31998D0457



Official Journal L 201 , 17/07/1998 P. 0114 - 0116


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tat-3 ta’ Lulju, 1998,

dwar il-prova ta’ Ħruq ta’ Oġġett Singolu (Single Burning Item) (SBI) msemmija fid-Deċiżjoni 94/611/KE li timplimenta l-Artikolu 20 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE dwar prodotti għall-bini

(notifikata bid-dokument numru C(1998) 1743)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(98/457/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE tal-21 ta’ Diċembru, 1988, dwar l-approssimazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar prodotti għall-bini [1], kif emendata bid-Direttiva 93/68/KEE [2], u partikolarment l-Artikolu 20 tagħha,

Billi d-differenzi bejn Stati Membri fil-metodi ta’ prova u fis-sistemi ta’ klassifikazzjoni għal reazzjoni għan-nar tfisser li jista’ jkun hemm armonizzazzjoni biss jekk tkun adottata sistema ta’ klassifikazzjoni waħda msejsa fuq metodi ta’ prova maqbula biex jintużaw fil-Komunità kollha;

Billi l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 89/106/KEE jipprovdi illi, biex jitqiesu livelli differenti ta’ protezzjoni ta’ xogħlijiet għall-bini, dak li jkun essenzjalment meħtieġ jista’ jagħti lok li jkunu stabbiliti klassijiet;

Billi l-punt 4.3.1.1 tad-dokument ta’ interpretazzjoni Nru 2 mehmuż mal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE [3] jispeċifika illi biex tkun tista’ ssir prova fuq bażi komuni tar-reazzjoni ta’ prodott għan-nar, għandha tkun żviluppata soluzzjoni armonizzata li tista’ tagħmel provi fuq skala sħiħa jew parzjali li jkunu jaqblu ma’ nar veru f’sitwazzjonijiet rilevanti;

Billi din is-soluzzjoni armonizzata tinsab f’sistema ta’ klassijiet kif adottati fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/611/KE [4];

Billi d-Deċiżjoni 94/611/KE tirreferi fit-Tabella 1 ta’ l-Anness tagħha għall-prova ta’ Ħruq ta’ Oġġett Singolu (SBI) li hija meħtieġa biex issir prova ta’ prodotti għall-ħitan u soqfa, inkluż il-kisi tal-qoxra tagħhom, elementi tal-bini, prodotti mħallta f’materjal tal-bini, partijiet ta’ pajpijiet u kanali u prodotti għall-faċċati/ħitan esterni fil-klassijiet B, Ċ jew D;

Billi d-differenzi fit-tagħmir użat għall-prova tar-reazzjoni għan-nar jistgħu jwasslu għal differenzi fir-riżultati tal-provi; billi għalhekk, biex ikun żgurat li r-riżultati tal-provi jkunu l-istess fil-Komunità kollha, jeħtieġ li jkun hemm definizzjoni waħda tal-konfigurazzjoni tat-tagħmir SBI;

Billi d-definizzjoni ta’ konfigurazzjoni waħda tat-tagħmir SBI għall-prova hija ġejja minn studju magħmul f’isem il-Kummissjoni mill-Grupp ta’ Laboratorji Uffiċjali, li għamel prova tal-ħila tal-konfigurazzjonijiet differenti ta’ SBI biex jaqblu mal-ħtiġijiet tal-prova tar-reazzjoni għan-nar imsemmija fid-Deċiżjoni 94/611/KE, u li rrakkomanda l-għamla l-aktar addattata;

Billi l-konfigurazzjoni SBI magħżula kienet suġġetta għall-programm ta’ provi f’diversi laboratorji (b’mod ċirkolari) li kellu x’jaqsam ma’ firxa wiesgħa ta’ materjal għall-bini;

Billi l-miżuri msemmija f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Bini,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-fini ta’ klassifikazzjoni ta’ prodotti għall-bini skond ir-reazzjoni tagħhom għan-nar, il-prova tal-Ħruq ta’ Oġġett Singolu (SBI) fil-magħluq, kif muri fit-Tabella 1 ta’ l-Anness li jinsab mad-Deċiżjoni 94/611/KE għandha taqbel mal-konfigurazzjoni msemmija fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, it-3 ta’ Lulju, 1998.

Għall-Kummissjoni

Martin bangemann

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 40, tal-11.2.1989, p. 12.

[2] ĠU L 220, tat-30.8.1993, p. 1.

[3] ĠU C 62, tat-28.2.1994, p. 23.

[4] ĠU L 241, tas-16.9.1994, p. 25.

