31998R0846



Official Journal L 120 , 23/04/1998 P. 0013 - 0013


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 846/98

tat-22 ta’ April 1998

li jadatta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2008/97 u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 151/98

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jwaqqaf il-Komunitajiet Ewropej,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2008/97 tad-9 ta’ Ottubru 1997 li jistabbilixxi ċerti regolamenti dwar l-applikazzjoni ta’ l-arranġamenti speċjali għall-importazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa u ċerti prodotti agrikoli oħra li joriġinaw mit-Turkija [1], u b’mod partikolari l-Artikolu 8 tiegħu,

Billi d-Deċiżjoni Nru 1/98 tal-25 ta’ Frar 1998 ta’ l-Assoċjazzjoni tal-Kunsill KE-Turkija [2] dwar l-arranġamenti kummerċjali dwar prodotti agrikoli jistabbilixxi, inter alia, l-arranġamenti preferenzjali għall-importazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa li joriġina fit-Turkija applikabbli mill-1 ta’ Jannar 1998;

Billi r-Regolament (KE) Nru 2008/97 jipprovdi li fejn ikunu emendati l-kondizzjonijiet ta’ l-arranġamenti speċjali previsti fil-Ftehim ta’ l-Assoċjazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-ammonti, jew fejn jiġi milħuq ftehim ġdid, l-aġġustamenti li jirrużultaw għal dak ir-Regolament jistgħu jiġu adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 28 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 136/66/KE [3], kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1581/96 [4];

Billi l-arranġamenti speċjali għall-importazzjonijiet taż-żejt taż-żebbuġa mit-Turkija previst fid-Deċiżjoni Nru 1/98 tal-Kunsill ta’ l-Assoċjazzjoni KE-Turkija jaġġustaw b’mod partikolari t-tnaqqis fid-dazju applikabbli mill-1 ta’ Jannar 1998; billi r-Regolament (KE) Nru 2008/97 għandu għalhekk jiġi addattat biex jinkorpora dak it-tnaqqis minflok l-ammonti previsti skond id-Deċiżjoni Nru 1/77 tal-Kunsill ta’ l-Assoċjazzjoni KE-Turkija [5];

Billi l-kondizzjonijiet ta’ l-arranġamenti speċjali għall-importazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa mit-Turkija previsti fid-Deċiżjoni Nru 1/98 tal-Kunsill ta’ l-Assoċjazzjoni KE-Turkija ma jagħmlu l-ebda dispożizzjoni għal tnaqqis fid-dazju tad-dwana biex dan jiġi suġġett għall-applikazzjoni fit-Turkija ta’ kull imposta speċjali ta’ l-esportazzjoni; billi r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 151/98 [6] għandu għalhekk jiġi revokat;

Billi l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skond il-fehma tal-Kumitat tal-Ġestjoni taż-Żjut u x-Xaħmijiet,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 2008/97 qiegħed jiġi b’hekk emendat kif ġej:

1. Fl-Artikolu 2(1), il-frażi "ECU 0,7245 għal kull 100 kilogramm" jiġi mibdul b’"10 %".

2. L-Artikolu 2(2) u (3) jiġi mħassar.

3. Fl-Artikolu 3(1) u (2) rispettivament, il-frażijiet "ECU 3,723 għal kull 100 kilogra" u "ECU 7,003 għal kull 100 kilogramm" jiġu mibdula b’"5 %".

L-Artikolu 2

Ir-Regolament (KE) Nru 151/98 qiegħed b’hekk jiġi revokat.

L-Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan għandu jidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 1998.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, 22 ta’ April, 1993.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 284, tas-16.10.1997, p. 17.

[2] ĠU L 86, ta’ l-20.3.1998, p. 1.

[3] ĠU C 172, tat-30.9.1966, p. 3025/66.

[4] ĠU L 206, tas-16.8.1996, p. 11.

[5] ĠU L 278, tad-29.10.1977, p. 13.

[6] ĠU L 18, tat-23.1.1998, p. 6.

--------------------------------------------------