefinixxi d-dispożizzjonijiet tal-liġi monetarja ta' l-Istati Membri li adottaw l-euro; billi dispożizzjonijiet dwar il-kontinwità ta' kuntratti, dwar it-tibdil minn riferenzi fi strumenti legali ta' l-ecu għall-riferenzi għall-euro u ttundjar diġa' ġew preskritti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1103/97 tas-17 Ġunju 1997 dwar ċerti dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mad-dħul ta' l-euro [4]; billi d-dħul ta' l-euro jinteressa operati minn jum għall-ieħor tal-popolazzjoni kollha ta' l-Istati Membri parteċipanti; billi miżuri oħra għajr dawk f'dan ir-Regolament u dawk fir-Regolament (KE) Nru 1103/97 għandhom jiġu eżaminati sabiex jiżguraw bidla bilanċjata, partikolarment għall-konsumaturi;

(2) Billi, fil-laqgħa tal-Kunsill Europew f'Madrid fil-15 u s-16 ta' Diċembru 1995, ittieħdet id-deċiżjoni li t-terminu "ecu" użat fit-Trattat sabiex jirreferi għall-unità tal-munita Europea huwa terminu ġeneriku; billi l-Gvernijiet tal-ħmistax-il Stat Membru laħqu l-ftehim komuni illi din id-deċiżjoni hija l-interpetazzjoni miftiehma u definittiva tad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat; billi l-isem mogħti lill-munita Europea għandu jkun l-"euro"; billi l-euro bħala l-munita ta' l-Istati Membri parteċipanti għandu jinqasam f'mitt subunità bl-isem ta' "ċentezmu"; billi d-definizzjoni ta' "ċenteżmu" ma tipprevjenix l-użu ta' varjanti ta' dan it-terminu komunement użat fl-Istati Membri; billi barra minn dan il-Kunsill Europew ikkunsidra illi l-isem tal-munita unika għandu jkun l-istess fil-lingwi uffiċjali kollha ta' l-Unjoni Europea, fil-waqt li jingħata kont ta' l-eżistenza ta' alfabetti differenti;

(3) Billi l-Kunsill meta jaġixxi skond it-tielet sentenza ta' l-Artikolu 109l(4) tat-Trattat għandu jieħu l-miżuri meħtieġa għad-dħul rapidu ta' l-euro għajr l-adozzjoni tar-rati tal-kambju;

(4) Billi kull meta skond l-Artikolu 109k(2) tat-Trattat Stat Membru isir Stat Membru parteċipanti, il-Kunsill għandu skond l-Artikolu 109l(5) tat-Trattat jieħu l-miżuri l-oħra meħtieġa għad-dħul rapidu ta' l-euro bħala l-munita unika ta' dan l-Istat Membru;

(5) Billi skond l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 109l(4) tat-Trattat il-Kunsill għandu fid-data tal-bidu tat-tielet stadju jadotta r-rati tal-kambju li magħhom il-muniti ta' l-Istati Membri parteċipanti għandhom ikunu fissati irrevokabbilment u u f'liema rata ffissata irrevokabbilment l-euro għandu jinbidel minflok dawn il-muniti;

(6) Billi minħabba n-nuqqas ta' riskju fir-rati tal-kambju kemm sew bejn l-unità ta' l-euro u l-unitajiet ta' munita nazzjonali sew fost dawn l-unitajiet ta' muniti nazzjonali, id-dispożizzjonjiet legislattivi għandhom jiġu interpretati kif jixraq;

(7) Bill t-terminu "kuntratt" użat għad-definizzjoni ta' strumenti legali għandu jitqies li jinkludi kull tip ta' kuntratti, irispettivament mill-mod li fih ikunu konklużi;

(8) Billi sabiex titħejja qalba bla tfixkil għall-euro jinħtieġ perjodu ta' żmien transitorju bejn is-sostituzzjoni ta' l-euro minflok il-muniti ta' l-Istati Membri parteċipanti u d-dħul ta' flus tal-karta u muniti fl-euro; billi matul dan il-perjodu ta' żmien l-unitajiet ta' muniti nazzjonali għandhom jiġu definiti bħala subdiviżjonijiet ta' l-euro; billi b'dan tiġi stabbilita ekwivalemza legali bejn l-unità ta' l-euro u l-unitajiet tal-muniti nazzjonali;