--------------------------------------------------

ANNESS

KONFIGURAZZJONI SBI

1. Ġenerali

L-impjant tal-prova SBI għandha tintwera kollha fi standard Ewropea futur.

L-impjant tal-prova SBI, fl-intier tagħha (inkluż l-ispazju magħluq ta’ madwarha), għandha tkun l-istess fil-każi kollha, suġġetta għal xi varjazzjonijiet permissibbli (per eżempju dwar tolleranzi) li għandhom ikunu nklużi f’dak l-istandard Ewropew.

2. Prinċipji ta’ prova

Kampjun ta’ prova magħmul minn żewġ taqsimiet vertikali li jiffurmaw angolu rett jiġi espost għall-fjamma minn burner imqiegħed fil-qiegħ ta’ l-angolu. Il-fjamma tkun magħmula mill-ħruq ta’ gass propan injettat minn saff ramel.

Wara li jinxtagħal il-burner, jiġu reġistrati l-parametri li ġejjin tal-proċess tal-ħruq tal-kampjuni: il-ħin meta jinxtagħal, il-firxa tal-fjamma, is-sħana li toħroġ, kemm ikun hemm duħħan u qtar żgħar/frak mill-fjamma.

3. L-impjant ta’ prova

L-impjant tal-prova SBI tikkonsisti fi spazju magħluq fejn issir il-prova, it-tagħmir SBI (trolley, struttura, burners, kappun, kollettur u tubi), is-sistema ta’ provvista ta’ propàn, is-sistema għall-ħruġ tad-duħħan u tagħmir ġenerali ta’ kejl.

L-ispeċifikazzjoni u l-konfigurazzjoni preċiżi ta’ l-impjant ta’ prova jingħataw definizzjoni fl-istandard Ewropew futur msemmija fil-punt 1. Il-komponenti ewlenin ikunu kif ġej:

3.1. Spazju magħluq fejn issir il-prova SBI

- Qisien interni

- għoli 2,4 ± 0,1 m (il-livell ta’ l-istruttura minn fuq),

- il-qies tal-qiegħ 3,0 ± 0,6 m fiż-żewġ dimensjonijiet,

- twieqi: twieqi fiż-żewġ ħitan li jħarsu fuq il-faċċata taż-żewġ kampjunu ta’ pjani perpendikolari,

- ħajt wieħed b’fetħa għal trolley; distanza bejn it-trolley u l-ħitan tal-ġnub =<0,5 m,

- bit-trolley f’postu, il-fetħiet fl-ispazju magħluq fejn issir il-prova, ħlief għall-kanal minn fejn tidħol l-arja fil-qiegħ tat-trolley u għall-ftuħ fil-kappun biex joħroġ id-duħħan, m’għandhomx ikunu aktar minn 0,05 m2.

3.2. Apparat SBI

It-tagħmir SBI jikkonsisti fi:

(a) trolley li fuqu jitqiegħdu żewġ kampjuni b’partijiet perpendikolari, bil-burner primarju tar-ramel fil-qiegħ ta’ l-anglu vertikali; it-trolley jitqiegħed f’postu bin-naħa ta’ wara tiegħu tagħlaq il-fetħa fil-ħajt fl-ispazju magħluq fejn issir il-prova SBI; il-kanal ta’ arja taħt il-qiegħ tat-trolley jkollu pjanċi mtaqqba biex ikun hemm distribuzzjoni uniformi tal-kurrent fil-qiegħ ta’ l-ispazju magħluq fejn issir il-prova;

(b) struttura tal-fiss li fih jitqiegħed it-trolley u li żżomm il-kappun; il-burner sekondarju jkun imwaħħal ma’ l-istruttura;

(ċ) kappun fuq il-parti ta’ fuq ta’ l-istruttura biex jiġbor il-gass li jkun qed jinħaraq;

(d) kollettur fuq in-naħa ta’ fuq tal-kappun b’pajp orizzontali biex joħroġ id-duħħan; b’regolaturi fil-qiegħ tal-kollettur biex ma jħallux li l-kurrent fil-kappun ikun asimetriku żżejjed;

(e) tubu ta’ misurazzjoni b’dimensjonijiet u konfigurazzjoni definiti.

It-tagħmir għandu jkun jista’ jieħu kampjuni ta’ prova ta’ ħxuna sa 200 mm.

