31998F0429



Official Journal L 191 , 07/07/1998 P. 0008 - 0009


Azzjoni konġunta

tad-29 ta' Ġunju 1998

adottata mill-Kunsill fuq il-bażi ta' l-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li tistabbilixxi sistema ta' evalwazzjoni kollettiva ta' l-approvazzjoni, l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni effettiva mill-pajjiżi applikanti ta' l-acquis ta' l-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-Ġustizzja u Intern

(98/429/JHA)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu K.3(2)(b) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew f'Copenhagen fl-1993 u fil-Lussemburgu fl-1997,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill fi Brussel fid-19 ta' Marzu 1998,

Billi hu mixtieq li tiġi stabbilita sistema li tħalli l-esperti mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni biex jevalwaw kollettivament fil-qafas tal-Kunsill l-approvazzjoni, l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni effettiva mill-pajjiżi applikanti ta' l-acquis ta' l-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-Ġustizzja u Intern;

Billi dawn l-evalwazzjonijiet għandhom jiġu kkunsidrati mill-Kummissjoni fl-aġġustament ta' prijoritajiet u l-għanijiet fil-Partnerships ta' l-Adezjoni u fl-istrutturi stabbiliti ta' l-Unjoni Ewropea fil-kuntest ta' diskussjonijiet futuri dwar it-tkabbir,

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

Artikolu 1

Għan

1. Mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Komunità jew għall-istrutturi stabbiliti għad-determinazzjoni tal-pożizzjoni ta' l-Istati Membri fin-negozjati dwar l-adeżjoni, għandha tiġi stabbilita sistema skond id-dispożizzjonijiet imniżżla hawn taħt għal evalwazzjoni kollettiva ta' l-approvazzjoni, l-applikazzjoni u l-implementazzjoni effettiva mill-Istati li huma kandidati għall-adeżjoni fl-Unjoni Ewropea (il-pajjiżi kandidati) ta' l-acquis ta' l-Unjoni fil-qasam tal-Ġustizzja u Intern.

2. Kull Stati Membru għandu jiżgura li l-awtoritajiet nazzjonali tiegħu jikkoperaw kompletament fl-implimentazzjoni tas-sistema għal evalwazzjoni kollettiva stabbilita skond din l-Azzjoni Konġunta (is-sistema ta' evalwazzjoni).

Artikolu 2

Grupp ta' esperti

1. Grupp ta' esperti, li se jiġi stabbilit skond ir-regoli ta' proċedura tal-Kunsill taħt is-sorveljanza tal-Kumitat ta' Rappreżentanti Permanenti ta' l-Istati Membri (Coreper), għandu jkollu l-funzjoni li jipprepara u jżomm aġġornati evalwazzjonijiet kollettivi tas-sitwazzjoni fil-pajjiżi kandidati fuq l-approvazzjoni, l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni effettiva ta' l-acquis ta' l-Unjoni fil-qasam tal-Ġustizzja u Intern.

2. Stat Membru wieħed jew aktar, b'assoċjazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, jista' jagħti għajnuna partikolari fil-preparazzjoni u l-manteniment, għal pajjiż partikolari, ta' rapporti komprensivi li jifformaw il-bażi ta' l-evalwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, waqt li tiġi kkunsidrata l-informazzjoni disponibbli skond l-Artikolu 3.

3. Il-grupp ta' esperti għandhom jevitaw xogħol doppju diġà magħmul u xogħol li jikkoinċidi ma' attivitajiet oħra li qed isiru mill-Unjoni f'dan il-qasam.

Artikolu 3

Kompilazzjoni ta' informazzjoni

1. Il-materjal kollu relevanti għall-approvazzjoni, l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni effettiva mill-pajjiżi kandidati ta' l-acquis ta' l-Unjoni fil-qasam tal-Ġustizzja u Intern għandu jkun disponibbli għall-grupp ta' esperti mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni biex iħallu lill-grupp jipprepara u jmanti evalwazzjonijiet kollettivi tas-sitwazzjoni f'kull pajjiż kandidat u analiżi ta' setturi li jistgħu ikollhom xi problemi.

