31998R0963



Official Journal L 135 , 08/05/1998 P. 0018 - 0025


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 963/98

tas-7 ta’ Mejju 1998

li jistabbilixxi l-istandards għall-bejgħ tal-pastard u l-qaqoċċ

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2200/96 tat-28 ta’ Ottubru 1996 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-frott u l-ħxejjex [1], kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2520/97 [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 2(2) tiegħu,

Billi l-pastard u l-qaqoċċ huma msemmija fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2200/96 bħala prodotti li għalihom l-istandards iridu jkunu addottati; billi l-Anness II/1 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 23 ta’ l-4 ta’ April 1962 dwar it-twaqqif progressiv ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-frott u l-ħxejjex [3], kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 888/97 [4], jistabilixxi standards komuni ta’ kwalità għall-pastard; billi l-Anness I/6 tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 58 [5], kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 888/97, jistabbilixxi standards komuni ta’ kwalità għal ċerti prodotti msemmija f’L-Anness I B għar-Regolament Nru 23 jistabbilixxi l-istandards għall-qaqoċċ; billi dawk l-istandards m’għadhomx jirriflettu l-bżonnijiet tas-suq;

Billi r-regoli konċernati għandhom għalhekk jerġgħu jkunu miktuba u r-Regolament Nru 23 u l-Anness I/6 għar-Regolament Nru 58 imħassar, billi jkun meqjus, għall-iskop tat-trasparenza fis-suq dinji, tal-istandards rakkomandati għall-prodotti milquta mill-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa;

Billi t-tħaddin ta’ l-istandards għandu jelimina prodotti ta’ kwalità baxxa mis-suq, jimmira l-produzzjoni lejn il-bżonnijiet tal-konsumatur u jħaffef in-negozju fuq bażi tal-kompetizzjoni ġusta, b’hekk jgħinu biex itejbu l-profitt;

Billi l-istandards jgħoddu għall-istadji ta’ bejgħ kollha; billi l-ħażna tat-trasport fuq distanza twila għal ċertu perjodu u l-ġarr li jgħaddu minnu l-prodotti jista’ jwassal għal deterjorazzjoni minħabba l-iżvilupp bioloġiku tal-prodotti u l-fatt li jispiċċaw malajr; billi jrid jitqies dik id-deterjorazzjoni meta l-istandards ikunu mħaddna fl-istadji tal-bejgħ wara li jitilqu mill-pajjiż; billi, minħabba li l-prodotti fil-kategorija "Extra" għandhom ikunu magħżula u ppakkjati b’attenzjoni speċjali, għandu jingħata lok biss għal xi telf tal-freskezza u tad-dehra;

Billi l-miżuri msemmija f’dan ir-Regolament jaqblu mal-opinjoni tal-Kumitat tat-Tmexxija għall-Frott u Ħxejjex Friski,

ADDOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. L-istandards ta’ bejgħ għall-pastard li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 070410, u l-qaqoċċ li jaqa’ taħt kodiċi NM 07091000, se jkunu kif imsemmija f’L-Annessi I u II hawnhekk.

2. L-istandards se jgħoddu fil-livelli kollha ta’ bejgħ skond il-kundizzjonijiet imsemmija fir-Regolament (KE) Nru 2200/96.

Wara l-istadji tat-tluq, iżda, l-prodotti jistgħu juru, meta mqabbla ma’ l-istandards:

- tnaqqis żgħir fil-freskezza u fid-dehra,

- deterjorazzjoni żgħira fil-każ ta’ prodotti fil-kategoriji l-oħra barra "Extra", minħabba l-iżvilupp tagħhom u l-fatt li jispiċċaw malajr.

Artikolu 2

Regolament Nru 23 huwa hawnhekk irrevokat u l-Anness I/6 għal Regolament Nru 58 imħassar.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament se jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1998.

Dan ir-Regolament jkun jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fis-7 ta’ Mejju 1998.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 297, tal-21.11.1996, p. 1.

[2] ĠU L 346, tas-17.12.1997, p. 41.

[3] ĠU C 30, ta’ l-20.4.1962, p. 965/62.

[4] ĠU L 126, tas-17.5.1997, p. 11.

[5] ĠU C 56, tas-7.7.1962, p. 1606/62.