(9) billi skond l-Artikolu 109g tat-Trattat u tar-Regolament (KE) Nru 1103/97, l-euro għandu jieħu post l-ECU mill-1 Jannar 1999 bħala l-unità tal-kontijiet ta' l-istituzzjonjiet tal-Komunitajiet Europej; billi l-euro għandu wkoll ikun l-unità tal-kontijiet tal-Bank Ċentrali Europew (BĊE) u tal-banek ċentrali ta' l-Istati Membri parteċipanti; billi, f'linja tal-konklużjonijiet ta' Madrid, operati fil-politika monetarja għandhom isiru fl-unità ta' l-euro mis-Sistema Europea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ); billi dan ma jipprevjenix lill-banek ċentrali nazzjonali milli jżommu kontijiet fl-unità tal-muniti nazzjonali tagħhom matul il-perjodu transitorju, partikolarment għall-impjegati tagħhom u għall-amministrazzjonjiet pubbliċi;

(10) Billi kull Stat Membru parteċipanti jista' jagħti lok għall-użu totali ta' l-unità ta' l-euro fit-territorju tiegħu matul il-perjodu transitorju;

(11) Billi matul il-perjodu transitorju kuntratti, liġijiet nazzjonali u strumenti oħra legali jistgħu jitfasslu validatament fl-unità ta' l-euro jew fl-unità tal-munita nazzjonali; billi matul dan il-perjodu, xejn f'dan ir-Regolament ma għandu jaffettwa l-validità ta' kull referenza għall-munita nazzjonali f'kull strument legali;

(12) Billi, jekk ma jkunx miftiehem xorta oħra, aġenti ekonomiċi għandhom jirrispettaw id-denominazzjoni ta' strument legali fit-twettiq ta' l-azzjonijiet kollha mwettqa skond dak l-istrument;

(13) Billi l-unità ta' l-euro u unitajiet ta' muniti nazzjonali huma unitajiet ta' l-istess munita; billi għandu jiġi żgurat illi ħlasijiet ġewwa Stat Membru parteċipanti bl-akkreditazzjoni ta' kont jistgħu jsiru jew fl-unità ta' l-euro jew tal-munita nazzjonali rispettivament; billi d-dispożizzjonijiet dwar ħlasijiet bl-akkreditazzjoni ta' kont għandhom japplikaw ukoll għal ħlasijiet bejn il-fruntieri, li jkunu denominati fl-unità ta' l-euro jew fl-unità tal-munita nazzjonali tal-kont tal-kreditur; billi huwa meħtieġ illi jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-sistema tal-ħlasijiet billi jiġu preskritti dispożizzjonijiet li jittrattaw ma' l-akkreditazzjoni ta' kontijiet bi strumenti ta' ħlasijiet akkreditati minn dawn is-sistemi; billi d-dispożizzjonijiet dwar ħlasijiet li jakkreditaw kont ma għandhomx jimplikaw illi l-intermedjarji finanzjarji huma obbligati li jagħmlu disponibbli jew faċilitajiet oħra ta' ħlasijiet jew prodotti denominati f'xi unità partikolari ta' l-euro; billi d-dispożizzjonijiet dwar ħlasijiet bl-akkreditazzjoni ta' kont ma jipprojbixxux intermedjarji finanzjarji milli jikkoordinaw l-introduzzjoni ta' faċilitajiet ta' ħlasijiet denominati fl-unità ta' l-euro li jserrħu fuq infrastruttura teknika komuni matul il-perjodu transitorju;

(14) Billi skond il-konklużjonijiet milħuqa mill-Kunsill Europew fil-laqgħa tiegħu miżmuma f'Madrid, dejn pubbliku negozjabbli ġdid għandu jinħareġ fl-unità ta' l-Euro mill-Istati Membri parteċipanti mill-1 ta' Jannar 1999; billi huwa mixtieq li min joħroġ dejn jitħalla jiddenomina mill-ġdid fl-unità ta' l-Euro d-dejn għadu mhux imħallas; billi d-dispożizzjonijiet dwar ir-ridenominazzjoni għandhom ikunu tali li jistgħu jiġu applikati wkoll fil-ġurisdizzjoni ta' pajjiżi terzi; billi dawk li jdejnu għandhom ikunu jistgħu biex jiddenominaw mill-ġdid dejn għadu mhux imħallas jekk dan id-dejn ikun denominat fl-unità tal-munita nazzjonali ta' Stat Membru li jkun iddenomina mill-ġdid kollu kemm hu jew parti minnu tad-dejn għadu mhux imħallas tal-gvern ġenerali tiegħu; billi dawn id-dispożizzjonijiet ma jindirizzawx id-dħul ta' miżuri addizzjonali sabiex jemendaw it-termini ta' djun għadhom mhux imħallsa biex jibdlu, fost ħwejjeġ oħra, l-ammont nominali tad-dejn li jkun għadu mhux imħallas, b'dawn ikunu materji suġġetti għall-liġijiet nazzjonali rilevanti; billi huwa mixtieq li Stat Membru jitħalla jieħu miżuri xierqa għall-bdil ta' l-unità tal-kont tal-proċeduri ta' operazzjoni ta' swieq organizzati;

