31998D0746



Official Journal L 358 , 31/12/1998 P. 0114 - 0114


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tal-21 ta' Diċembru 1998 li

tikkonċerna l-approvazzjoni, f'isem il-Komunità, ta' l-emendi għall-Appendiċi II u III tal-Konvenzjoni ta' Berna dwar il-konservazzjoni tas-selvaġġina u l-habitat naturali fl-Ewropa adottata fis-sbatax-il laqgħa tal-Kumitat Permanenti tal-Konvenzjoni

(98/746/KE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 130s(1), l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 228(2), u l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 228(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Billi l-Komunità Ewropea hija Parti Kontraenti tal-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tas-Selvaġġina u l-Habitat Naturali fl-Ewropa bis-saħħa tad-Deċiżjoni Nru 82/72/KEE [3];

Billi, grazzi għas-sostenn deċiżiv mill-Komunità, ġew miżjuda erba' speċi ma' l-Appendiċi II tal-Konvenzjoni u 22 ma' l-Appendiċi III tal-Konvenzjoni fis-sbatax-il laqgħa tal-Kumitat Permanenti tal-Konvenzjoni ta' Berna li saret fi Strasburgu bejn l-1 u l-5 ta' Diċembru 1997; billi l-Kummissjoni ħadet sehem f'dik il-laqgħa f'isem il-Komunità;

Billi tnejn minn dawk l-ispeċi huma koperti mid-Direttiva tal-Kunsill Nru 79/409/KEE tat-2 ta' April 1979 dwar il-konservazzjoni ta' l-għasafar li jgħixu fl-ambjent naturali tagħhom [4] u tlieta minnhom huma koperti mid-Direttiva tal-Kunsill Nru 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta' habitat naturali u fawna u flora selvaġġi [5];

Billi, skond l-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni, kull emenda għall-Appendiċi tal-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ għall-Partijiet Kontraenti kollha, bl-eċċezzjoni ta' min jagħmel in-notifika ta' oġġezzjoni skond il-paragrafu 3 ta' dak l-Artikolu, tliet xhur wara l-adozzjoni tagħha mill-Kumitat Permanenti;

Billi l-Komunità trid tapprova l-emendi msemmija ta' l-Appendiċi II u III tal-Konvenzjoni adottati fis-sbatax-il laqgħa tal-Kumitat Permanenti, skond l-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni,

IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

L-inklużjoni ta' l-ispeċi Acipenser sturio, Puffinus yelkouan, Phalacrocorax aristotelis (fil-Mediterran) u Valencia leutourneuxi fl-Appendiċi II tal-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tas-Selvaġġina u l-Habitat Naturali fl-Ewropa, u ta' l-ispeċi Hippospongia communis, Spongia agaricina, Spongia officinalis, Spongia zimocca, Antipathes sp. plur., Corallium rubrun, Paracentrotus lividus, Homarus gammarus, Maja squinado, Palinurus elephas, Scyllarides latus, Scyllarides pigmaeus, Scyllarus arctus, Epinephelus marginatus, Isurus oxyrinchus, Lamna nasus, Mobula mobular, Prionace glauca, Raja alba, Scioena umbra, Squatina squatina, u Umbrina cirrosa (it-22 speċi kollha fil-Mediterran) fl-Appendiċi III ta' dik il-Konvenzjoni, hija hawnhekk approvata f'isem il-Komunità Ewropea.

Artikolu 2

Din id-Deċizjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Magħmula fi Brussel, fil-21 ta' Diċembru 1998.

F'isem il-Kunsill

Il-President

M. Bartenstein

[1] ĠU C 116, tas-16.4.1998, p. 24.

[2] ĠU C 328, tas-26.10.1998, p. 81.

[3] ĠU L 38, tal-10.2.1982, p. 1.

[4] ĠU L 103, tal-25.4.1979, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata mid-Direttiva Nru 97/49/KE (ĠU L 223, tat-13.8.1997, p. 9).

[5] ĠU L 206, tat-22.7.1992, p. 7. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata mid-Direttiva Nru 97/62/KE (ĠU L 305, tat-8.11.1997, p. 42).

--------------------------------------------------