2. L-evalwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom bħala l-ewwel pass jibbażaw b'mod partikolari fuq:

- informazzjoni mogħtija individwalment jew kollettivament minn Stati Membri ibbażata fuq l-esperjenza diretta tagħhom ta' xogħol mal-pajjiżi kandidati, li tinkludi informazzjoni disponibbli f'Schengen,

- rapporti, kif xieraq, mill-Ambaxxati u d-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' l-Istati Membri' fil-pajjiżi kandidati, fuq il-bażi, fejn hu neċessarju, ta' kwistjonarju li jiġi ppreparat mill-grupp ta' esperti,

- informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni permezz ta' rwol tagħha fil-proċess totali ta' adeżjoni, li tinkludi rapporti mill-missjonijiet magħmula fil-qafas tal-programme Phare,

- rapporti tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjonijiet u rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta' l-Ewropa, jew b'kull sors ieħor li huma meqjusa bħala relevanti rigward il-kontenut ta' l-acquis.

3. Jekk hi neċessarja informazzjoni addizzjonali, jiġu fformati gruppi ad hoc ta' rappreżentanti u esperti minn Stati Membri u mill-Kummissjoni biex iwettqu aktar missjonijiet fuq aspetti speċifiċi mingħajr ma jitfgħu piż żejjed fuq il-pajjiżi kandidati. Id-deċiżjoni dwar l-organizzazzjoni u l-komposizzjoni, iż-żmien u t-termini ta' referenza ta' dawn il-missjonijiet għandha tiġi deċiża mill-Kunsill, b'maġġoranza kwalifikata, wara parir mill-grupp ta' esperti, b'koperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni.

Artikolu 4

Progress u riżultati tal-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni

1. Il-grupp ta' esperti għandu, permezz ta' Coreper u b'koperazzjoni mill-qrib mal-Kumitati stabbilit skond l-Artikolu K.4 tat-Trattat u ma' organizzazzjonijiet oħra tal-Kunsill involuti mal-proċess tat-tkabbir, jirrapporta lill-Kunsill fuq il-progress u r-riżultati ta' l-evalwazzjonijiet. Il-grupp għandu jżomm informat lill-organizzazzjonijiet tal-Kunsill relevanti oħra bix-xogħol tiegħu.

2. Il-Kummissjoni hi mistiedna tikkunsidra l-evalwazzjonijiet kollettivi fil-proposti tagħha għal aġġustament sinifikanti ta' prijoritajiet u ta' l-għanijiet tas-sħubija ta' adeżjoni, li għandhom jiġu mogħtija lill-Kunsill għad-deċiżjoni skond l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 622/98 tas-16 ta' Marzu 1998 dwar l-għajnuna lill-Istati applikanti fil-qafas ta' l-istrateġija pre-adeżjoni, u b'mod partikolari dwar l-istabbiliment ta' Partnerships ta' l-Adeżjoni [1]. Dawn l-evalwazzjonijiet għandhom jittieħdu in konsiderazzjoni fi ħdan l-istrutturi stabbiliti ta' l-Unjoni Ewropea fil-kuntest ta' diskussjonijiet futuri dwar it-tkabbir.

Artikolu 5

Reviżjoni tas-sistema ta' l-evalwazzjoni

Mhux aktar tard minn sena wara d-dħul fis-seħħ ta' din l-Azzjoni Konġunta, il-Kunsill għandu jeżamina l-ħidma u l-iskop tas-sistema ta' l-evalwazzjoni u għandu, jekk hu xieraq, jagħmel aġġustamenti fih.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali.

Artikolu 7

Il-Pubblikazzjoni

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

Magħmula fil-Lussemburgu, fid-29 ta' Ġunju 1998.

Għall-Kunsill

Il-President

R. Cook

[1] ĠU L 85, 20. 3. 1998, p. 1.

--------------------------------------------------