(15) billi tista' wkoll tinħtieġ iktar azzjoni fil-livell tal-Komunità sabiex tikkjarifika l-effett tad-dħul ta' l-euro ma' l-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet eżistenti fil-liġijiet tal-Komunità, partikolarment dawk li għandhom x'jaqsmu ma' netting, set offs u metodi ta' teknika b'effett simili;

(16) billi kull obbligu ta' l-użu ta' l-unità ta' l-euro jista' biss jiġi impost fuq il-bażi ta' leġiżlazzjoni tal-Komunità; billi fi transazzjonijiet mas-settur pubbliku l-Istati Membri parteċipanti jistgħu jippermettu l-użu ta' l-unità ta' l-euro; billi skond ix-xenarju ta' riferenza deċiż mill-Kunsill Europew fil-laqgħa tiegħu miżmuma f'Madrid, il-leġiżlazzjoni tal-Komunità li tippreskrivi l-limitu taż-żmien għall-ġeneralizzazzjoni ta' l-użu ta' l-unità ta' l-euro tista' tħalli xi libertà lill-Istati Membri individwali;

(17) billi skond l-Artikolu 105a tat-Trattat il-Kunsill jista' jadotta miżuri biex jarmonizza d-denominazzjonijiet u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-muniti kollha;

(18) Billi l-karti tal-flus u l-muniti jeħtieġu protezzjoni adegwata kontra l-falsifikazzjoni;

(19) Billi karti tal-flus u muniti denominati fl-unitajiet ta' muniti nazzjonali jitilfu l-istatus legali tagħhom ta' munita legali l-iktar tard sa sitt xhur wara t-tmiem tal-perjodu transitorju; billi limitazzjonijiet fuq ħlasijiet bil-karti u l-muniti, stabbiliti mill-Istati Membri għal raġunijiet pubbliċi, ma humiex inkompatibbli ma' l-istatus ta' munita legali f'karti ta' flus u muniti ta' l-euro, sakemm ikunu disponibbli mezzi oħra legali għall-ħlas ta' djun monetarji;

(20) Billi mit-tmiem tal-perjodu transitorju riferenzi fi strumenti legali li jkunu jeżistu fit-tmiem tal-perjodu transitorju jkollhom jiġu kunsidrati bħala riferenzi għall-unità ta' l-euro skond ir-rati rispettivi ta' kambju; billi d-denominazzjoni materjali ta' strumenti legali eżistenti hija għalhekk mhux meħtieġa għalbiex jinkiseb dan ir-riżultat; billi r-regoli ta' tneħħija ta' l-ittundjar definiti fir-Regolament (KE) Nru 1103/97 għandhom ukoll japplikaw għall-konverżjonijiet li għandhom jintgħamlu fit-tmiem tal-perjodu transitorju jew wara l-perjodu transitorju; billi minħabba raġunijiet ta' ċarezza jista' jkun mixtieq illi d-denominazzjoni mill-ġdid materjali ssir malajr kemm jista' jkun xieraq;

(21) Billi l-paragrafu 2 tal-Protokoll 11 dwar ċerti dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mar-Renju Unit tal-Gran Britannja u l-Irlanda ta' Fuq jistipula illi, fost ħwejjeġ oħra, il-paragrafu 5 ta' dan il-Protokoll għandu jkollu effett jekk ir-Renju Unit jgħarraf lill-Kunsill li mhux beħsiebu jimxi lejn it-tielet stadju; billi r-Renju Unit avża lill-Kunsill fit-30 ta' Ottubru 1997 li mhux beħsiebu jimxi għat-tielet stadju; billi l-paragrafu 5 jistipula li, fost ħwejjeġ oħra, l-Artikolu 109l(4) tat-Trattat ma għandux japplika għar-Renju Unit;