--------------------------------------------------

ANNESS I

STANDARDS GĦALL-PASTARD

I. TIFSIR TAL-PRODOTTI

Dan l-istandard jgħodd għall-pastard tal-varjetajiet (cultivars) imkabbra mill-Brassica oleracea L. convar. botrytis (L.) Alef. var. botrytis li jridu jaslu friski għand il-konsumatur, pastard għall-ipproċessar industrijali huwa eskluż.

II. DISPOSIZZJONIJIET RIGWARD IL-KWALITÀ

L-għan ta’ l-istandard huwa sabiex jispjega x’inhuma l-bżonnijiet ta’ kwalità tal-pastard wara li jkun ppreparat u ppakkjat.

A. Ħtiġiet minimi

Fil-kategoriji kollha, skond l-provvedimenti speċjali għal kull kategorija u t-tolleranzi mogħtija, l-irjus għandhom ikunu:

- sħaħ,

- tajba; prodotti affetwati mit-taħssir jew mid-deterjorazzjoni li minħabba f’hekk ma jkunux tajba għall-ikel huma esklużi,

- nodfa, prattikament ħielsa minn kull ħmieġ żejjed,

- friski fid-dehra,

- prattikament ħielsa mill-insetti,

- prattikament ħielsa mill-ħsarat ikkawżati mill-insetti,

- ħielsa mill-umdità esterna żejda,

- ħielsa minn xi riħa u/jew togħma stramba.

L-iżvilupp u l-kundizzjoni tal-pastard irid ikun tali li jgħinhom:

- biex jifilħu għat-trasport u l-ġarr, u

- biex jaslu f’kundizzjoni sodisfaċenti fil-post tad-destinazzjoni.

B. Klassifikazzjoni

Il-pastard hu kklassifikat fi tliet kategoriji spjegati hawn taħt:

(i) Kategorija "Extra"

Pastard f’din il-kategorija jrid ikun ta’ kwalità superjuri. Iridu jkunu karatteristiċi ta’ l-għamla, żvilupp u kulur tal-varjetà.

Il-qlub iridu jkunu:

- iffurmati sew, sodi, magħquda,

- ta’ nisġa mill-qrib,

- bojod kollha jew xi ftit lewn il-krema [1],

- ħielsa mid-difetti ħlief għal xi difetti superfiċjali, dejjem jekk dawn ma jaffettwax id-dehra ġenerali tal-prodott, il-kwalità, il-kwalità li żżomm u l-preżentazzjoni fl-ippakkjar.

Barra minn hekk, jekk il-pastard jinbiegħ "bil-weraq" jew "imqaċċat" il-weraq irid ikollu dehra friska.

(ii) Kategorija I

Pastard f’din il-kategorija jrid ikun ta’ kwalità tajba. Irid ikun karatteristiku tal-varjetà.

Il-qlub iridu jkunu:

- sodi,

- magħqudin,

- bojod jew lewn l-ivorju jew lewn il-krema [2],

- ħielsa minn difetti, bħal tebgħat, weraq ħierġa mill-qalb, traċċi ta’ ġlata, brix.

Il-qlub jista’ jkollhom xi difetti żgħar minn dawn li ġejjin, dejjem jekk ma jaffettwawx id-dehra ġenerali tal-prodott, il-kwalità, il-ħarsien tal-kwalità u l-preżentazzjoni fl-ippakkjar:

- difett żgħir fil-forma jew fl-iżvilupp,

- difett żgħir fil-kulur,

- u li jkun fiha xi ftit xagħar ħiereġ minnha.

Barra minn hekk, jekk il-pastard jinbiegħ "bil-weraq" jew "imqaċċat" il-weraq irid ikollu dehra friska.

(iii) Kategorija II

Din il-kategorija tinkludi dak il-pastard li ma jistax jidħol fil-kategoriji ogħla, iżda li jissodisfa l-ħtiġiet minimi msemmija hawn fuq.

Il-qlub jistgħu jkunu:

- xi ftit sfurmati,

- xi ftit imfelfla,

- sofor fil-lewn [3].

Jista’ jkollhom:

- traċċi żgħar ta’ tixwit bix-xemx,

- mhux aktar minn ħames werqiet ħodor sfukati,

- xi ftit għanqbut (iżda mhux imxarrba jew imdellka meta jintmessu).

