31998L0036



Official Journal L 167 , 12/06/1998 P. 0023 - 0024


Id-Direttiva tal-Kummissjoni 98/36/KE

tat-2 ta’ Ġunju 1998

li temenda d-Direttiva 96/5/KE dwar ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u ikel tat-trabi għat-trabi u għat-tfal żgħar

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/398/KEE tat-3 ta’ Mejju 1989 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar oġġetti ta’ l-ikel intenzjonati għal użu nutrizzjonali partikolari [1], kif emendata bid-Direttiva 96/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 4(1) tagħha,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat Xjentifiku għall-Ikel dwar id-disposizzjonijiet li jistgħu jħallu effett fuq is-saħħa pubblika;

Billi l-kriterji essenzjali ta’ komposizzjoni għal ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u ikel għat-trabi huma speċifikati fl-Annessi I u II rispettivament għad-Direttiva tal-Kummissjoni 96/5/KE [3]:

Billi, minħabba l-komposizzjoni nutrittiva partikolari u l-karatteristiċi kimiċi, fiżiċi u organolettiċi tal-ġobon, kieku l-prodotti magħmulin mill-ġobon u ingredjenti oħra kellhom isiru b’mod li jissodisfaw il-ħtiġiet tal-proteina stabbiliti fl-Anness II tad-Direttiva 96/5/KE, kien ikollhom kontenut ta’ xaħam għoli wisq u jkunu ta’ togħma ħażina għat-trabi u għat-tfal żgħar;

Billi għalhekk il-ħtieġa ta’ proteina għal dawk il-prodotti għandha terġa’ tiġi definita;

Billi l-bosta drawwiet kulinari fil-Komunità wasslu għat-tqegħid fis-suq ta’ zlazi wżati bħala akkompanjament ma’ ikla li huma organolettikament importanti iżda mhux sinifikanti bħala kontribut nutrittiv; billi għalhekk dawn iz-zlazi għandhom ikunu eżenti mill-ħtiġiet tal-proteini fl-Anness II;

Billi l-livelli massimi għal ċerti sustanzi miżjuda għal għanijiet nutrittivi huma stabbiliti fl-Annessi tad-Direttiva 96/5/KE; billi l-Artikolu 5 tad-Direttiva 96/5/KE jipprovdi li l-livelli massimi, flimkien ma’ dawk diġà stipulati, għandhom jiġu stabbiliti fejn meħtieġ;

Billi id-Direttiva 96/5/KE għandha tiġi emendata bix-xieraq;

Billi l-miżuri li għalihom hemm provdut f’din id-Direttiva huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti ta’ l-Oġġetti ta’ l-Ikel,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Annessi tad-Direttiva 96/5/KE huma emendati kif jidher fl-Anness għal din id-Direttiva.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1998. Għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni b’dan. Dawk il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi għandhom jiġu applikati b’mod li:

- jippermettu l-kummerċ fi prodotti li huma konformi ma’ din id-Direttiva mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 1999,

- jipprojbixxu l-kummerċ ta’ prodotti li mhumiex konformi ma’ din id-Direttiva, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2000.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-disposizzjonijiet, għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkompanjati b’referenza bħal din fil-waqt tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-proċedura għal referenza bħal din għandha tiġi adottata mill-Istati Membri.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija ndirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-2 ta’ Ġunju 1998.

Għall-Kummissjoni

Martin bangemann

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 186, tat-30.6.1989, p. 27.

[2] ĠU L 48, tad-19.2.1997, p. 20.

[3] ĠU L 49, tat-28.2.1996, p. 17.

--------------------------------------------------

ANNESS

L-Annessi ta’ din id-Direttiva 96/5/KE huma emendati kif ġej:

1. Fl-Anness II, sezzjoni 1, għandu jiżdied dan li ġej:

"1.3a. Jekk il-ġobon jissemma flimkien ma’ ingredjenti oħra fl-isem ta’ xi prodott savoury, kemm jekk il-prodott huwa ppreżentat bħala ikla kif ukoll jekk le, allura:

- il-proteina mis-sorsi tal-ħalib ma għandhiex tkun inqas minn 0,5 g/100 kJ (2,2 g/100 kcal),

- il-proteina totali fil-prodott mis-sorsi kollha ma għandhiex tkun inqas minn 0,7 g/100 kJ (3 g/100 kcal)."

"1.4a. Zlazi ppreżentati bħala akkompanjament ma’ ikla huma eżenti mill-ħtiġiet ta’ sezzjonijiet 1.1 sa 1.4 inklużi.

1.4b. Platti tal-ħelu li jsemmu prodotti tal-ħalib bħala l-ewwel jew l-uniku ingredjent fl-isem għandu jkollhom mhux anqas minn 2,2 g ta’ proteina tal-ħalib/100 kcal. Il-platti tal-ħelu kollha l-oħra huma eżenti mill-ħtiġiet f’1.1 sa 1.4."

2. L-Anness VI li ġej huwa miżjud:

"

L-ANNESS VI

Il-limiti massimi għal vitamini, minerali u oligoelementi, jekk miżjuda, f’ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u ikel tat-trabi maħsub għat-trabi u għat-tfal żgħar

Il-ħtiġiet dwar nutrijenti jirreferu għall-prodotti lesti għall-użu, imqiegħda fis-suq bħala tali jew rikostitwiti skond l-istruzzjonijiet tal-fabbrikant, għajr għall-potassju u l-kalċju li għalihom il-ħtiġiet jirreferu għall-prodott kif mibjugħ.

Nutrijent | Massimu għal kull 100 kcal |

Vitamina A (μg RE) | 180 |

Vitamina E (mg a-TE) | 3 |

Vitamina Ċ (mg) | 12,5/25/125 |

Tiamina (mg) | 0,25/0,5 |

Riboflavina (mg) | 0,4 |

Niaċina (mg NE) | 4,5 |

Vitamina B6 (mg) | 0,35 |

Aċidu Foliku (μg) | 50 |

Vitamina B12 (μg) | 0,35 |

Aċidu Pantoteniku (mg) | 1,5 |

Biotina (μg) | 10 |

Potassju (mg) | 160 |

Kalċju (mg) | 80/180/100 |

Manjesju (mg) | 40 |

Ħadid (mg) | 3 |

Żingu (mg) | 2 |

Kupru (μg) | 40 |

Jodju (μg) | 35 |

Manganiż (mg) | 0,6 |

"

--------------------------------------------------