(22) Billi d-Danimarka, waqt li tirriferi għal-paragrafu 1 tal-Protokoll 12 dwar ċerti dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mad-Danimarka għarrfet, fil-kuntest tad-deċiżjoni ta' Edinburgh tat-12 ta' Diċembru 1992, li mhix sejra tipparteċipa fit-tielet stadju; billi, għalhekk, skond il-paragrafu 2 tal-Protokoll imsemmi, l-Artikoli u d-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat u ta' l-Istatut ta' l-SEBĊ li għandhom x'jaqsmu ma' derogi għandhom japplikaw għad-Danimarka;

(23) Billi, skond l-Artikolu 109l(4) tat-Trattat, il-munita unika għandha tidħol biss fl-Istati Membri li ma jkollhomx deroga;

(24) Billi dan ir-Regolament, għalhekk, għandu jiġi applikat skond l-Artikolu 189 tat-Trattat, bla ħsara għall-Protokolli 11 u 12 u l-Artikolu 109k(1),

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

TAQSIMA I

DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament:

- "Stati Membri parteċipanti" għandha tfisser il-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Olanda, l-Awstrija, il-Portugall u l-Finlandja,

- "strumenti legali" għandha tfisser id-dispożizzjonijiet leġislattivi u statutorji, atti ta' amministrazzjoni, deċiżjonijiet ġuridiċi, kuntratti, atti legali unilaterali, strumenti ta' ħlas għajr karti ta' flus u muniti, u strumenti oħra b'effett legali,

- "skala ta' konverżjoni" għandha tfisser ir-rata fissa u irrevokabli ta' konverżjoni adotta mill-Kunsill għall-munita ta' kull Stat Membru parteċipanti skond l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 109l(4) tat-Trattat,

- "unita ta' l-euro" għandha tfisser l-unità tal-munita msemmija fit-tieni sentenza ta' l-Artikolu 2,

- "unitajiet tal-munita nazzjonali" għandha tfisser l-unitajiet tal-muniti ta' l-Istati Membri parteċipanti, kif dawn l-unitajiet ikunu definiti fil-jum qabel ma jibda t-tielet stadju ta' l-unjoni ekonomika u monetarja,

- "perjodu transitorju" għandha tfisser il-perjodu ta' żmien li jibda fl-1 Jannar 1999 u jagħlaq fil-31 Diċembru 2001,

- "tiddenomina mill-ġdid" għandha tfisser il-bdil ta' l-unità li fih l-ammont ta' dejn għadu mhux imħallas u li jkun fl-unità ta' munita nazzjonali jiġi mniżżel fl-unità ta' l-euro, kif definit fl-Artikolu 2, imma li ma jkollux bl-att ta' ridenominazzjoni l-effett li jibdel xi terminu ieħor ta' dejn, billi din hija materja suġġetta għall-liġi nazzjonali rilevanti.

TAQSIMA II

IS-SOSTITUZZJONI TA' L-EURO MINFLOK IL-MUNITI TA' L-ISTATI MEMBRI PARTEĊIPANTI

Artikolu 2

Mill-1 ta' Jannar 1999 il-munita ta' l-Istati Membri parteċipanti għandha tkun l-euro. L-unità tal-munita għandha tkun euro wieħed. Euro wieħed għandu jinqasam f'mitt ċenteżmu.

Artikolu 3

L-Euro għandu jissostitwixxi l-munita ta' l-Istati Membri parteċipanti kollha skond ir-rata tal-konverżjoni.

Artikolu 4

L-euro għandu jkun l-unità tal-kontijiet tal-Bank Ċentrali Europew (BĊE) u tal-banek ċentrali nazzjonali ta' l-Istati Membri parteċipanti.

TAQSIMA III

DISPOŻIZZJONIJIET TRANSITORJI

Artikolu 5

L-Artikoli 6, 7, 8 u 9 għandhom japplikaw matul il-perjodu transitorju.

Artikolu 6

1. L-euro għandu wkoll jinqasam fl-unitajiet tal-munita nazzjonali skond ir-rati ta' konverżjoni. Kull subdiviżjoni tiegħu għandha tinżamm. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament il-liġi monetarja ta' l-Istati Membri parteċipanti għandha tibqa' tapplika.