Jista’ jkollhom ukoll tnejn mid-difetti li ġejjin dejjem jekk il-qlub iżommu l-karatteristiċi essenzjali tagħhom fejn tidħol kwalità, il-ħarsien tal-kwalità u l-preżentazzjoni:

- traċċi żgħar ta’ ħsara mill-insetti jew mard,

- ħsara żgħira superfiċjali minħabba l-ġlata,

- brix ħafif.

III. DISPOSIZZJONIJIET RIGWARD ID-DAQS

Id-daqs hu determinat mid-dijametru massimu tas-sezzjoni ekwatorjali. Id-dijametru minimu huwa stabbilit għal 11-il ċm; id-differenza fid-daqs bejn l-iżgħar u l-ikbar qalb f’kull pakkett ma tistax tkun aktar minn 4 ċm.

IV. DISPOSIZZJONIJIET LI JOLQTU T-TOLLERANZI

Tolleranzi fir-rigward tal-kwalità u d-daqs se jitħallew fl-ippakkjar ta’ prodotti li ma jissodisfawx il-ħtiġiet tal-kategorija indikata.

A. Tolleranzi ta’ kwalità

(i) Kategorija "Extra"

Ħamsa fil-mija bin-numru ta’ pastard li ma jissodisfax il-ħtiġiet tal-kategorija iżda li jissodisfa dak ta’ Kategorija I jew, f’każijiet rari, li jaqa’ taħt it-tolleranzi ta’ dik il-kategorija.

(ii) Kategorija I

Għaxra fil-mija bin-numru ta’ pastard li ma jissodisfax il-ħtiġiet tal-kategorija iżda li jissodisfa dak ta’ Kategorija II jew, f’każijiet rari, li jaqa’ taħt it-tolleranzi ta’ dik il-kategorija.

(iii) Kategorija II

Għaxra fil-mija bin-numru ta’ pastard li ma jissodisfax la l-ħtiġiet tal-kategorija u lanqas il-ħtiġiet minimi, ħlief għal prodotti affettwati mit-taħsir jew deterjorazzjoni li ma jibqgħux tajba għall-konsum.

B. Tolleranzi tad-daqs

Għal kategoriji kollha: 10 % bin-numru ta’ pastard li ma jissodisfax il-ħtiġiet tad-daqs u d-daqs indikat iżda li jaqbel mad-daqs eżattament taħt u/jew il-fuq minn dak imniżżel fuq il-pakkett, id-dijametru minimu għall-qlub fl-iżgħar daqs huwa 10 ċm.

V. DISPOSIZZJONIJIET RIGWARD IL-PREŻENTAZZJONI

A. Uniformità

Il-kontenut ta’ kull pakkett irid ikun l-istess u jkun fih biss pastard ta’ l-istess oriġini, tip kummerċjali, kwalità u daqs. Barra minn hekk, kull pakkett ta’ pastard tal-Kategorija "Extra" jrid ikun ukoll l-istess fil-lewn.

Il-parti viżibbli tal-kontenut tal-pakkett trid tirrappreżenta l-kontenut kollu.

B. Ippakkjar

Il-pastard irid ikun ippakkjat b’tali mod li l-prodott ikun protett sew.

Il-materjal użat fl-ippakkjar irid ikun ġdid, nadif u ta’ kwalità biex ma jikkawżax ħsara esterna jew interna lill-prodott. L-użu ta’ materjal, speċjalment karti jew timbri, li jkollhom l-ispeċifikazzjonijiet tad-ditta jitħalla biss jekk l-istampar u t-tikketta jsiru b’linka jew kolla li m’humiex tossiċi.

L-ippakkjar ma jridx ikun fih materjal ieħor estern.

