31998L0049



Official Journal L 209 , 25/07/1998 P. 0046 - 0049


Id-Direttiva tal-Kunsill 98/49/KE

tad-29 ta' Ġunju 1998

dwar is-salvagwardja tad-drittijiet tal-pensjoni supplimentari ta' persuni impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità.

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 51 u 235,

Wara li kkunsidra il-proposta tal-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [3],

(1) Billi waħda mil-libertajiet fundamentali tal-Komunità hija l-libertà tal-moviment tal-persuni; billi t-Trattat jipprovdi li l-Kunsill għandu, b'mod unanimu, jadotta dawn il-miżuri fil-qasam tas-sigurtà soċjali neċessarji sabiex jipprovdi libertà ta' moviment tal-ħaddiema;

(2) Billi l-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema hija żgurata bl-iskemi legali tas-sigurtà soċjali kkomplimentati mill-iskemi tas-sigurtà soċjali supplimentari;

(3) Billi l-leġislazzjoni adottata mill-Kunsill bl-iskop li tħares id-drittijiet soċjali tal-ħaddiema li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità u ta' membri tal-familja tagħhom, jiġifieri r-regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 ta' l-14 ta' Ġunju 1971 dwar l-implimentazzjoni ta' l-iskemi tas-sigurtà soċjali lil persuni impjegati, lil persuni li jaħdmu għal rashom u lill-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità [4] u (KEE) Nru 574/72 tal-21 ta' Marzu 1972 li jiddetta il-proċedura dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta' skemi tas-sigurtà soċjali lil persuni impjegati, lil persuni li jaħdmu għal rashom u lill-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità [5], jikkonċerna biss skemi ta' pensjoni statutorja; billi s-sistema ta' koordinazzjoni kif hemm ipprovdut f'dawk ir-Regolamenti ma testendix għal skemi ta' pensjoni supplimentari, bl-eċċezzjoni ta' skemi li huma koperti bil-kliem "leġislazzjoni" kif definit fl-ewwel sub-paragrafu ta' l-Artikolu 1(j) tar-Regolamenti (KEE) Nru 1408/71 jew fejn jidħol l-Istat Membru li jagħmel dikjarazzjoni taħt dak l-Artikolu;

(4) Billi l-Kunsill għandu diskrezzjoni wiesgħa fir-rigward ta' l-għażla ta' miżuri l-aktar approprjati sabiex jintlaħqu l-iskopijiet ta' l-Artikolu 51 tat-Trattat; u billi s-sistema ta' koordinazzjoni kif hemm ipprovdut fir-Regolamenti (KEE) Nru 1408/71 u (KEE) Nru 574/72, u partikolarment ir-regoli dwar l-aggregazzjoni, mhumiex approprjati għal skemi supplimentari ta' pensjoni, barra minn skemi li huma koperti mill-kelma "leġislazzjoni" kif definit fl-ewwel sub-paragrafu ta'Artikolu 1(j) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 jew li dwarhom Stat Membru jagħmel dikjarazzjoni taħt dak l-Artikolu, u għandu għaldaqstant ikun suġġett għal miżuri speċifiċi, li tagħhom din id-direttiva hija l-ewwel, sabiex tkun ikkunsidrata n-natura speċjali tagħhom u l-karatteristiċi u d-diversità ta' skemi bħal dawn fi u bejn l-Istati Membri;

(5) Billi l-ebda pensjoni jew benefiċċju m'għandu jkun suġġett kemm għad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva u dawk ta' Regolamenti (KEE) Nru 1408/71 u (KEE) Nru 574/72, u għalhekk kull skema ta' pensjoni supplimentari li taqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' dawk ir-Regolamenti, minħabba li Stat Membru jkun għamel dikjarazzjoni għal dan l-iskop taħt l-Artikolu 1(j) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71, ma tistax tkun suġġetta għad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva;

(6) Billi fir-Rakkomandazzjonijiet tiegħu 92/442/KEE tas-27 ta' Lulju 1992 dwar il-konverġenzi ta' oġġettivi u ta' politika ta' protezzjoni soċjali [6] l-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri għandhom jippromwovu, fejn meħtieġ, bidliet għall-kundizzjonijiet li jirregolaw l-akkwist ta' pensjoni u, speċjalment, drittijiet għall-pensjoni supplimentari bil-ħsieb li jkunu eliminati ostakoli għall-moviment ta' ħaddiema impjegati;

