31998L0025



Official Journal L 133 , 07/05/1998 P. 0019 - 0020


Id-Direttiva tal-Kunsill 98/25/KE

tas-27 ta' April 1998

li temenda d-Direttiva 95/21/KE li tikkonċerna l-infurzar, fir-rigward ta' vapuri li jużaw il-portijiet tal-Komunità u li jbaħħru fl-ibħra taħt il-ġurisdizzjoni ta' l-Istati Membri, ta' standards internazzjonali għas-sigurtà tal-vapuri, il-prevenzjoni ta' tniġġis u l-kondizzjonijiet ta' l-għajxien u tax-xogħol abbord (kontroll portwali ta' l-Istat)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 84(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Jaġixxi b'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 189ċ tat-Trattat [3],

(1) Billi l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 95/21/KE [4] jiddefinixxi "Konvenzjonijiet" f'termini tal-Konvenzjonijiet ikkwotati f'dak l-Artikolu fis-seħħ fiż-żmien ta' l-adozzjoni tad-Direttiva; billi l-Artikolu 2(2) jistipula li "MOU" ifisser il-Memorandum ta' Ftehim dwar il-kontroll portwali ta' l-Istat, iffirmat f'Pariġi fis-26 ta' Jannar 1982, kif kien fid-data ta' l-adozzjoni tad-Direttiva;

(2) Billi minn meta daħlu fis-seħħ l-adozzjonijiet tad-Direttiva 95/21/KE, l-emendi għall-Konvenzjoni ta' Solas 74, għall-Konvenzjoni Marpol 73/78 u għall-Konvenzjoni STCW 78; billi l-aħħar emendi għall-MOU ta' Pariġi daħlu fis-seħħ fl-14 ta' Jannar 1998; billi huwa xieraq li dawn l-emendi jiġu applikati għall-iskop tad-Direttiva;

(3) Billi l-kodiċi ta' tmexxija Internazzjonali għall-operazzjoni sigura ta' vapuri u għall-prevenzjoni tat-tniġġiż (Kodiċi ISM) addottati mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali fl-4 ta' Novembru 1993 u magħmula mandatorji tramite l-Kapitolu IX tal-Konvenzjoni Solas jistabbilixxi sistema ta' tmexxija ta' sigurtà applikabbli kemm abbord il-vapur u wkoll fuq l-art mill-kumpannija responsabbli għall-operazzjoni tal-vapur u vverifikata mill-amministrazzjoni tal-pajjż li fih il-kumpannija twettaq in-negozju tagħha;

(4) Billi l-Kodiċi ISM hija kontribuzzjoni essenzjali għas-sigurtà marittima u għall-protezzjoni ta' l-ambjent marittimu f'ibħra tal-Komunità;

(5) Billi l-Kodiċi ISM tidħol fis-seħħ f'livell internazzjonali fl-1 ta' Lulju 1998 għall-vapuri tal-passiġġieri kollha u għat-tankers taż-żejt, tankers tal-kimika, vapuri li jġorru l-gass, vapuri li jġorru merkanzija fil-massa u vapuri tat-tagħbija ta' veloċità kbira b'tunnellaġġ gross ta' 500 tunnellata metrika jew aktar;

(6) Billi r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3051/95 tat-8 ta' Diċembru 1995 dwar l-amministrazzjoni tas-sigurtà tal-bastimenti li jgħabbu/jniżżlu l-passiġġieri (il-bastimenti ro-ro) [5] jimmira lejn l-infurzar mandatarju avvanzat tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ISM għall-basitmenti ro-ro kollha minn jew lejn il-portijiet tal-Komunità, indipendentement mill-bandiera tagħhom;

(7) Billi dewmien fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ISM f'livell internazzjonali minn kumpanniji u amministrazzjonijiet jista' joħloq kawża għall-tħassib min-naħa tas-sigurtà marittima u tal-protezzjoni ta' l-ambjent;

(8) Billi għalhekk huwa meħtieġ li jkunu stabbiliti miżuri speċifiċi matul il-Komunità kollha biex jieħdu ħsieb każijiet fejn ma hemm l-ebda ċertifikati ta' l-ISM abbord; billi dawn il-miżuri għandhom jinkludu d-detenzjoni tal-vapuri kollha mingħajr ċertifikati maħruġa skond il-Kodiċi ISM;

(9) Billi, b'dana kollu, fin-nuqqas ta' defiċjenzi serji oħra li jitolbu d-detenzjoni tal-vapur, l-Istat Membru kkonċernat għandu jkun jista' jagħti awtorizzazzjoni biex titneħħa l-ordni tad-detenzjoni minn fuq il-vapur meta dan ikun meħtieġ biex tkun evitata l-konġestjoni tal-port;

(10) Billi, f'dan il-każ, l-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu, b'konformità ma' l-Artikolu 11 tad-Direttiva 95/21/KE, miżuri koordinati tajjeb sabiex jassiguraw li l-vapuri li kienu ġew awtorizzati li joħorġu mill-port mingħajr iċ-ċertifikazzjoni proprja ta' l-ISM ikunu miċħuda l-aċċess fil-portijiet kollha fi ħdan il-Komunità sakemm jinħarġu ċertifikati validi permezz tal-Kodiċi ISM mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 6 ta' l-imsemmi Artikolu;