C. Preżentazzjoni

Il-pastard jista’ jkun preżentat:

(i) bil-pastard mimli weraq sabiħ aħdar, biżżejjed fin-numru u twil biżżejjed biex jgħatti u jipproteġi l-qalb kompletament. Iz-zokk irid ikun maqtugħ ftit l-isfel mill-weraq li jipproteġu;

(ii) mingħajr weraq: pastard bil-weraq kollu u l-parti taz-zokk li ma tittikilx trid titneħħa. L-aktar, jista’ jkun hemm ħames werqiet ħodor ċari u friski, li ma jkunux maqtugħa, qrib il-qalba;

(iii) imqaċċta: pastard b’numru biżżejjed ta’ weraq imħolli biex jipproteġi l-qalba. Dan il-weraq irid ikun b’saħħtu u aħdar u mqaċċat sa mhux aktar minn 3 ċm minn fuq tal-qalba. Iz-zokk irid ikun maqtugħ ftit l-isfel mill-weraq li jipproteġu;

VI. DISPOSIZZJONIJIET DWAR L-IMMARKAR

Kull pakkett irid ikollu fuqu dawn id-dettalji li ġejjin, b’ittri miġbura fuq l-istess naħa, li jinqraw u li ma jitħassrux, u li jidhru minn barra:

A. Identifikazzjoni

Min jippakkja u/jew min jibgħat: L-isem u l-indirizz jew il-"code mark" maħruġa uffiċjalment jew aċċettata. Iżda, f’każ fejn tintuża’ l-"code mark", ir-referenza "min ippakkja u/jew bagħat (jew abbrevazzjonijiet ekwivalenti)" iridu jkunu indikati b’rabta mill-qrib mal-"code mark".

B. Tip ta’ prodott

- "Pastard", jekk il-kontenut ma jidhirx minn barra

- Isem tat-tip kummerċjali għal pastard vjola

C. Min fejn oriġina l-prodott

- Il-pajjiż minn fejn oriġina u, jekk irid, l-istat fejn tkabbar, jew l-isem tal-post nazzjonali, reġjonali jew lokali.

D. Speċifikazzjonijiet kummerċjali

- Kategorija

- Id-daqs imfisser f’dijametri minimi u massimi jew units ta’ numri

E. Il-marka ta’ kontroll uffiċjali (mhux bilfors)

[1] Iżda, il-bejgħ tal-pastard li għandu żgur kulur vjola jew aħdar jitħalla dejjem jekk huwa karatteristiku tal-kategorija magħżula.

[2] Iżda, il-bejgħ tal-pastard li għandu żgur kulur vjola jew aħdar jitħalla dejjem jekk huwa karatteristiku tal-kategorija magħżula.

[3] Iżda, il-bejgħ tal-pastard li għandu żgur kulur vjola jew aħdar jitħalla dejjem jekk huwa karatteristiku tal-kategorija magħżula.

--------------------------------------------------

ANNESS II

STANDARDS GĦALL-QAQOĊĊ

I. TIFSIR TAL-PRODOTTI

Dan l-istandard jgħodd għall-qlub tal-qaqoċċ tal-varjetajiet (cultivars) imkabbra mis-Cynara scolymus L. li jridu jaslu friski għand il-konsumatur, qaqoċċ għall-ipproċessar industrijali huwa eskluż.

II. DISPOSIZZJONIJIET RIGWARD IL-KWALITÀ

L-għan ta’ l-istandard huwa biex jispjega x’inhuma l-bżonnijiet ta’ kwalità tal-qaqoċċ wara li jkun ippreparat u ppakkjat.

A. Ħtiġiet minimi

Fil-kategoriji kollha, skond il-provvedimenti speċjali għal kull kategorija u t-tolleranzi mogħtija, il-qaqoċċ għandu jkun:

- sħiħ,

- tajjeb; prodotti affetwati mit-taħsir jew mid-deterjorazzjoni li minħabba f’hekk ma jkunux tajba għall-ikel huma esklużi,

- nadif, prattikament ħieles minn kull ħmieġ żejjed,

- frisk fid-dehra, u li ma juri ebda sinjali li hu midbiel,

- prattikament ħieles mill-insetti,

- prattikament ħieles mill-ħsarat ikkawżati mill-insetti,

- ħieles mill-umdità esterna żejda,

- ħieles minn xi riħa u/jew togħma stramba.

Iz-zkuk iridu jinqatgħu nodfa u m’għandhomx ikunu itwal minn 10 ċm. (Din id-disposizzjoni ta’ l-aħħar ma tgħoddx għall-qaqoċċ li jkun ippakkjat f’qatta’, li jkun magħmul minn numru ta’ qlub marbuta flimkien miz-zokk, jew għall-qaqoċċ tat-tip "Spinoso").