(7) Billi tista' ssir kontribuzzjoni għal dan l-iskop jekk ħaddiema li jiċċaqilqu jew li l-post tax-xogħol tagħhom jiċċaqlaq minn Stat Membru għal ieħor huma ggarantiti trattament ugwali fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-pensjoni supplimentari tagħhom ma' ħaddiema li jibqgħu jew li l-post tagħhom ta' impjieg jinbidel imma jibqa' fl-istess Stat Membru;

(8) Billi l-moviment liberu tal-persuni, li huwa wieħed mid-drittijiet bażiċi mħarsa mit-Trattat, mhuwiex limitat għal persuni impjegati imma jestendi wkoll għal persuni li jaħdmu għal rashom;

(9) Billi t-Trattat ma jipprovdix poteri ħlief dawk ta' l-Artikolu 235 sabiex jittieħdu miżuri approprjati fi ħdan il-qasam tas-sigurtà soċjali għal persuni impjegati għal rashom;

(10) Billi, sabiex ikun iggarantit l-eżerċizzju tad-dritt tal-libertà tal-movement, ħaddiema u oħrajn li huma intitulati għandhom ikollhom ċerti garanziji għal trattament ugwali rigward il-ħarsien tad-drittijiet tal-pensjoni ta' interess personali għalihom li ġejjin mill-iskemi ta' pensjoni supplimentari;

(11) Billi l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi benefiċċji taħt skemi ta' pensjoni supplimentari jitħallsu lill-membri u lill-ex membri kif ukoll oħrajn li huma intitulati minn skemi bħal dawn fl-Istati Membri kollha, ladarba r-restrizzjonijiet kollha fuq il-moviment liberu ta' ħlasijiet u tal-kapital huma pprojbiti permezz taħt l-Artikolu 73b tat-Trattat;

(12) Billi sabiex ikun iffaċilitat l-eżerċizzju tad-dritt għal moviment liberu, ir-regolamenti nazzjonali għandhom, fejn meħtieġ, ikunu aġġustati sabiex jippermettu li kontribuzzjonijiet ikomplu jsiru għall-iskemi ta' pensjonijiet supplimentari mwaqqfa fi Stat Membru wieħed minn jew f'isem il-ħaddiema li huma mibgħuta fi Stat Membru ieħor skond ir-Titolu II tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71;

(13) Billi f'dan ir-rigward it-Trattat jitlob mhux biss it-tneħħija ta' kull diskriminazzjoni bbażata fuq nazzjonalità bejn ħaddiema ta' l-Istati Membri imma wkoll l-eliminazzjoni ta' kull miżura nazzjonali li tista' timpedixxi jew tirrendi anqas attraenti għall-ħaddiema l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej f'sentenzi suċċessivi;

(14) Billi ħaddiema li jeżerċitaw drittijiethom tal-moviment liberu għandhom ikunu mgħarrfa adegwatament minn min iħaddimhom, amministraturi jew oħrajn responsabbli għat-tmexxija ta' skemi ta' pensjoni supplimentari, partikolarment fir-rigward ta' l-għażliet u l-alternattivi disponibbli għalihom;

(15) Billi din id-direttiva ma taffettwax il-liġijiet ta' l-Istati Membri li jikkonċernaw azzjoni kollettiva biex tiddefendi l-interessi ta' snajja' u professjonijiet;

(16) Billi, minħabba d-diversità ta' skemi tas-sigurtà soċjali supplimentari, l-Komunità għandha tistipula biss qafas ġenerali ta' skopijiet u għalhekk Direttiva hija l-istrument legali approprjat;

(17) Billi, skond il-prinċipji tas-sussidjarjetà u proporzjonalità kif stabbiliti fl-Artikolu 3b tat-Trattat, l-iskopijiet ta' din id-Direttiva ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri u għaldaqstant jistgħu jintlaħqu aħjar mill-Komunità; billi din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-iskopijiet,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

IL-KAPITOLU I

L-GĦAN U L-KAMP TA' APPLIKAZZJONI

L-Artikolu 1

L-għan ta' din id-Direttiva huwa li tipproteġi d-drittijiet ta' membri ta' skemi ta' pensjoni supplimentari li jiċċaqilqu minn Stat Membru għal ieħor, u b'hekk tikkontribwixxi għat-tneħħija ta' ostakoli għall-moviment liberu ta' persuni impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom fil-Komunità. Din l-protezzjoni tirreferi għal drittijiet ta' pensjoni kemm taħt skemi ta' pensjoni supplimentari volontarji kif ukoll obbligatorji, bl-eċċezzjoni ta' skemi koperti mir-Regolament (KEE) Nru 1408/71.