2. Fejn fi strument legali issir riferenza għall-unità tal-munita nazzjonali, din ir-riferenza għandha tkun valida daqs li kieku r-riferenza tkun saret għall-unità ta' l-euro skond ir-rati ta' konverżjoni.

Artikolu 7

Is-sostituzzjoni ta' l-euro għall-munita ta' kull Stat Membru parteċipanti ma għandux ikollha fiha nfisha l-effett li tbiddel id-denominazzjoni ta' strumenti legali ezistenti fid-data tas-sostituzzjoni.

Artikolu 8

1. Atti li għandhom isiru skond strumenti legali li jistipulaw l-użu ta' unità ta' munita nazzjonali jew denominati fiha għandhom isiru f'dik l-unità ta' munita nazzjonali. Atti li jridu jsiru skond strumenti legali li jistipulaw l-użu ta' l-unità ta' l-euro jew denominati fih għandhom isiru f'din l-unità.

2. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 huma suġġetti għal dak kollu li l-partijiet ikunu ftiehmu fuqu.

3. Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, kull ammont denominat jew fl-unità ta' l-euro jew fl-unità tal-munita nazzjonali ta' Stat Membru parteċipanti partikolari u pagabbli ġewwa dak l-Istat Membru bl-akkreditazzjoni tal-kont tal-kreditur, jista' jitħallas mid-debitur jew fl-unità ta' l-euro jew fl-unità tal-munita nazzjonali. L-ammont għandu jkun akkreditat lill-kont tal-kreditur fid-denominazzjoni tal-kontijiet tiegħu, b'kull konverżjoni tiġi effettwata skond ir-rati ta' konverżjoni.

4. Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, kull Stat membru parteċipanti jista' jieħu l-miżuri li jkunu jistgħu jinħtieġu sabiex:

- jiddenomina mill-ġdid fl-unità ta' l-euro dejn għadu mhux imħallas maħruġ mill-gvern ġenerali ta' dan l-Istat Membru, kif definit fis-sistema Europea ta' kontijiet integrati, denominati fl-unità tal-munita korrenti tiegħu u maħruġa skond il-liġijiet tiegħu stess. Jekk Stat Membru ikun ħa miżura bħal din, dawk li joħorġu d-djun jistgħu jiddenominaw mill-ġdid fl-unità ta' l-Euro dejn denominat fl-unità tal-munita ta' dan l-Istat Membru jekk ir-ridenominazzjoni ma tkunx espressament eskluża bit-termini tal-kuntratt; din id-dispożizzjoni għandha tapplika għal dejn maħruġ mill-gvern ġenerali ta' Stat Membru kif ukoll għall-bonds u forom oħra ta' dejn assigurat negozjabbli fis-swieq tal-kapital, u għal strumenti tas-swieq tal-flus, maħruġa minn debituri oħra,

- jgħinu fil-bdil ta' l-unità ta' kontijiet fil-proċeduri ta' operati tagħhom mill-unità tal-munita nazzjonali għall-unità ta' l-euro minn:

(a) swieq għall-kambju regolari, tneħħija u ħlas ta' kull strument imniżżel fil-lista tat-taqsima B ta' l-Anness li jinsab mad-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE ta' l-10 Mejju 1993 dwar servizzi ta' investiment fil-qasam tas-sigurtajiet [5] u komoditajiet; u

(b) sistemi għall-kambju regolari, ikklirjar u l-ħlas ta' pagamenti.

5. Dispożizzjonijiet oħra għajr dawk tal-paragrafu 4 li jimponu l-użu ta' l-unità ta' l-Euro jistgħu jiġu adottati biss mill-Istati Membri parteċipanti skond kull limitu ta' żmien preskritt bil-leġiżlazzjoni tal-Komunità.

6. Dispożizzjonijiet legali nazzjonali ta' l-Istati Membri parteċipanti li jippermettu jew jimponu netting, set offs jew metodi ta' teknika b'effetti simili għandhom japplikaw għal obbligi monetarji, irrispettivament mid-denominazzjoni tal-munità tagħhom, jekk din id-denominazzjoni tkun fl-unità ta' l-euro jew fl-unità tal-munita nazzjonali, b'kull konverżjoni ssir skond ir-rati ta' konverżjoni.