3.3. Burners u sistema ta’ provvista ta’ propàn

(a) It-tagħmir SBI ikollu żewġ burners tar-ramel bħal xulxin, wieħed fil-qiegħ tal-pjanċa tat-trolley, u l-ieħor imwaħħal fuq lasta ta’ l-istruttura, bl-ispeċifikazzjonijiet li ġejjin:

- forma: trijanglu rettangulari (kif jidher minn fuq) b’żewġ ġnub bl-istess daqs ta’ 250 mm, għoli ta’ 80 mm, bil-qiegħ magħluq ħlief għall-socket ta’ pajp ta’ 1/2’' fin-nofs tat-trijanglu, bil-parti ta’ fuq miftuħa; b’qisien ta’ ± 2 mm,

- kaxxa magħmula minn azzar ta’ 1,5 mm (azzar li ma jissaddadx), mimlija b’saff xaħx fil-qiegħ ta’ 60 mm (qies 4 sa 8 mm) u fil-wiċċ b’saff ‘ramel’ ta’ 20 mm (2 sa 4 mm); garża tal-metall biex tistabilizza ż-żewġ saffi u ma tħallix li x-xaħx jidħol fis-socket tal-pajp tal-gass; ħxuna tas-saffi ± 2 mm,

- posizzjonijiet

- il-burner primarju jitqiegħed fuq it-trolley u jitqabbad mal-profil "U" fil-qiegħ fejn ikun il-kampjun,

- il-burner sekondarju jitqabbad ma’ l-lasta ta’ l-istruttura quddiem l-anglu tal-kampjun, bil-parti ta’ fuq tal-burner f’għoli ta’ 1450 ± 5 mm mill-art (1000 mm distanza vertikali mill-kappun), bid-djagonal tiegħu parallel ma’ u l-eqreb tad-djagonal tal-burner primarju u bit-truf tiegħu ta’ 45 gradi f’ 700 ± 5 mm minn fejn ikun il-kampjun;

(b) il-kampjuni huma protetti mis-sħana li toħroġ mill-fjammi tal-burner sekondarju b’ilqugħ ta’ materjal u konfigurazzjoni definiti.

(ċ) il-burners għandu jkollhom mekkaniżmu biex iqabbad in-nar, per eżempju fjamma pilota jew fil inemnem;

(d) il-propàn għandu jkun 95 % pur jew aktar. Il-provvista ta’ propàn issir permezz ta’ kontrollur ta’ kurrent ta’ massa bi ħtiġijiet speċifiċi.

3.4. Sistema ta’ ħruġ tad-duħħan

Is-sistema tal-ħruġ tad-duħħan għandha tkun konformi mal-ħtiġijiet li għandhom jiġu definiti fi standard Ewropew futur msemmija fil-punt 1.

3.5. Tagħmir ġenerali ta’ kejl

It-tagħmir ta’ kejl, tip, xoghol u lokazzjoni, għandhom ikunu speċifikati fl-istandard Ewropew futur msemmija fil-punt 1.

4. Kampjun ta’ prova

Il-kampjun ta’ prova, ta’ għamla angolari, jikkonsisti f’żewġ taqsimiet, magħrufa bħala t-taqsima l-qasira u t-twila rispettivament.

Il-qisen tal-wiċċ ta’ kampjuni ta’ prova ta’ prodotti laminati u tas-siment għandhom ikunu kif ġej:

(a) in-naħa l-qasira: 495 ± 5 mm x 1500 mm ± 5 mm;

(b) in-naħa t-twila: 1000 mm ± 5 mm x 1500 mm ± 5 mm.

Kampjuni ta’ prova ta’ tipi ta’ prodotti oħra bħal cables, pajpijiet, kanali, tubi u materjal imħawwad ta’ insulazzjoni għandhom ikunu provduti u mqiegħda b’mod rappreżentattiv kif għandu jkun deskritt kollu fi standard Ewropew futur.

Jekk ikun meħtieġ, il-prodotti għandhom jitwaħħlu f’bażi b’mod rappreżentattiv li jkun jaqbel ma’ l-użu finali tal-prodott. Il-bażi u l-proċedura ta’ mmuntar għandhom ikunu definiti fi standard Ewropew futur.

Il-prodotti għandhom jitwaħħlu ma’ struttura ta’ tip speċifikat, u b’kondizzjonijiet skond id-disposizzjonijiet ta’ standard Ewropew futur.

It-taqsimiet tal-pampjun, meta jitpoġġew, għandhom jitqiegħdu vertikali fuq it-trolley, u mmarkati b’linji orizzontali u vertikali. Dawn il-proċeduri għandhom ikunu definiti fi standard Ewropew futur.

5. Proċedura ta’ prova

Il-proċedura ta’ prova, inklużi l-kalibrazzjoni, proċeduri ta’ mmuntar u kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni, u l-parametri li għandhom jingħataw fi standard Ewropea futur.

--------------------------------------------------