L-Artikolu 2

Din id-Direttiva għandha tapplika għall-membri ta' skemi ta' pensjoni supplimentari u oħrajn li huma intitolati taħt dawn l-iskemi li jakkwistaw jew qegħdin fil-proċess li jakkwistaw drittijiet f'wieħed jew aktar Stati Membri.

IL-KAPITOLU II

DEFINIZZJONIJIET

L-Artikolu 3

Għall-iskop ta' din id-Direttiva:

(a) "pensjoni supplimentarja" tirreferi għal pensjonijiet ta' rtirar u, fejn ikun ipprovdut mir-regoli ta' skema ta' pensjoni supplimentarja stabbilita konformità ma' leġislazzjoni u mal-prattika nazzjonali, benefiċċji ta' invalidità u tas-superstiti, maħsuba li jissupplimentaw jew jissostitwixxu dawk ipprovduti għall-istess kontinġenzi minn skemi ta' sigurtà soċjali legali;

(b) "skema ta' pensjoni supplimentari" tfisser kull skema ta' pensjoni tax-xogħol stabbilita inkonformità mal-leġislazzjoni u l-prattika nazzjonali bħal kuntratt ta' grupp ta' assigurazzjoni jew skema pay-as-you-go miftiehma minn waħda jew aktar fergħat jew setturi, skemi ta' fondi jew wegħda ta' pensjoni garantita minn riservi fl-estimi, jew kull arranġament kollettiv jew arranġament komparabbli maħsub li jipprovdi pensjoni supplimentari għall-persuni impjegati jew persuni li jaħdmu għal rashom;

(ċ) "drittijiet tal-pensjoni" tfisser kull benefiċċju li għalih membri u oħrajn li jħaddnu intitolament huma intitolati taħt ir-regoli ta' skemi ta' pensjoni supplimentari u, meta applikabbli, taħt leġislazzjoni nazzjonali;

(d) "drittijiet ta' pensjoni akkwiżiti" tfisser kull intitolament għal benefiċċji ottenut wara t-twettiq tal-kundizzjonijiet meħtieġa mir-regoli ta' skemi ta' pensjoni supplimentari u, meta applikabbli, taħt leġislazzjoni nazzjonali;

(e) "ħaddiem kollokat" tfisser persuna li tintbagħat taħdem fi Stat Membru ieħor u li skond il-kondizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 tissokta tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta' l-Istat Membru ta' l-oriġini, u "l-kollokament" għandu jkun interpretat f'dan is-sens;

(f) "kontribuzzjoni" tfisser kull ħlas magħmul jew meqjus li sar lil skema supplimentari ta' pensjoni.

IL-KAPITOLU III

MIŻURI GĦALL-ĦARSIEN TAD-DRITTIJIET SUPPLIMENTARI TAL-PENSJONI TA' ĦADDIEMA LI JIĊĊAQILQU FI ĦDAN IL-KOMUNITÀ

L-Artikolu 4

It-Trattament ugwali fir-rigward ta' preservazzjoni tad-drittijiet tal-pensjoni

L-Istati membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw il-konservazzjoni tad-drittijiet tal-pensjoni akkwiżiti minn membri ta' skema ta' pensjoni supplimentarja li fir-rigward tagħhom il-kontribuzzjonijiet m'għadhomx isiru għal dik l-iskema bħala konsegwenza taċ-ċaqliq tagħhom minn Stat Membru għal ieħor, fuq l-istess livell daqslikieku għall-membri li fir-rigward tagħhom il-kontribuzzjonijiet m'għadhomx isiru imma li jibqgħu fl-istess Stat Membru. Dan l-Artikolu għandu wkoll japplika għall-persuni oħra li huma intitulati skond ir-regoli ta' l-iskema supplimentari ta' pensjoni inkwistjoni.

L-Artikolu 5

Ħlasijiet 'il barra mill-fruntieri

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fir-rigward ta' membri ta' skemi supplimentari ta' pensjoni, kif ukoll bħal oħrajn li huma intitolati taħt skemi bħal dawn, skemi supplimentari ta' pensjonijiet jħallsu fi Stati Membri oħra, netti minn kull taxxi u ħlasijiet ta' transazzjonijiet li jistgħu jkunu applikabbli, minn kull benefiċċju dovut taħt skemi bħal dawn.