Artikolu 9

Karti ta' flus u muniti denominati fl-unità tal-munita nazzjonali għandhom iżommu l-istatus tagħhom bħala muniti legali ġewwa l-limiti territorjali tagħhom kif ikunu fil-jum ta' qabel ma jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament.

TAQSIMA IV

KARTI TA' FLUS U MUNITI FL-EURO

Artikolu 10

Mill-1 ta' Jannar 2002, il-BĊE u l-banek ċentrali ta' l-Istati Membri parteċipanti għandhom joħorġu fiċ-ċirkolazzjoni karti ta' flus denominati fl-euro. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 15, dawn il-karti ta' flus denominati fl-euro għandhom ikunu l-uniċi karti ta' flus bl-istatus ta' muniti legali f'dawn l-Istati Membri kollha.

Artikolu 11

Mill-1 ta' Jannar 2002, l-Istati Membri parteċipanti għandhom joħorġu muniti denominati fl-euro jew ċenteżmi u li jikkonformaw mad-denominazzjonijiet u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li l-Kunsill jista' jippreskrivi skond it-tieni sentenza ta' l-Artikolu 105a(2) tat-Trattat. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 15, dawn il-muniti għandhom ikunu l-uniċi muniti li għandu jkollhom l-istatus ta' munita legali f'dawn l-Istati Membri kollha. Bl-eċċezzjoni ta' l-awtorità tal-ħruġ u ta' dawk il-persuni nominati speċifikatament bil-leġislazzjoni nazzjonali ta' l-Istat Membru tal-ħruġ, l-ebda parti ma għandha tkun obbligata li taċċetta iktar minn 50 munita tal-metall f'pagament wieħed.

Artikolu 12

L-Istati Membri parteċipanti kollha għandhom jiżguraw sanzjonijiet kontra l-frodi u l-iffalsifikar ta' karti tal-flus u muniti fl-euro.

TAQSIMA V

DISPOSIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 13

L-Artikoli 14, 15 u 16 għandhom japplikaw sa mit-tmiem tal-perjodu transitorju.

Artikolu 14

Fejn fi strumenti legali li jkunu jeżistu fit-tmiem tal-perjodu transitorju issir riferenza għall-unitajiet tal-munita nazzjonali, dawn ir-riferenzi għandhom jitqiesu bħala riferenzi għall-unità ta' l-euro skond ir-rati ta' konverżjoni rispettivi. Għandhom japplikaw ir-regoli ta' l-ittundjar preskritti fir-Regolament (KE) Nru 1103/97.

Artikolu 15

1. Karti ta' flus u muniti denominati fl-unità ta' munita nazzjonali kif imsemmija fl-Artikolu 6(1) għandhom jibqgħu muniti legali ġewwa l-limiti territorjali tagħhom sa sitt xhur wara t-tmiem tal-perjodu transitorju; dan il-perjodu jista' jitqassar b'liġi nazzjonali.

2. Kull Stat Membru parteċipanti jista', għal perjodu ta' żmien fiss ta' sa sitt xhur mit-tmiem tal-perjodu transitorju, jippreskrivi regoli għall-użu ta' karti ta' flus u muniti denominati fl-unità tal-munita nazzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 6(1) u jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jitħaffef l-irtirar tagħhom.

Artikolu 16

Skond il-liġijiet jew prattiċi ta' l-Istati Membri parteċipanti, dawk li rispettivament joħorġu karti ta' flus u muniti għandhom jissoktaw jaċċettaw, minflok l-euro u skond ir-rati ta' konverżjoni, il-karti ta' flus u l-muniti maħruġa minnhom qabel.

TAQSIMA VI

DĦUL FIS-SEĦĦ

Artikolu 17

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1999.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha, skond it-Trattat, bla ħsara għall-Protokolli 11 u 12 u l-Artikolu 109k(1).

Magħmul fi Brussel, fit-3 ta' Mejju 1998.

Għall-Kunsill

Il-President

G. Brown

[1] ĠU C 369, tas-7.12.1996, p. 10.

[2] ĠU C 205, tal-5.7.1997, p. 18.

[3] ĠU C 380, tas-16.12.1996, p. 50.

[4] ĠU L 162, tad-19.6.1997, p. 1.

[5] ĠU L 141, tal-11.6.1993, p. 27. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 95/26/KE tal-Parlament Europew u tal-Kunsill (ĠU L 168, tat-18.7.1995, p. 7).

--------------------------------------------------