(11) Billi huwa biss l-Istat Membru li jagħmel id-detenzjoni li jkun jista' jneħħi r-rifjut ta' l-aċċess għall-portijiet fi ħdan il-Komunità; billi dan l-Istat jista' jaċċetta, jekk hekk jixtieq, kwalunkwe informazzjoni minn Stat Membru ieħor li tkun meqjusa bħala prova li l-vapur għandu ċ-ċertifikati validi maħruġa b'konformità mal-Kodiċi ISM;

(12) Billi għandu jkun possibbli li d-Direttiva 95/21/KE tkun adattata sabiex tieħu akkont ta' l-emendi għall-konvenzjonijiet internazzjonali u l-Memorandum ta' Ftehim dwar il-kontroll portwali ta' l-Istat imsemmi fl-Artikolu 2 ta' dik id-Direttiva bi proċedura ssimplifikata; billi l-proċedura li hemm provvediment dwarha fl-Artikolu 18 ta' l-imsemmija Direttiva tidher li hija l-aktar xierqa għal dawn l-emendi; billi għal dak il-għan l-Artikolu 19 għandu jiġi estiż,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

Id-Direttiva 95/21/KE hija b'hekk emendata kif ġej:

1. L-Artikolu 2 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a) fil-punt 1, il-kliem "fis-seħħ fid-data ta' l-adozzjoni ta' din id-Direttiva" għandu jinbidel bi "fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1998";

(b) fil-punt 2, il-kliem "kif ikun fid-data ta' l-adozzjoni ta' din id-Direttiva" għandhom jinbidlu bi "kif jinstab fl-14 ta' Jannar 1998".

2. L-Artikolu segwenti għandu jkun miżjud:

"L-Artikolu 9a

Proċedura applikabbli fin-nuqqas ta' ċertifikati ISM

1. Meta spezzjoni tiżvela li l-kopja tad-dokument ta' konformità jew iċ-ċertifikat ta' maniġġjar tas-sigurtà maħruġ b'konformità mal-Kodiċi Internazzjonali għall-immaniġjar għall-operazzjoni sigura ta' vapuri u għall-prevenzjoni tat-tniġġiż (kodiċi ISM) ma jkunx abbord vapur li għalih, fi ħdan il-Komunità, il-Kodiċi ISM hija applikabbli fid-data ta' l-ispezzjoni, l-awtorità kompetenti għandha tassigura li l-vapur ikun detenut.

2. Indipendentament min-nuqqas tad-dokumentazzjoni li hemm referenza dwarha fil-paragrafu 1, jekk l-ispezzjoni ma ssib l-ebda defiċjenzi oħra li jiġġustifikaw id-detenzjoni l-awtorità kompetenti tista' tirtira d-detenzjoni sabiex tevita l-konġestjoni fil-port. Kull meta tittieħed deċiżjoni bħal din, l-awtorità kompetenti għandha tgħarraf immedjetament lill-aworitajiet kompetenti ta' l-Istati Membri l-oħra dwar dan.

3. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jassiguraw li l-vapuri kollha awtorizzati li joħorġu minn port fi Stat Membri fiċ-ċirkustanzi li saret referenza dwarhom fil-paragrafu 2 għandhom ikunu miċħuda l-aċċess għall-portijiet kollha fil-Komunità, ħlief f'dawk is-sitwazzjonijiet li saret referenza dwarhom fl-Artikolu 11(6), sakemm is-sid jew l-operatur tal-vapur ikun wera, għas-sodisfazzjon ta' l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru li fih ġiet ordnata d-detenzjoni, li l-vapur għandu ċertifikati validi maħruġa b'konformità mal-Kodiċi ISM. Meta jinstabu defiċjenzi kif hemm referenza dwarhom fl-Artikolu 9(2) u ma jistgħux ikunu rratifikati fil-port tad-detenzjoni, id-dispożizzjonijiet relevanti ta' l-Artikolu 11 għandhom ukoll ikunu japplikaw.".

3. Fl-Artikolu 19 il-punt segwenti għandu jkun miżjud:

"(ċ) jadottaw id-dati fl-Artikolu 2 sabiex jittieħed kont ta' l-emendi li jkunu daħlu fis-seħħ fil-Konvenzjonijiet Internazzjonali u għall-MOU li hemm referenza dwarha fl-imsemmi Artikolu bl-eċċezzjoni tal-Protokolli għal dawk il-Konvenzjonijiet."

L-Artikolu 2

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma' din id-Direttiva qabel l-1 ta' Lulju 1998. Għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan.

Meta Stat Membru jadotta dawn il-miżuri, dawn għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta' kif issir din ir-referenza għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi domestika li jadottaw fil-qasam irregolat minn din id-Direttiva.

L-Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fil-Lussemburgu, fis-27 ta' April 1998.

Għall-Kunsill

Il-President

R. Cook

[1] ĠU C 264, tat-30.8.1997, p. 33.

[2] L-Opinjoni mogħtija fl-10 ta' Diċembru 1997 (ĠU C 73, tad-9.3.1998, p. 64).

[3] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-4 ta' Diċembru 1997 (ĠU C 388, tat-22.12.1997, p. 16), il-Pożizzjoni komuni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 1998 (ĠU C 91, tas-26.3.1998, p. 28) u d-Deċiżjoni tal-Parlament tal-31 ta' Marzu 1998 (ĠU C 138, ta' l-4.5.1998).

[4] ĠU L 157, tas-7.7.1995, p. 1.

[5] ĠU L 320, tat-30.12.1995, p. 14.

--------------------------------------------------