L-Artikolu 6

Kontribuzzjonijiet għal skemi supplimentari ta' pensjonijiet minn jew f'isem ħaddiem mibgħut

1. L-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri bħal dawn kif meħtieġa sabiex jippermettu li jitkomplew isiru kontribuzzjonijiet għal skema supplimentari ta' pensjoni stabbilita fi Stat Membru minn jew f'isem ħaddiem mibgħut li hu membru ta' skema bħal din matul il-perijodu tal-kollokament tiegħu jew tagħha fi Stat Membru ieħor.

2. Meta, skond il-paragrafu 1, il-kontribuzzjonijiet jibqgħu jsiru għal skema supplimentari ta' pensjoni fi Stat Membru wieħed, il-ħaddiem mibgħut, u meta applikabbli, min iħaddmu għandhom ikunu eżentati minn kull obbligu li jagħmlu kontribuzzjonijiet għal skemi supplimentari ta' pensjoni fi Stat Membru ieħor.

L-Artikolu 7

Informazzjoni għall-membri ta' l-iskemi

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri sabiex jiżguraw li min iħaddem, l-amministraturi jew oħrajn responsabbli għat-tmexxija ta' skemi supplimentari ta' pensjoni jipprovdu tagħrif approprjat lill-membri ta' l-iskemi, meta jiċċaqilqu lejn Stat Membru ieħor, fir-rigward tad-drittijiet tal-pensjoni tagħhom u l-għażliet li huma disponibbli għalihom taħt l-iskema. Din l-informazzjoni għandha għallinqas tikkorrispondi għal tagħrif mogħti lill-membri ta' skema li fir-rigward tagħhom il-kontribuzzjonijiet ma jibqgħux isiru imma li jibqgħu fl-istess Stat Membru.

IL-KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

L-Artikolu 8

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 6 għandhom japplikaw biss għal stazzjonamenti li jibdew fil-jew wara l-25 ta' Lulju 2001.

L-Artikolu 9

L-Istati Membri għandhom jintroduċu fis-sistemi legali nazzjonali tagħhom miżuri kif meħtieġa sabiex jippermettu lill-persuni kollha li jikkonsidraw lilhom infushom aggravati minħabba li ma ġewx applikati d-diżposizzjonijiet ta' din id-Direttiva sabiex jieħdu d-drittijiet tagħhom permezz ta' proċess ġudizzjarju wara rikors possibbli għal awtoritajiet kompetenti oħrajn.

L-Artikolu 10

1. L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma' din id-Direttiva mhux aktar tard minn 36 xahar mid-data li tkun daħlet fis-seħħ, jew għandhom jiżguraw sa mhux aktar tard minn dik id-data li l-imsieħba soċjali jintroduċu d-dispożizzjonijiet mitluba minn dan ftehim. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jippermettu lilhom nfushom f'kull ħin li jiggarantixxu r-riżultati imposti minn din id-Direttiva. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni immedjatament.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikollhom magħhom din ir-referenza fiż-żmien tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-proċedura għal din ir-referenza għandha tkun adottata mill-Istati Membri.

Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni ta' l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom ikunu kkuntattjati fir-rigward ta' l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

2. Sa mhux aktar tard mill-25 ta' Jannar 2002 l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

3. Fuq il-bażi ta' l-informazzjoni mgħoddija mill-Istati Membri, l-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, fi żmien sitt snin mid-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.

Ir-rapport għandu jittratta l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva u għandu, fejn approprjat, jipproponi kull emenda li tista' ssir meħtieġa.

L-Artikolu 11

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 12

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fil-Lussemburgu, fid-29 ta' Ġunju 1998.

Għall-Kunsill

Il-President

R. Cook

[1] ĠU C 5, tad-9.1.1998, p. 4.

[2] ĠU C 152, tat-18.5.1998.

[3] ĠU C 157, tal-25.5.1998, p. 26.

[4] ĠU L 149, tal-5.7.1971 p. 2. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 1223/98 (ĠU L 168, tat-13.6.1998, p. 1).

[5] ĠU L 74, tas-27.3.1972, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 1223/98 (ĠU L 168, tat-13.6.1998, p. 1).

[6] ĠU L 245, tas-26.8.1992, p. 49.

--------------------------------------------------