L-iżvilupp u l-kundizzjoni tal-pastard irid ikun tali li jgħinhom:

- jifilħu għat-trasport u t-tqandil, u

- jaslu f’kundizzjoni tajba fil-post destinat.

B. Klassifikazzjoni

Il-qaqoċċ hu kklassifikat fi tliet kategoriji spjegati hawn taħt:

(i) Kategorija "Extra"

Qaqoċċ f’din il-kategorija jrid ikun ta’ kwalità superjuri. Iridu jkunu karatteristiċi tal-varjetà u/jew tip kummerċjali. Il-weraq tan-nofs iridu jkunu marsusin sew, skond il-varjetà.

Huma jridu jkunu ħielsa mid-difetti ħlief għal xi difetti superfiċjali tal-qoxra tal-weraq, dejjem jekk dawn ma jaffettwawx id-dehra ġenerali tal-prodott, il-kwalità, il-kwalità li żżomm u l-preżentazzjoni fl-ippakkjar.

Il-kanali fil-qiegħ m’għandhomx ikollhom sinjali li juru bidu ta’ tmermir.

(ii) Kategorija I

Qaqoċċ f’din il-kategorija jrid ikun ta’ kwalità tajba. Iridu jkunu karatteristiċi tal-varjetà u/jew tip kummerċjali. Il-weraq tan-nofs iridu jkunu marsusin sew, skond il-varjetà.

Xi difetti żgħar minn dawn li ġejjin jistgħu jitħallew,iżda, dejjem jekk ma jaffettwawx id-dehra ġenerali tal-prodott, il-kwalità, il-ħarsien tal-kwalità u l-preżentazzjoni fl-ippakkjar:

- difett żgħir fil-forma,

- ħsara żgħira minħabba l-ġlata (xquq),

- brix ħafif ħafna.

Il-kanali fil-qiegħ m’għandhomx ikollhom sinjali li juru bidu ta’ tmermir.

(iii) Kategorija II

Din il-kategorija tinkludi dak il-qaqoċċ li ma jistax jidħol fil-kategoriji ogħla, iżda li jissodisfa l-ħtiġijiet minimi msemmija hawn fuq. Jistgħu jkunu miftuħin ftit.

Id-difetti li ġejjin jistgħu jitħallew dejjem jekk il-qaqoċċ iżżomm il-karatteristiċi essenzjali tiegħu fejn tidħol kwalità, il-ħarsien tal-kwalità u l-preżentazzjoni:

- difetti fil-forma,

- ħsara żgħira minħabba l-ġlata (qaqoċċ "imgiddem"),

- brix ħafif,

- tebgħat żgħar fuq il-weraq ta’ barra,

- tmermir mibdi tal-kanali fil-qiegħ.

III. DISPOSIZZJONIJIET RIGWARD ID-DAQS

Id-daqs hu determinat mid-dijametru massimu tas-sezzjoni ekwatorjali tal-qlub.

L-inqas dijametru huwa ta’ 6 ċm.

Il-kejl imniżżel hawn taħt huwa obbligatorju għall-Kategoriji "Extra" u għal Kategorija I u mhux bilfors għal Kategorija II:

- dijametru ta’ 13-il ċm u aktar,

- dijametru minn 11-il ċm ‘l fuq iżda li ma jinkludix 13-il ċm,

- dijametru minn 9 ċm ‘il fuq iżda li ma jinkludix 11-il ċm,

- dijametru minn 7,5 ċm ‘l fuq iżda li ma jinkludix 9 ċm,

- dijametru minn 6 ċm ‘l fuq iżda li ma jinkludix 7,5 ċm,

Barra minn hekk, dijametru minn 3,5 ċm ‘l fuq iżda li ma jinkludix 6 ċm huwa mogħti għall-qaqoċċ tat-tip "Poivrade" u tat-tip "Bouquet".

IV. DISPOSIZZJONIJIET LI JOLQTU T-TOLLERANZI

Tolleranzi fir-rigward tal-kwalità u d-daqs se jitħallew fl-ippakkjar ta’ prodotti li ma jissodisfawx il-ħtiġiet tal-kategorija indikata.

