31998D0708



Official Journal L 336 , 11/12/1998 P. 0046 - 0047


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tat-3 ta’ Novembru 1998

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika taċ-Ċili fuq prekursuri u sustanzi kimiċi użati spiss għall-manifattura illeċita ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi

(98/708/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 113, flimkien ma’ l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 228(2) u l-Artikolu 228(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi, fil-25 ta’ Settembru 1995, il-Kunsill awtorizza l-Kummissjoni li tinnegozja ma’ l-Istati Membri ta’ l-Organizzazzjoni ta’ l-Istati Amerikani, f’isem il-Komunità, ftehim fuq il-kontroll tad-drogi prekursuri u sustanzi kimiċi; billi, skond din l-awtorizzazzjoni, il-Kummissjoni temmet in-negozjati maċ-Ċili fit-3 ta’ Diċembru 1997;

Billi l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika taċ-Ċili fuq prekursuri u sustanzi kimiċi użati spiss għall-manifattura illeċita ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi għandha tkun approvata;

Billi huwa xieraq li l-Kunsill għandu jawtorizza l-Kummissjoni, f’konsultazzjoni ma’ kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill, li tapprova emendi f’isem il-Komunità fejn il-Ftehim jipprovdi għalihom biex ikunu adottati mill-Grupp Konġunt ta’ Follow-up; billi awtorizzazzjoni bħal din għandha, iżda, tkun limitata għall-emendi ta’ l-Annessi għall-Ftehim safejn emenda bħal din tirrigwarda sustanzi diġà koperti bil-leġislazzjoni tal-Komunità fuq drogi prekursuri u sustanzi kimiċi,

IDDEĊIEDA LI ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika taċ-Ċili fuq prekursuri u sustanzi kimiċi użati spiss għall-manifattura illeċita ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi hija b’din approvata f’isem il-Komunità.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa hawnhekk awtorizzat li jinnomina l-persuna bil-poter li tiffirma l-Ftehim.

Artikolu 3

Il-President tal-Kunsill għandu jesegwixxi, għan-nom tal-Komunità, il-bdil ta’ strumenti li jipprovdi għalih l-Artikolu 12 tal-Ftehim [1].

Artikolu 4

1. Il-Komunità għandha tkun rappreżentata fil-Grupp Konġunt ta’ Follow-up strumenti li jipprovdi għalih l-Artikolu 9 tal-Ftehim mill-Kummissjoni, mgħejjuna mir-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri.

2. Il-Kummissjoni hija awtorizzata li tapprova, f’isem il-Komunità, emendi lill-Annessi għall-Ftehim adottat mill-Grupp Konġunt Li Jsegwi taħt il-proċedura preskritta fl-Artikolu 10 tal-Ftehim.

Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna fl-esekuzzjoni ta’ dan ix-xogħol tagħha minn kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill bi struzzjonijiet li tkun stabbilita pożizzjoni komuni.

3. L-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandha tkun limitata għal dawk is-sustanzi li huma diġà koperti bil-leġislazzjoni tal-Komunità fuq drogi prekursuri u sustanzi kimiċi.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tkun ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Magħmula fi Brussel, fit-3 ta’ Novembru 1998.

Għall-Kunsill

Il-President

B. Prammer

[1] Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ser tkun ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

--------------------------------------------------