A. Tolleranzi ta’ kwalità

(i) Kategorija "Extra"

Ħamsa fil-mija bin-numru ta’ qaqoċċ li ma jissodisfax il-ħtiġiet tal-kategorija iżda li jissodisfa dak ta’ Kategorija I jew, f’każijiet rari, li jaqa’ taħt it-tolleranzi ta’ dik il-kategorija.

(ii) Kategorija I

Għaxra fil-mija bin-numru ta’ qaqoċċ li ma jissodisfax il-ħtiġiet tal-kategorija iżda li jissodisfa dak ta’ Kategorija II jew, f’każijiet rari, li jaqa’ taħt it-tolleranzi ta’ dik il-kategorija.

(iii) Kategorija II

Għaxra fil-mija bin-numru ta’ qaqoċċ li ma jissodisfax la l-ħtiġijiet tal-kategorija u lanqas il-ħtiġiet minimi, ħlief għal prodotti affettwati mit-tħassir jew deterjorazzjoni li ma jibqgħux tajba għall-konsum.

B. Tolleranzi tad-daqs

Għal kategoriji kollha: 10 % bin-numru ta’ qaqoċċ li ma jissodisfax il-ħtiġijiet tad-daqs u d-daqs indikat iżda li jaqbel mad-daqs eżattament taħt u/jew ‘l fuq minn dak imniżżel fuq il-pakkett, b’dijametru minimu ta’ 5 ċm għall-qaqoċċ ikklassifikat fl-iżgħar daqs (6 sa 7,5 ċm).

L-ebda tolleranza ta’ daqs mhi mogħtija għall-qaqoċċ tat-tip "Poivrade" jew tat-tip "Bouquet".

V. DISPOSIZZJONIJIET RIGWARD IL-PREŻENTAZZJONI

A. Uniformità

Il-kontenut ta’ kull pakkett irid ikun l-istess u jkun fih biss qaqoċċ ta’ l-istess oriġni, varjetà jew tip kummerċjali, kwalità u daqs (jekk ikun imkejjel).

Il-parti viżibbli tal-kontenut tal-pakkett trid tirrappreżenta l-kontenut kollu.

B. Ippakkjar

Il-qaqoċċ irid ikun ippakkjat b’tali mod li l-prodott ikun protett sew.

Il-materjal użat fl-ippakkjar irid ikun ġdid, nadif u ta’ kwalità biex ma jikkawżax ħsara esterna jew interna lill-prodott. L-użu ta’ materjal, speċjalment karti jew timbri, li jkollhom l-ispeċifikazzjonijiet tad-ditta jitħalla biss jekk l-istampar u t-tikketta jsiru b’linka jew kolla li mhumiex tossiċi.

L-ippakkjar ma jridx ikun fih materjal ieħor estern.

VI. DISPOSIZZJONIJIET LI JOLQTU L-IMMARKAR

Kull pakkett irid ikollu fuqu dawn id-dettalji li ġejjin, b’ittri miġbura fuq l-istess naħa, li jinqraw u li ma jitħassrux, u li jidhru minn barra:

A. Identifikazzjoni

Min jippakkja u/jew min jibgħat: L-isem u l-indirizz tal-"code mark" maħruġa uffiċjalment jew aċċettata. Iżda, f’każ fejn tintuża’ l-"code mark", ir-referenza "min ippakkja u/jew bagħat (jew abbrevazzjonijiet ekwivalenti)" iridu jkunu indikati b’rabta mill-qrib mal-"code mark".

B. Tip ta’ prodott

- "Qaqoċċ", jekk il-kontenut ma jidhirx minn barra

- Isem tal-varjetà għall-Kategorija "Extra"

- "Poivrade" jew "Bouquet", fejn jixraq

- "Spinoso", fejn jixraq

C. Min fejn oriġina l-prodott

Il-pajjiż minn fejn oriġina u, jekk irid, l-istat fejn tkabbar, jew l-isem tal-post nazzjonali, reġjonali jew lokali.

D. Speċifikazzjonijiet kummerċjali

- Kategorija

- Numru ta’ qlub

- Id-daqs (jekk imkejjel) imfisser f’dijametri minimi u massimi tal-qlub

E. Il-marka ta’ kontroll uffiċjali (mhux bilfors)

--------------------------------------------------